Navigation path

Left navigation

Additional tools

It-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-konsumaturi: hemm bżonn ta' aktar azzjoni għal suq uniku veru għall-konsumaturi

European Commission - IP/13/718   23/07/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-23 ta' Lulju 2013

It-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-konsumaturi: hemm bżonn ta' aktar azzjoni għal suq uniku veru għall-konsumaturi

Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumatur għadha tvarja ħafna bejn il-pajjiżi tal-UE. Ħamsa u tletin fil-mija tal-Ewropej biss iħossuhom kunfidenti li jixtru minn fuq l-internet mingħand bejjiegħa f’pajjiżi oħra tal-UE u sebgħa minn kull għaxar konsumaturi ma jafux x’għandhom jagħmlu meta jirċievu prodotti li ma jkunux ordnaw.

Dawn huma fost ir-riżultati tat-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-2013 dwar il-Kundizzjonijiet tal-Konsumatur li ġew ppubblikati llum mill-Kummissjoni Ewropea. Ir-riżultati juru li hemm bżonn ta' spinta ġdida biex jiġi żgurat li l-konsumaturi jistgħu jixtru b’fiduċja u tranquillità fl-UE kollha, kemm onlajn kif ukoll offlajn. Sejba ewlenija hija t-tnaqqis fil-fiduċja tal-konsumatur li fl-istess waqt hija akkumpanjata minn żieda fl-użu tar-rimedju.

Neven Mimica, il-Kummissarju Ewropew għall-Politika tal-Konsumatur approva t-Tabella ta’ Valutazzjoni u qal "Sar progress b’mod partikolari fit-tixrid tal-kummerċ elettroniku iżda hemm bżonn ta’ titjib f’oqsma oħra. It-Tabella ta’ Valutazzjoni turina fejn għandna niffukaw l-isforzi tagħna. Din hija t-tieqa tagħna fis-suq. Ir-riżultati tagħha se jkunu riflessi fl-azzjonijiet ġejjiena tiegħi bħalma huma t-twaqqif ta’ pjattaforma għas-soluzzjoni onlajn tat-tilwim jew regoli aħjar ta' infurzar kontra prattiki kummerċjali inġusti.”

Is-sejbiet ewlenin tat-Tabella ta' Valutazzjoni huma:

Il-kummerċ elettroniku qed jikber, speċjalment domestikament

  1. Is-sehem tal-konsumaturi li jinvolvu ruħhom fil-kummerċ elettroniku domestiku żdied minn 38 % għal 41 % meta mqabbel ma’ żieda minn 9.6 % għal 11 % għal xirjiet transkonfinali. Il-konsumaturi, madankollu, jibqgħu ħafna inqas kunfidenti għal dak li huwa x-xiri onlajn minn bejjiegħa f’pajjiżi oħra tal-UE, għall-kuntrarju tax-xiri li jsir domestikament (35 % kontra 59 %). Ir-raġunijiet possibbli jinkludu l-impossibbiltà li tiġi kkompletata xirja, eż. minħabba li ma hemmx konsenja lejn il-pajjiż tal-konsumatur jew minħabba li l-kards tal-ħlas barranin ma jkunux aċċettati minn bejjiegħ bl-imnut onlajn. Dan huwa ostakolu importanti għal xiri onlajn bejn il-fruntieri.

  2. Il-Kummissjoni ilha taħdem biex jinħareġ il-potenzjal tal-kummerċ elettroniku bil-ħolqien ta’ ambjent favorevoli għall-konsumatur. Il-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar is-Soluzzjoni Onlajn tat-Tilwim se tippermetti li l-konsumaturi li jixtru domestikament u f’pajjiżi oħra tal-UE jsolvu t-tilwim tagħhom man-negozjanti aktar malajr u bi spejjeż ħafna aktar baxxi, mingħajr ma jkollhom imorru l-qorti. Id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur, li se tapplika fl-Istati Membri kollha minn Ġunju 2014, tarmonizza, fost oħrajn, dispożizzjonijiet rigward il-politiki tar-ritorn ta' prodotti mixtrija f’bejgħ mill-bogħod. Il-Kummissjoni qed taħdem mal-partijiet interessati biex ittejjeb il-kwalità ta’ għodod onlajn li jagħmlu tqabbil bejn il-prodotti u tiffaċilita tqabbil transkonfinali biex tgħin lill-konsumaturi jagħżlu l-aħjar prezzijiet.

Il-kundizzjonijiet tal-konsumatur ivarjaw konsiderevolment fl-UE kollha

  1. Il-perċentwali ta’ konsumaturi li jħossuhom protetti b’mod adegwat mill-miżuri ezistenti tvarja minn 18 % għal 76 %. B’mod ġenerali, il-kundizzjonijiet tal-konsumatur jidhru li huma l-aktar favorevoli fl-Ewropa tat-Tramuntana u tal-Punent.

  2. Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi li ssieħbu fl-UE wara l-2004 raw titjib fil-kundizzjonijiet tagħhom bħala konsumaturi tul l-aħħar tliet eżerċizzji ta’ valutazzjoni. Dan it-titjib jista’ jiġi konness ma’ kampanji ta' informazzjoni tal-UE mwettqa f’dawn il-pajjiżi. Din il-kampanja se tiġi mnedija fil-Kroazja fl-2014.

