Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-12 ta' Lulju 2013

Is-sikurezza tal-avjazzjoni: l-Istati Membri jappoġġaw ir-reviżjoni tar-regoli dwar l-għeja tal-ekwipaġġ tal-ajru

Illum l-Istati Membri vvutaw bis-saħħa favur abbozz ta’ proposta tal-Kummissjoni bil-għan li jiġu riveduti r-regoli attwali ta’ sikurezza tal-UE dwar l-għeja tal-ekwipaġġ tal-ajru, magħrufa bħala “limitazzjonijiet tal-ħinijiet tat-titjir u tax-xiftijiet u r-rekwiżiti ta’ mistrieħ” (jew “limitazzjonijiet fuq il-ħin tat-titjir” — FTL). Ir-reviżjoni għandha l-għan li tikkonsolida, tiċċara, tikkumplimenta — u tagħmel aktar stretti — ir-regoli attwali, filwaqt li tikkunsidra l-informazzjoni xjentifika, operazzjonali u internazzjonali disponibbli.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni responsabbli għat-trasport, Siim Kallas, qal: “Il-pubbliku li jivvjaġġa jeħtieġ ikollu moħħu mistrieħ li l-awtoritajiet pubbliċi qed jagħmlu l-almu tagħhom biex jassiguraw is-sikurezza fl-ajru, anki fejn għandha x'taqsam il-kwistjoni sensittiva u kkumplikata tal-għeja tal-ekwipaġġ tal-ajru. Aħna determinati li madwar l-Ewropa jkunu japplikaw regoli aktar stretti u aktar sikuri, kemm fir-rigward it-titjir bil-lejl kif ukoll dwar il-perjodi ta’ mistrieħ. Għaldaqstant, jien kuntent ħafna b’dan l-appoġġ qawwi mill-Istati Membri għal din il-proposta importanti. Minħabba f'dan se jkun hemm titjib kbir madwar l-Ewropa fil-qasam tas-sikurezza taċ-ċittadini tagħna u tal-ekwipaġġ tat-titjiriet.”

Illum l-Istati Membri vvutaw bis-saħħa favur il-proposta tal-Kummissjoni li jiġu emendati r-regoli tal-UE dwar il-limitazzjoni fil-ħinijiet tat-titjiriet.

Ir-regoli FTL attwali jinsabu fis-Subparti Q tal-Anness III tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91, li ilu japplika minn Lulju 2007.

L-istess bħal f'kull qasam tas-sikurezza tal-avjazzjoni, ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 jirrikjedi li l-Kummissjoni tadotta regolament ta’ implimentazzjoni li jittrasferixxi r-regoli FTL attwali għall-qafas leġiżlattiv u istituzzjonali ta’ dan ir-Regolament, u li tirrevedi r-regoli eżistenti skont l-aħħar evidenza xjentifika u l-iżviluppi tekniċi. L-għan huwa li tiġi żgurata sistema regolatorja koerenti tas-sikurezza fil-livell tal-UE.

Dawn l-għanijiet inkisbu sewwa permezz tal-proposti tekniċi magħmula mill-EASA lill-Kummissjoni f’Ottubru 20121. L-opinjoni tal-EASA kienet ir-riżultat ta' proċessi bir-reqqa u komprensivi ta’ konsultazzjoni u valutazzjoni, li kienu jinvolvu l-partijiet interessati kkonċernati kollha.

