Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Regoli ġodda dwar is-Servizzi ta’ Pagament għall-benefiċċju tal-konsumaturi u l-bejjiegħa bl-imnut

Commission Européenne - IP/13/730   24/07/2013

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-24 ta' Lulju 2013

Regoli ġodda dwar is-Servizzi ta’ Pagament għall-benefiċċju tal-konsumaturi u l-bejjiegħa bl-imnut

Sabiex tadatta s-suq tal-pagamenti tal-UE għall-opportunitajiet tas-suq uniku u biex issostni t-tkabbir tal-ekonomija tal-UE, il-Kummissjoni Ewropea llum adottat pakkett li jinkludi:

  1. Direttiva dwar is-Servizzi ta' pagament ("PSD2")

  2. Proposta għal Regolament dwar it-tariffi ta' interkambju għal tranżazzjonijiet ta’ pagament abbażi tal-kards

Il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi, Michel Barnier, qal: “Illum, is-suq tal-pagamenti fl-UE huwa frammentat u għoli b'kost ta’ aktar minn 1 % tal-PDG tal-UE jew EUR 130 biljun fis-sena. Dawn huma kostijiet li l-ekonomija tagħna ma tiflaħx għalihom. Il-proposta tagħna se tippromwovi suq diġitali uniku billi tagħmel il-pagamenti bl-internet irħas u aktar sikuri, kemm għall-bejjiegħa bl-imnut u kemm għall-konsumaturi. U l-bidliet proposti għat-tariffi tal-interkambju se jneħħu ostakolu importanti bejn is-swieq nazzjonali tal-pagamenti u finalment itemmu l-livell għoli bla ġustifikazzjoni ta’ dawn it-tariffi.”

Il-Viċi President Joaquín Almunia żied jgħid: “It-tariffi tal-interkambju mħallsa mill-bejjiegħa bl-imnut jispiċċaw jitħallsu mill-konsumaturi. Mhux biss il-konsumaturi huma ġeneralment inkonxji ta’ dan, iżda huma saħansitra mħeġġa permezz ta’ sistemi ta’ premjazzjoni li jużaw kards li jipprovdi lill-banek tagħhom bl-ogħla dħul. Waqt li jikkumplimenta l-infurzar tar-regoli antitrust, ir-Regolament li jillimita l-massimu tat-tariffi tal-interkambju se jimpedixxi livelli eċċessivi ta’ dawn it-tariffi kollha. Kundizzjonijiet ekwi se jinħolqu għall-fornituri tas-servizzi ta’ pagament, atturi ġodda jkunu jistgħu jidħlu fis-suq u joffru servizzi innovattivi, il-bejjiegħa bl-imnut se jiffrankaw sew billi jħallsu tariffi aktar baxxi lill-banek tagħhom, u l-konsumaturi jibbenefikaw permezz ta’ prezzijiet bl-imnut irħas.”

Id-Direttiva reveduta tas-Servizzi ta' Pagament iġġib magħha għadd ta’ elementi importanti ġodda u titjib għas-suq tal-pagamenti tal-UE:

  1. Din tiffaċilita u trendi aktar sigur l-użu ta’ servizzi ta’ pagament bl-internet irħas bl-inklużjoni tal-hekk imsejħa servizzi ta' inizzjazzjoni ġodda fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha. Dawn huma servizzi li joperaw bejn in-negozjant u l-bank tax-xerrej, li jippermettu pagamenti elettroniċi rħas u effiċjenti mingħajr l-użu ta’ karta ta’ kreditu. Dawn il-fornituri tas-servizzi issa se jkunu soġġetti għall-istess standards għoljin ta’ regolamentazzjoni u superviżjoni bħall-istituzzjonijiet l-oħra kollha ta' pagament Fl-istess ħin, il-banek u l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament l-oħra kollha se jkollhom iżidu s-sigurtà tat-tranżazzjonijiet onlajn billi jinkludu awtentikazzjoni b'saħħitha għall-pagamenti tal-klijentela tagħhom.

