Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-16 ta’ Lulju 2013.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Viviane Reding fi djalogu maċ-ċittadini ta' Heidelberg: "L-UE teħtieġ aktar demokrazija"

L-Ewropa hija demokratika, iżda fil-futur trid issir aktar demokratika, meta hija takkwista kompetenzi ġodda."

Din hija l-fehma tal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Viviane Reding fil-kuntest ta' diskussjoni maċ-ċittadini li hija, flimkien mal-Prim Ministru ta' Baden-Württemberg Winfried Kretschmann, se jkollha llum is-16 ta' Lulju, f'Heidelberg. Id-diskussjoni hija oħra fis-sensiela ta' djalogi maċ-ċittadini, li qed isiru b'inizjattiva tal-Kummissjoni, dwar il-futur tal-Ewropa. Wara 24 djalogu f'14-il Stat Membru tal-Unjoni Ewropea issa jmiss lil madwar 400 ċittadin f'Heidelberg biex jesprimu mal-politiċi l-ħsibijiet, il-kummenti, il-viżjoni u l-mistoqsijiet tagħhom dwar il-futur tal-Ewropa, il-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika u d-drittijiet tagħhom bħala ċittadini tal-UE.

"L-Istat ta' Baden-Württemberg irid isaħħaħ sehem iċ-ċittadini. Jien qed nagħti l-appoġġ tiegħi għal dan. Daqstant ieħor għandna bżonn sehem akbar miċ-ċittadini fejn jidħlu kwistjonijiet Ewropej. Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea u l-Kummissarju għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza Ewropea qalet li hija tixtieq tiddiskuti ma' dawk li se jieħdu sehem f'Heidelberg kif dan jista' jseħħ bl-aħjar mod. "Fl-1848, l-Assemblea ta' Heidelberg kienet pass kruċjali fit-triq lejn l-assemblea li ltaqgħet fil-Knisja ta' San Pawl fi Frankfurt, biex twittiet it-triq lejn id-demokrazija fil-Ġermanja. Bħalissa għandha bżonn mument ta' qawmien tad-demokrazija anki fl-Ewropa."

Id-Djalogu maċ-Ċittadini se jsir illum, is-16 ta' Lulju, mis-7pm sad-9pm fil-halle_02 f'Heidelberg. Se jixxandar dirett fuq l-Internet bħala Webstream. Id-djalogu se jitmexxa mill-ġurnalist tal-SWR Mathias Zurawski. Kulħadd fl-Ewropa kollha, permezz ta' Twitter (#EUdeb8) jista' jieħu sehem f'dan id-dibattitu. Qabel din l-attività dawk interessati jistgħu, permezz ta' Twitter @EU_Muenchen kif ukoll Facebook jinfurmaw ruħhom u jipparteċipaw.

Il-kuntest

X'inhuma d-djalogi maċ-ċittadini?

Il-Kummissjoni Ewropea f'Jannar li għadda nediet is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini (IP/13/2), iddedikata għad-drittijiet taċ-ċittadini. Matul is-sena kollha, Kummissarji tal-UE, membri tal-Parlament Ewropew u politiċi ewlenin nazzjonali qegħdin jiddiskutu, f'sensiela ta' djalogi maċ-ċittadini, fit-28 Stat Membru kollha, b'mod personali man-nies fuq l-aspettattivi tagħhom dwar il-futur tal-Ewropa.

Id-djalogu maċ-ċittadini f'Heidelberg huwa diġà t-tielet wieħed li qiegħed isir fil-Ġermanja - wara dawk li saru f'Berlin (10.11.2012) u f'Dusseldorf (8.5.2013). Djalogu oħra maċ-ċittadini saru fost postijiet oħra f'Cadiz, Graz, Dublin, Turin, Coimbra, Salonika, Brussell, Esch-sur-Alzette, Varsavja u fi Kreta. Barra minn dan, fl-erba' ġimgħat ta' qabel id-djalogu maċ-ċittadini f'Heidelberg saru fora taċ-ċittadini f'Tubingen, Karlsruhe, Mannheim, Erbach u f'Darmstadt, sabiex ikun jista' jieħu sehem l-akbar għadd ta' ċittadini possibbli fid-diskussjoni dwar il-futur tal-Ewropa. Tista’ ssegwi d-dibattiti kollha f'dawn il-links: http://ec.europa.eu/european-debate/index_en.htm.

Fid-djalogi kollha maċ-ċittadini jiġu diskussi liema ħsibijiet għandhom in-nies dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea u jekk għandux isir aktar biex id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni, pereżempju fejn jidħol id-dritt tal-moviment ħieles fl-UE jingħataw aktar saħħa biex ikunu tassew reali fil-ħajja ta' kuljum. Dak li joħroġ mid-djalogi għandu jiġi integrat fir-rakkomandazzjonijiet dwar kif għandha tkompli tiżviluppa l-Unjoni Ewropea, li l-Kummissjoni tal-UE trid li tippreżenta fl-2014.