Saret valutazzjoni bir-reqqa tal-opinjoni tal-EASA u wkoll konsultazzjoni mal-partijiet interessati kollha qabel ma l-Kummissjoni ħassitha sodisfatta li kellha bażi suffiċjenti biex tipproponi r-regolament il-ġdid. Mill-konsultazzjoni ħareġ biċ-ċar li ċerti kwistjonijiet jeħtiġilhom jiġu rfinati, u l-Kummissjoni għalhekk ipproponiet emendi biex tindirizza l-kwistjonijiet identifikati mill-għaqdiet tal-ekwipaġġ tal-ajru, mil-linji tal-ajru, mill-Parlament Ewropew, u mill-Istati Membri. Il-proposti għat-titjib kienu jinvolvu, fost l-oħrajn, il-kwistjonijiet importanti tal-possibilitajiet ta' derogi mir-regoli tal-UE, ir-relazzjoni mal-leġiżlazzjoni soċjali, ix-xiftijiet fl-ajruporti, ir-riżerva, id-dewmien fir-rappurtar, il-mistrieħ meħud matul it-titjira mill-membri tal-ekwipaġġ tal-kabina, it-titjiriet ta’ bil-lejl u l-istandby.

F’diskussjoni fil-Kumitat EASA, l-Istati Membri enfasizzaw il-kwalità għolja tar-regoli proposti, il-bilanċ ġust misjub u t-titjib ċar miksub fis-sikurezza. Enfasizzaw ukoll il-qbil tagħhom mal-Kummissjoni li għandu jkun hemm valutazzjoni kontinwa tas-sistema FTL, ibbażata fuq dejta operazzjonali reali, sabiex ikun żgurat li s-sistema tkun effettiva u jkun hemm livell xieraq ta’ ħarsien tas-sikurezza.

Matul id-diskussjonijiet li saru llum, l-Istati Membri ddiskutew bosta għażliet għar-regolazzjoni tax-xiftijiet waqt it-titjiriet ta’ billejl u tal-istandby barra l-ajruport. Il-maġġoranza sabet li l-proposti ppreżentati mill-Kummissjoni u mill-EASA biex jirregolaw dawn l-oqsma kienu joffru biżżejjed protezzjoni.

Fil-każ tax-xiftijiet ta’ billejl, l-Istati Membri laqgħu l-proposta tal-Kummissjoni li jitnaqqas il-perjodu massimu tax-xiftijiet ta’ bil-lejl mill-11-il siegħa 45 minuta kif inhuma bħalissa għal 11-il siegħa, u appoġġjaw ir-rekwiżit propost biex ir-rosters tax-xiftijiet jitmexxew b'mod attiv skont il-prinċipji tal-ġestjoni tal-għeja - inkluż xiftijiet ta’ billejl itwal minn 10 sigħat - , li għandu jiżgura operazzjonijiet tal-ajru sikuri bl-aktar b’mod proporzjonat.

Dwar l-istandby, l-Istati Membri kienu sodisfatti bl-assigurazzjonijiet mill-EASA li joffru aktar protezzjoni.

Kien ukoll iċċarat li r-regoli FTL tas-sikurezza kienu bla preġudizzju għal-leġiżlazzjoni soċjali tal-UE u nazzjonali applikabbli, inklużi regoli dwar il-ħinijiet tax-xogħol, is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol u l-ftehimiet kollettivi tax-xogħol eżistenti (CLAs). Barra minn hekk, ir-relazzjoni bejn ir-regoli tas-sikurezza u r-regoli soċjali hija bbażata fuq il-prinċipju li tapplika r-regola li toffri l-aktar protezzjoni.

Dan il-vot pożittiv issa jagħti bidu għal 3 xhur skrutinju tar-Regolament mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, li għandu jibda qabel tmiem dan ix-xahar.

Il-Kummissjoni rringrazzjat lill-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA), lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati għall-ħidma li wettqu u għall-appoġġ mogħti biex din il-biċċa leġiżlazzjoni importanti tal-UE tkun tista' tiġi modernizzata.

Għal aktar tagħrif:

Segwi lill-Viċi President Kallas fuq Twitter

Kuntatti :

Helen Kearns (+32 2 298 76 38)

Dale Kidd (+32 2 295 74 61)

1 :

Ara l-opinjoni tal-EASA 04/20012, ta’ 1.10.2012, u l-materjal relatat disponibbli fuq http://www.easa.europa.eu/agency-measures/opinions.php.


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site