  2. Il-konsumaturi se jkunu mħarsa aħjar kontra l-frodi, abbużi u inċidenti possibbli tal-pagamenti (pereżempju fil-każ ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament ikkontestati u eżegwiti b’mod inkorrett). Il-konsumaturi jistgħu jkunu meħtieġa jiffaċċaw biss telf limitat ħafna – sa massimu ta’ 50 EUR (vs 150 EUR bħalissa) — f’każijiet ta’ pagamenti bil-kard mhux awtorizzati.

  3. Il-proposta żżid id-drittijiet tal-konsumaturi meta jibagħtu trasferimenti u rimessi ta’ flus barra mill-Ewropa jew pagamenti f’valuti mhux tal-UE.

  4. Hija se tippromwovi l-introduzzjoni ta’ atturi ġodda u l-iżvilupp ta’ pagamenti bil-mowbajl u bl-internet innovattivi fl-Ewropa għal raġunijiet tal-kompetittività tal-UE madwar id-dinja.

Ir-Regolament dwar it-tariffi tal-interkambju, flimkien mal-verżjoni riveduta tad-DSP, se tintroduċi livelli massimi ta’ tariffi tal-interkambju għal tranżazzjonijiet ibbażati fuq kards ta’ debitu u ta’ kreditu tal-konsumatur u tipprojbixxi żidiet fuq dawn it-tipi ta’ kards. Is-soprataxxi huma l-ħlasijiet żejda imposti minn xi negozjanti għall-pagamenti bil-kard u huma komuni notevolment għax-xiri ta’ biljetti tal-ajru. Meta t-tariffi tal-interkambju jkunu limitati għall-kards tal-konsumatur, il-kostijiet tal-bejjiegħa bl-imnut għal tranżazzjonijiet bil-kards jitnaqqas sostanzjalment u l-prattika tas-soprataxxa ma tkunx aktar ġustifikata.

Matul perjodu tranżitorju ta’ 22 xahar, limiti fuq it-tariffi tal-interkambju għal kards ta’ debitu u ta' kreditu jkunu japplikaw għal tranżazzjonijiet transfruntiera, jiġifieri meta l-konsumatur juża l-kard tiegħu f’pajjiż ieħor, jew meta bejjiegħ bl-imnut juża bank f’pajjiż ieħor. Iktar 'il quddiem dawn il-livelli massimi se japplikaw ukoll għal tranżazzjonijiet domestiċi. Il-limiti huma stabbiliti għal 0.2 % tal-valur tat-tranżazzjoni għal kards ta’ debitu u 0.3 % għall-kards ta’ kreditu. Dawn il-livelli diġà ġew aċċettati mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni għal għadd ta’ tranżazzjonijiet bil-kards tad-ditti MasterCard, Visa u Cartes Bancaires. Għal dawk il-kards li mhumiex soġġetti għal-limiti (prinċipalment kards kummerċjali maħruġa lin-negozji u skemi ta’ tliet partijiet bħal American Express jew Diners), il-bejjiegħa bl-imnut se jkunu jistgħu jimponu soprataxxa għalihom jew li jirrifjutaw li jaċċettawhom. B’dan il-mod, il-kostijiet imposti minn dawn il-kards għoljin jistgħu jiġu trasferiti direttament fuq dawk li jibbenefikaw minnhom pjuttost milli jaqgħu fuq il-konsumaturi kollha.

It-tariffi tal-interkambju huma inklużi fil-kostijiet tal-bejjiegħ bl-imnut li jirċievi pagamenti bil-kard u finalment jitħallsu mill-konsumaturi permezz ta’ livelli aktar għoljin ta’ prezzijiet bl-imnut. Huma inviżibbli għall-konsumaturi iżda jiswew lill-bejjiegħa bl-imnut u fl-aħħar mill-aħħar lill-konsumaturi għexieren ta’ biljuni ta’ ewro kull sena. Il-livell tat-tariffi tal-interkambju jvarja ħafna bejn l-Istati Membri, li jissuġġerixxi li dawn ma jkollhomx ġustifikazzjoni ċara u joħolqu ostaklu importanti bejn is-swieq nazzjonali tal-pagamenti. Il-limitar tat-tariffi tal-interkambju jnaqqas il-kostijiet għall-bejjiegħa bl-imnut u għall-konsumaturi u jgħin biex jinħoloq suq tal-pagamenti madwar l-UE. Dan għandu jħeġġeġ ukoll l-innovazzjoni u se jagħti iktar lok għal fornituri tal-pagamenti li joffru servizzi ġodda.

