Navigation path

Left navigation

Additional tools

Ġiet approvata l-GPS Ewropea: il-Galileo jirnexxilu jagħraf il-pożizzjoni ġeografika

European Commission - IP/13/729   24/07/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-24 ta' Lulju 2013

Ġiet approvata l-GPS Ewropea: il-Galileo jirnexxilu jagħraf il-pożizzjoni ġeografika

Nistgħu mmexxu bis-sistema Ewropea tan-navigazzjoni bis-satellita: Illum, f'wirja pubblika f'Fucino, l-Italja, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Antonio Tajani ħabbar is-suċċes tal-iffissar tal-pożizzjoni ġeografikai bl-użu tal-erba' satelliti Galileo li għandha bħalissa l-UE. Dan l-iffissar tal-pożizzjoni b'lonġitudni, latitudni u altitudni hu prova konkreta li l-progamm ta' navigazzjoni bis-satellita kapaċi jipprovdi dejta tal-pożizzjoni preċiża għall-aħħar għall-apparat tan-navigazzjoni fil-karozzi u għal riċevituri oħrajn. Dan jikkonferma li Galileo kapaċi jipprovdi dejta tal-pożizzjoni tassew preċiża. Tajani ħabbar ukoll li se jittellgħu aktar satelliti biex sa tmiem l-2014 jibdew jingħataw l-ewwel servizzi. Dawn se jwasslu sinjal tal-GPS aħjar u - b'aktar preċiżjoni, kopertura u disponibbiltà tas-sinjali ta' navigazzjoni bis-satellita - se jinħolqu għadd ġmielu ta' opportunitajiet kummerċjali ġodda. Billi l-benefiċċji ta' Galileo qed jibdew jinħassu sew, il-fornituri tal-industrija jeħtiġilhom iħejju minn issa għal għal dawn l-opportunitajiet futuri tas-suq. (MEMO/13/718)

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Antonio Tajani, il-Kummissarju għall-Industrija u l-Intraprenditorija, qal: "Illum jum tassew importanti għan-Navigazzjoni Ewropea bis-Satellita. Il-preċiżjoni tal-pożizzjoni li rnexxielna niksbu b'erba' satelliti Galileo biss tixhed il-kompetenza industrijali Ewropea. Dan hu pass importanti biex f'Ottubru 2014 jibdew jingħataw l-ewwel servizzi. L-utenti se jkunu jistgħu jinnavigaw aħjar bis-satellita, u se jinħolqu opportunitajiet kummerċjali ġodda. Dan hu dak li tassew neħtieġu fis-sitwazzjoni ekonomika attwali.

Għal aktar tagħrif dwar Galileo

L-iffissar tal-pożizzjoni jiddependi fuq infrastruttura Ewropea għalkollox ġdida

Biex tiġi ffissata pożizzjoni jintużaw l-erba’ satelliti Galileo li ttellgħu f'Ottubru 2011 u 2012, flimkien mal-infrastruttura tal-art tal-programm Galileo, li tinkludi ċ-ċentri tal-kontroll fl-Italja u l-Ġermanja u n-netwerk globali tal-istazzjonijiet fuq l-art. Iridu jintużaw għallinqas erba' satelliti biex tiġi ffissata l-pożizzjoni fi tliet dimensjonijiet.

B'erba’ satelliti, il-kostellazzjoni Galileo tidher fl-istess waqt għal mhux aktar minn sagħtejn sa tlieta kuljum. Din il-frekwenza tiżdied malli jibdew jintużaw aktar satelliti u jitħaddmu aktar stazzjonijiet fuq l-art.

Il-benefiċċji tal-ippożizzjonar tan-navigazzjoni bis-satellita Galileo

B'Galileo l-utenti se jkunu jistgħu jsiru jafu l-pożizzjoni eżatta tagħhom fiż-żmien u fl-ispazju, daqslikieku b'GPS iżda b'aktar preċiżjoni u affidabbiltà. Galileo hu l-Programm tal-Unjoni Ewropea li qed jiżviluppa sistema globali ta' navigazzjoni bis-satellita, b'kontroll ċivili Ewropew. Dan se jkun kompatibbli u, għal uħud mis-servizzi tiegħu, interoperabbli mal-GPS Amerikan u mal-Glonass (tar-Russja), iżda indipendenti minnhom.

