Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-ambjent: L-Ewropej jitolbu għal politika aktar b'saħħitha għall-kwalità tal-arja fl-UE

European Commission - IP/13/6   08/01/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-8 ta' Jannar 2013

L-ambjent: L-Ewropej jitolbu għal politika aktar b'saħħitha għall-kwalità tal-arja fl-UE

Skont l-aktar riċerka riċenti, il-maġġoranza tal-Ewropej (56 %) jemmnu li l-kwalità tal-arja marret lura tul l-aħħar għaxar snin. Fl-Italja, sa 81 % tal-parteċipanti fl-istħarriġ huma ta’ din il-fehma, waqt li f'Ċipru, Franza, il-Greċja, l-Ungerija, ir-Rumanija u Spanja, bejn 70 % u 75 % tal-parteċipanti jaħsbuha bl-istess mod. Ir-riċerka, imwettqa mill-Ewrobarometru bit-titlu “Attitudes of Europeans towards Air Quality” (L-atteġġjamenti tal-Ewropej lejn il-kwalità tal-arja), turi appoġġ qawwi għal aktar azzjoni fil-livell tal-UE. Kważi erba' minn kull ħames parteċipanti (79 %) jemmnu li l-UE jmissha tipproponi miżuri addizzjonali biex tindirizza t-tniġġis tal-arja. L-istħarriġ staqsa lill-parteċipanti speċifikament jekk kinux konxji mill-istandards tal-UE għall-kwalità tal-arja, kif ukoll mil-limiti massimi nazzjonali għall-emissjonijiet, u minn dawk li kienu jafu b'dawn l-istrumenti (25 % fiż-żewġ każijiet), iktar minn nofshom (58 % u 51 %) kienu tal-fehma li dawn għandhom jissaħħu. Dawn is-sejbiet issa se jservu ta’ bażi għal reviżjoni tal-politika tal-UE dwar l-arja, li qiegħda titħejja bħalissa mill-Kummissjoni Ewropea u għandha titlesta fit-tieni nofs tal-2013.

Janez Potočnik, il-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent, qal: "Iċ-ċittadini jriduna naġixxu, u aħna se nirrispondu billi nirrevedu l-politika tagħna dwar l-arja fl-2013. Huma qegħdin jitolbu aktar miżuri f'setturi ewlenin, u tagħrif aħjar dwar l-effettività tal-politika. Biex negħlbu dawn l-isfidi, jeħtiġilna naħdmu għalenija fil-livelli kollha tal-politika, u nkomplu din il-ħidma billi nieħdu azzjoni konkreta fuq il-post."

L-istħarriġ jikxef nuqqas mifrux ta’ sodisfazzjon fir-rigward tal-azzjonijiet li qegħdin jittieħdu bħalissa kontra l-problemi tal-kwalità tal-arja, b'sebgħa minn kull għaxar Ewropej (72 %) jistqarru li mhumiex kuntenti bl-isforzi tal-awtoritajiet pubbliċi għat-titjib tal-kwalità tal-arja. Barra minn hekk, l-istħarriġ jagħti l-impressjoni ġenerali li l-livell tat-tagħrif dwar il-kwalità tal-arja mhuwiex biżżejjed; kważi sitta minn kull għaxar Ewropej (59 %) ma jħossux li huma infurmati biżżejjed dwar il-kwistjonijiet tal-kwalità tal-arja, filwaqt li 31 % mill-parteċipanti fi Spanja u 27 % minn dawk fil-Lussemburgu, f'Ċipru u fil-Latvja huma tal-fehma li ma huma infurmati xejn affattu.

Għall-mistoqsija rigward l-aqwa mod kif jista' jiġi indirizzat it-tniġġis tal-arja, 43 % wieġbu billi ssuġġerew kontrolli aktar stretti tal-emissjonijiet fuq l-industrija u s-settur tal-produzzjoni tal-enerġija. L-emissjonijiet mill-vetturi (96 %), mill-industrija (92 %) u mit-trasport internazzjonali (86 %) jitqiesu li jinfluwenzaw l-iktar it-tniġġis tal-arja.