Kuntest

Ir-reviżjoni tal-qafas tal-pagamenti tal-UE, speċjalment id-Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Pagament (DSP), u r-reazzjonijiet għall-Green Paper tal-Kummissjoni “Lejn suq Ewropew integrat għal pagamenti bil-kard, bl-internet u bil-mowbajl” fl-2012 (ara IP/12/11), wassal għall-konklużjoni li huma meħtieġa aktar miżuri u aġġornamenti regolatorji, inklużi l-aġġustamenti tad-Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Pagamenti. Dan jgħin il-qafas tal-pagamenti biex jaqdu aħjar il-ħtiġijiet ta’ suq tal-pagamenti Ewropew effettiv, biex jikkontribwixxi bis-sħiħ lejn l-ambjent tal-pagamenti li jrawwem il-kompetizzjoni, l-innovazzjoni u s-sigurtà. Il-modernizzazzjoni tal-qafas leġiżlattiv għall-pagamenti bl-imnut kienet ukoll meqjusa bħala waħda mill-azzjonijiet ewlenin tal-Att dwar is-Suq Uniku II tal-Kummissjoni.

Dan il-pakkett jirrispondi għal bidliet maġġuri fil-mod kif l-Ewropej qed jixtru u jħallsu. Kważi kull detentur ta’ kont fl-UE għandu kard ta’ pagamenti b'debitu u 40 % għandhom ukoll kard ta’ kreditu. Mal-34 % taċ-ċittadini tal-UE diġà jixtru fuq l-internet u iktar minn 50 % għandhom smartphone1, li jippermettilhom jaċċessaw id-dinja tal-pagamenti bil-mowbajl. Xi setturi tal-ekonomija– bħall-industrija tal-ivvjaġġar – saħansittra jagħmlu l-biċċa l-kbira tal-bejgħ tagħhom fuq l-internet2.

Fl-istess ħin, is-suq tal-UE għall-pagament bil-kards, minn fuq l-internet u bil-mowbajl għadu frammentat u qed jiffaċċja sfidi importanti li jxekklu l-iżvilupp ulterjuri tiegħu u jrażżnu l-potenzjal ta’ tkabbir tal-UE (bħall-kost diverġenti ta’ pagamenti għall-konsumaturi u n-negozjanti, id-differenzi fl-infrastrutturi tekniċi jew l-inabbiltà tal-fornituri tal-pagament biex jaqblu dwar l-implimentazzjoni ta’ standards tekniċi komuni).

Barra minn hekk, filwaqt li pagamenti bil-kard qed isiru aktar u aktar mifruxa, il-mudell tan-negozju tat-“tariffi tal-interkambju” (tariffi mħallsa mill-banek lil xulxin għal kull pagament bil-kard) li għadu prevalenti jippromwovi ħlasijiet interbankarji għolja u jimpatta fuq il-kostijiet għall-bejjiegħa bl-imnut u fl-aħħar mill-aħħar fuq il-prezzijiet għall-konsumaturi. Dan jipprevjeni wkoll l-introduzzjoni ta’ atturi ġodda.

Għal aktar informazzjoni:

Ara wkoll MEMO/13/719

http://ec.europa.eu/internal_market/payments/framework/index_en.htm

Kuntatti

Antoine Colombani (+32 2 297 45 13)

Chantal Hughes (+32 2 296 44 50)

Marisa Gonzalez Iglesias (+32 2 295 19 25)

Audrey Augier (+32 2 297 16 07)

1 :

L-Industrija Sors

2 :

L-Industrija Sors


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site