Għaliex qiegħda l-Kummissjoni torganizza dawn id-djalogi proprju issa?

Għaliex illum l-Ewropa tinsab f’salib it-toroq. Il-futur tal-Ewropa qiegħed fuq fomm kulħadd. Ħafna qed jitkellmu dwar unjoni politika, Federazzjoni ta’ Stati Nazzjon jew Stati Uniti tal-Ewropa. Ix-xhur u s-snin li ġejjin se jkunu deċiżivi għall-futur tal-Unjoni Ewropea. Il-proċess ta' aktar integrazzjoni tal-Ewropa għandu jimxi id f'id mat-tisħiħ tal-leġittimità demokratika tal-UE.

Barra min dan, ħafna drabi ċ-ċittadini ma jħossuhomx infurmati tajjeb dwar id-drittijiet tagħhom bħala ċittadini tal-UE. Skont l-aktar stħarriġ tal-Eurobarometer reċenti, 74% (fil-Ġermanja: 63%) iqisu rwieħhom "Ewropej", iżda 42% (fil-Ġermanja: 54%) ma jafux liema drittijiet dan iġib miegħu.

Id-djalogi huma okkażjoni tajba għaċ-ċittadini tal-UE biex jinfurmaw ruħhom dwar id-drittijiet tagħhom u fl-istess ħin biex jagħtu r-reazzjonijiet tagħhom dwar l-iżvilupp ulterjuri tal-Unjoni, bħala tħejjija għall-elezzjonijiet tal-Parlament Eworpea tal-2014.

Kif jistgħu ċ-ċittadini tal-UE jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet fl-UE?

Kull ħames snin, permezz tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew - id-darba li jmiss f'Mejju 2014.

Il-Parlament Ewropew jagħżel, wara parir mill-Kunsill Ewropew, il-President tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni bħala tali tinħatar mill-Kunsill Ewropew wara li jkun approvaha l-Parlament Ewropew. Barra minn dan, il-Kummissjoni rrakkomandat li l-partiti politiċi jippreżentaw kandidat għall-kariga ta' President tal-Kummissjoni qabel l-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin. (IP/13/215).

Kull ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt jippreżenta petizzjoni lill-Parlament Ewropew dwar materji li jaqgħu fil-kompetenzi tal-UE, kif ukoll dwar materji li jolqtu lilu personali.

Permezz tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini, tal-anqas miljun ċittadin minn tal-anqas seba' Stati Membri jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni Ewropea tippreżenta inizjattivi legali.

Il-Kummissjoni regolarment torganizza proċessi li fihom tiġbor l-opinjonijiet, li fihom jista' jieħu sehem kull ċittadin.

Aktar informazzjoni

Dibattitu dwar il-futur tal-Ewropa (Djalogu maċ-ċittadini tal-UE):

http://ec.europa.eu/debate-future-europe/citizens-dialogues/index_en.htm

2013 Is-Sena Ewropea aċ-Ċittadini: http://europa.eu/citizens-2013/mt/home

L-Inizjattiva Ewropea aċ-Ċittadini:

http://ec.europa.eu/citizens-initiative/public/welcome

Portal ewlieni dwar l-inizjattivi, blogs u attivitajiet tal-Unjoni Ewropea fejn jidħlu d-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni: http://europa.eu/citizens-2013/mt/about/your-eu-rights

Riżultati ta' konsultazzjonijiet fuq l-internet dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE:

http://ec.europa.eu/justice/citizen/files/eu-citizen-brochure_en.pdf (EN)

Il-paġna ewlenija tal-Viċi President tal-Kummissarju Ewropea Viviane Reding:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/reding/index_en.htm

Segwi lill-Viċi-President fuq Twitter: @VivianeRedingEU

Ħu sehem fid-dibattitu fuq Twitter: #EUdeb8

Kuntatti:

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)

Natasha Bertaud (+32 2 296 74 56)

ANNESS

1. Iż-żgħażagħ Ġermaniżi jieħdu sehem fl-elezzjonijiet Ewropej, għaliex għalihom id-demokrazija hija importanti.

Sors: Flash Eurobarometer 375 Kwestjonarju bit-telefown lil parteċipanti bejn l-etajiet ta' 15 u 30 sena, f'April 2013.

2. Il-Ġermaniżi jħossuhom Ewropej, iżda mhumiex infurmati biżżejjed dwar id-drittijiet li joħorġu minn dan

Sors: Standard-Eurobarometer 78:

3. Il-Ġermaniżi jistennew mill-UE fuq kollox ġlieda kontra l-kriżi ekonomika u t-tisħiħ tal-ħidma flimkien tal-Istati Membri.

Sors: Standard-Eurobarometer 78


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website