L-impatti tat-tniġġis tal-arja fuq is-saħħa u fuq in-natura wkoll huma sors ta' tħassib kbir. Kważi disgħa minn kull għaxar Ewropej jemmnu li l-mard marbut mal-kwalità tal-arja, bħall-mard respiratorju u kardjovaskulari, huma problema serja. Madwar 8 minn kull 10 jqisu l-aċidifikazzjoni u l-ewtrofikazzjoni bħala problemi serji.

Il-karozzi elettriċi u l-karozzi ibridi li jaħdmu bl-elettriku/bil-pitrolju jitqiesu l-iktar elementi ta’ ġid għall-kwalità tal-arja, u l-elettriku jitqies is-sors għas-sistema tat-tisħin tad-djar li l-inqas jagħmel ħsara lill-ambjent, qabel il-bijomassa tal-injam, il-gass u l-bijomassa tal-pelits. Sebgħa minn kull għaxra jemmnu li l-enerġija rinnovabbli għandha tingħata prijorità bħala l-għażla ewlenija tal-enerġija fil-futur. Madwar 85 % mill-Ewropej jaqblu mal-prinċipju msejjaħ "min iniġġes iħallas", li skontu, min iniġġes ikollu jħallas ukoll il-kostijiet għall-impatti negattivi fuq is-saħħa u l-ambjent. Mistoqsija x'jista' jsir fuq livell personali biex titjieb il-kwalità tal-arja, il-parti l-kbira tal-parteċipanti (63 %) semmew it-tnaqqis tal-użu tal-karozza tagħhom, kif ukoll is-sostituzzjoni tat-tagħmir antik li juża l-enerġija b’mudelli aktar effiċjenti (54 %), bħala l-aktar azzjonijiet individwali importanti li wieħed jista' jieħu.

Sfond

Minkejja l-progress li sar fl-aħħar snin, fiż-żoni bl-ikbar densità tal-popolazzjoni tal-UE, diversi standards marbutin mal-kwalità tal-arja għadhom jinqabżu bil-kbir, speċjalment minħabba sustanzi li jniġġsu bħall-materja partikulata, l-ożonu fil-livell tal-art u d-dijossidu tan-nitroġenu. L-2013 se tkun is-sena li fiha l-Kummissjoni tirrevedi l-politika attwali tagħha dwar il-kwalità tal-arja, b'enfażi fuq it-tiftix ta' mezzi biex intejbu l-kwalità tal-arja li niġbdu fil-pulmuni tagħna.

Bħala parti mir-reviżjoni, il-Kummissjoni nediet ukoll konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet interessati fuq l-internet, fejn iċ-ċittadini, l-organizzazzjonijiet u l-kumpaniji tal-UE jistgħu jagħtu l-fehmiet u l-ideat tagħhom rigward l-għażliet għar-reviżjoni tal-politika dwar il-kwalità tal-arja. Il-konsultazzjoni fuq l-internet hija miftuħa sal-4 ta’ Marzu 2013, u tinstab fil-ħolqa li ġejja:

http://ec.europa.eu/environment/consultations/air_pollution_en.htm.

L-ewwel konsultazzjoni mal-partijiet interessati fuq l-internet saret fl-2011; ir-rapport dwarha jinsab hawn:

http://ec.europa.eu/environment/air/pdf/Survey%20AQD%20review%20-%20Part%20I%20Main%20results.pdf.

Dan l-istħarriġ tal-Ewrobarometru dwar il-kwalità tal-arja, li fih aktar minn 25 000 ċittadin tal-UE fl-Istati Membri kollha ġew mistoqsija għadd ta’ domandi dwar il-kwalità tal-arja, sar fil-ħarifa tal-2012. Ir-riżultati se jservu ta’ bażi għar-reviżjoni tal-politika tal-UE dwar il-kwalità tal-arja li qed issir bħalissa.

Aktar tagħrif

Għal aktar dettalji dwar il-politika tal-UE dwar il-kwalità tal-arja, ara:

http://ec.europa.eu/environment/air/index_en.htm.

Għar-riżultati sħaħ tal-Ewrobarometru, ara:

http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/flash_arch_360_345_en.htm#360.

Kuntatti:

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website