Livell għoli ta' preċiżjoni

Jekk is-satelliti li jiittelgħu fl-orbita jkunu inklinati aktarlejn il-pjan ekwatorjali, Galileo jikseb ukoll kopertura aħjar f'latitudnijiet għoljin, u allura jkun partikolarment utli għall-utenti fl-Ewropa ta' fuq, żona li għadha mhix koperta sew bil-GPSs biss tal-Istati Uniti tal-Amerika Barra minn hekk, il-karatteristiċi mtejba tas-sinjal Galileo jagħmluha ħafna eħfef biex taqbdu u tittraċċah, u jiflaħ aktar għall-interferenzi u r-riflessi.

Opportunitajiet kummerċjali

Galileo u l-industrija spazjali inġenerali joħolqu opportunità kbira għall-Ewropa, mhux biss għall-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini Ewropej u għall-kumpaniji li jipprovdu l-infrastrutturi spazjali iżda aktar u aktar għall-aħħar ħoloq tal-katina tal-industrija , dawk li jiżviluppaw applikazzjonijiet jew servizzi innovattivi. Galileo joħloq firxa ta' opportunitajiet kummerċjali ġodda għall-manifatturi tat-tagħmir, l-iżviluppaturi tal-applikazzjonijiet u l-fornituri ta' servizzi li jeħtieġu livell ta' affidabbiltà kbir.

Pereżempju, uħud mis-servizzi li jinħolqu jistgħu jgħinu biex jiġu evitati l-ħabtiet tal-karozzi, min għandu diżabbiltà viżwali jew mobbiltà mnaqqsa jkun jista' jinnaviga, jitħaffef it-trasport ta' merkanzija perikoluża, jitkejjel il-fond tal-ilma kostali u fix-xitwa jkun jista' jsir raxx intelliġenti tal-melħ fit-toroq.

Il-protezzjoni ċivili u s-sigurtà

Tajani qal ukoll li s-settur pubbliku nnifsu huwa klijent potenzjali għall-applikazzjonijiet ta' Galileo, l-aktar fejn jidħlu l-oqsma tal-protezzjoni ċivili u s-sigurtà. Is-Servizzi Pubbliċi Regolati (RPS) futuri li joħorġu minn Galileo jistgħu jintużaw mis-servizzi tal-emerġenza, għat-trasportazzjoni kritika, għall-enerġija u t-telekomunikazzjoni u għal finijiet ta' difiża. Tajani qal li l-utenti potenzjali għadhom ma jafux biżżejjed dawn il-vantaġġi ta' Galileo.

L-RPS se jkunu ristretti għall-utenti li jawtorizzaw il-gvernijiet għal applikazzjonijiet sensittivi li jeħtieġu livell għoli ta' kontinwità. L-RPS jużaw sinjali qawwija, jiġifieri kriptati u reżistenti għall-intereferenzi.

Galileo se jkun lest biex jitħaddem fl-2014

Galileo se jibda jitħaddem sa tmiem l-2014, iżda l-infrastruttura sħiħa mistennija titlesta wara.

Expo Spazjali Ewropea

L-Expo Spazjali Ewropea hi wirja ddur li turi kif l-attivitajiet spazjali u ta' navigazzjoni bis-satellita jħallu impatt dirett fuq il-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadin. Aktar minn 30,000 applikazzjonijiddependu mit-teknoloġiji spazjali. Il-viżitaturi ta' kull età jistgħu jaraw, imissu u jużaw il-firxa wiesgħa ta' teknoloġiji u servizzi innovattivi li joffrilhom l-ispazju.

L-Expo dinjija se tesebixxi dawn l-applikazzjonijiet spazjali

L-Expo Dinjija tal-2015 se ssir f'Milan mill-1 ta' Mejju sal-31 ta' Ottubru 2015 bit-tema "Feeding the Planet: Energy for Life" u se tesebixxi kif l-applikazzjonijiet spazjali u ta' navigazzjoni bis-satellita jistgħu jgħinu biex tiġi indirizzata d-diskussjoni fid-dinja dwar l-ikel u s-sostenibbiltà.

Kuntatti:

Carlo Corazza (+32 2 295 17 52) @ECspokesCorazza

Sara Tironi (+32 2 299 04 03)

i :

L-iffissar tal-pożizzjoni jsib il-pożizzjoni ta' bastimenti, inġenji tal-ajru jew persuni fuq wiċċ id-Dinja.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website