Hemm differenzi soċjodemografiċi importanti

  1. L-anzjani, persuni li jwieġbu u li għandhom ftit kwalifiki, persuni li mhumiex impjegati, ħaddiema tal-id, u konsumaturi li m’għandhomx konnessjoni tal-internet id-dar jidhru li huma fost dawk li jibbenefikaw l-inqas minn drittijiethom u mill-opportunitajiet disponibbli.

  2. Fost l-isforzi biex dan jiġi indirizzat hemm l-istudju dwar il-vulnerabbiltà tal-konsumaturi fis-swieq ewlenin li l-Kummissjoni se twettaq dalwaqt. Dan għandu l-għan li jidentifika l-fatturi determinanti ta’ vulnerabbiltà, inklużi karatteristiċi soċjodemografiċi. Huwa se jipproponi wkoll għodod ta' riċerka aħjar biex jiġu studjati l-mekkaniżmi ta’ vulnerabbiltà.

Il-prattiki kummerċjali inġusti għadhom jippersistu

  1. Abbażi tal-assessjar tal-konsumaturi u l-bejjiegħa bl-imnut, ma kien hemm l-ebda tnaqqis fil-livell ta’ prattiki kummerċjali illegali f’dawn l-aħħar erba’ snin. Aktar minn 50 % tal-konsumaturi jgħidu li huwa probabbli li jiltaqgħu ma’ dan it-tip ta’ prattiki fuq l-internet.

  2. Abbażi tas-Samit tal-2013 dwar il-Konsumatur Ewropew, il-Kummissjoni qed tħares lejn l-aħjar mod kif ssaħħaħ l-infurzar tal-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet ekonomiċi tal-konsumatur. Konsultazzjoni pubblika dwar it-tisħiħ tal-effiċjenza tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali se tkun imnedija f’Settembru 2013 bħala parti mir-reviżjoni tar-Regolament li jirregola din il-kooperazzjoni.

In-nuqqas ta' għarfien dwar id-drittijiet tal-konsumatur jibqa' baxx wisq

  1. Sebgħa minn kull għaxar konsumaturi ma jafux x’għandhom jagħmlu meta jirċievu prodotti li ma jkunux ordnaw u inqas minn terz tal-bejjiegħa bl-imnut kienu konxji tal-liġi dwar kemm għandhom żmien il-konsumaturi biex jirritornaw prodotti difettużi biex jissewwew.

  2. Biex ikun indirizzat id-defiċit fl-edukazzjoni tal-konsumaturi adoloxxenti, il-Kummissjoni żviluppat websajt interattiva għall-għalliema — il-Klassi tal-Konsumaturi. Barra minn hekk, kampanja dwar id-drittijiet tal-konsumaturi madwar l-UE, li timmira kemm il-konsumaturi kif ukoll in-negozji se tiġi mnedija bħala parti mis-Sena Ewropea taċ-ċittadini. Il-Kummissjoni se twettaq ukoll studju dwar il-garanziji f’għadd ta’ swieq tal-konsumatur biex tivverifika jekk l-liġi tal-UE tiġix implimentata b’mod koerenti madwar l-UE.

Jiżdied ix-xiri ekoloġiku

  1. Erbgħa minn kull għaxar konsumaturi jgħidu li l-impatt ambjentali ta’ prodott jew servizz kellu influwenza fuq id-deċiżjonijiet ta’ xiri tagħhom. Ir-raġunijiet għaliex ma jkunx sar xiri ekoloġiku jinkludu n-nuqqas ta’ informazzjoni rilevanti, prezz għoli u nuqqas ta’ fiduċja f’dikjarazzjonijiet ambjentali.

  2. Il-Kummissjoni qed taħdem mal-partijiet interessati biex jgħinu lill-konsumaturi jagħmlu għażliet ekoloġiċi infurmati. Hija appoġġat il-produzzjoni ta’ rapport minn partijiet interessati bħal rakkomandazzjonijiet speċifiċi dwar l-ilmenti ambjentali.

Kuntest

It-Tabella ta’ Valutazzjoni hija rapport regolari li jsegwi l-integrazzjoni tas-suq intern bl-imnut tal-UE mill-perspettiva tal-konsumatur u tagħmel monitoraġġ tal-kwalità tal-ambjent nazzjonali tal-konsumatur. Ir-rapporti tal-pajjiżi annessi ma’ din it-Tabella ta’ Valutazzjoni jipprovdu statistika tal-konsumatur iddettaljata għal kull pajjiż. Id-dejta tat-Tabella ta’ Valutazzjoni hija użata mill-awtoritajiet nazzjonali u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur fit-tfassil u l-evalwazzjoni tal-attivitajiet tagħhom.

Il-Kroazja hija għall-ewwel darba inkluża fit-Tabella ta’ Valutazzjoni, flimkien mas-27 Stat Membru l-oħra kif ukoll l-Iżlanda u n-Norveġja. Innovazzjoni oħra din is-sena hija t-tqassim soċjodemografiku tar-riżultati, kif mitlub mill-Parlament Ewropew.

Aktar informazzjoni

It-Tabella ta' Valutazzjoni sħiħa:

Il-sit elettroniku tal-Kummissarju għall-Politika tal-Konsumatur Neven Mimica

Segwina fuq “Twitter”:

@EU_Consumer

@NevenMimicaEU

Kuntatti:

David Hudson (+32 229 68335)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website