Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

L-ambjent: Il-Kummissjoni tiġġieled kontra kunsinni ta' skart illegali

Commission Européenne - IP/13/679   11/07/2013

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-11 ta' Lulju 2013

L-ambjent: Il-Kummissjoni tiġġieled kontra kunsinni ta' skart illegali

Il-Kummissjoni Ewropea llum aġixxiet kontra kunsinni ta' skart illegali li qegħdin jagħmlu ħsara lis-saħħa tal-bniedem u lill-ambjent. Il-Kummissjoni pproponiet leġiżlazzjoni aktar soda dwar l-ispezzjonijiet ta' kunsinni ta' skart biex tiżgura li l-Istati Membri kollha jkollhom livelli ta' kontroll indaqs. Huwa maħsub li madwar 25% tal-kunsinni ta' skart li jintbagħtu mill-UE lejn pajjiżi fi stat ta' żvilupp fl-Afrika u fl-Asja jiksru r-regolamenti internazzjonali. Meta jasal l-iskart, ħafna drabi dan jintrema jew ma jiġix ittrattat kif suppost, u jkollu impatti negattivi serji fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent.

Il-Kummissarju għall-Ambjent Janez Potočnik qal: "Wasal iż-żmien li jkun hemm kontrolli aktar stretti fl-Istati Membri kollha - dan hu l-aħjar mod biex inwaqqfu lill-esportaturi diżonesti milli jabbużaw mis-sistema. Il-proposta tal-lum se tgħin biex tnaqqas il-ġestjoni ħażina tal-iskart, tagħmel ċert li l-iskart perikoluż jiġi ttrattat kif suppost, u tiżgura li r-riżorsi prezzjużi jerġgħu jintużaw."

Filwaqt li xi Stati Membri għandhom sistemi ta' spezzjoni tajbin, li jaħdmu b'mod rigoruż u jiffukaw fuq kunsinni illegali ta' skart fil-portijiet jew fl-istabbilimenti ta' dawk li jiġbru jew jipproduċu l-iskart, hemm oħrajn li għadhom lura. Dan iwassal għall-"port hopping" - qbiż minn port għal ieħor minn esportaturi ta' skart illegali li jagħżlu l-Istati Membri li jkollhom l-iżjed kontrolli laxki biex jesportaw l-iskart tagħhom.

L-inizjattiva tal-lum tipproponi spezzjonijiet ibbażati fuq ir-riskji li għandhom jitwettqu b'mod regolari mill-Istati Membri, b'aktar kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet u b'taħriġ aħjar tal-ispetturi. Dan ikun jgħin lill-awtoritajiet biex jagħtu l-iżjed attenzjoni tagħhom lir-rottot, il-ħinijiet u l-vetturi li jkunu involuti l-aktar ta' spiss biex jintbagħtu dawn il-kunsinni illegali. Aktar attenzjoni fuq il-postijiet fejn jinġabar u fejn jinħażen l-iskart tkun tippermetti wkoll li l-ispezzjonijiet ikunu jistgħu jsiru fi stadju bikri. Jekk jitwaqqfu l-esportazzjonijiet ta' skart minn stadju bikri fi triqithom, jitnaqqas il-piż mill-punti tal-ħruġ regolari. L-ippjanar tal-ispezzjonijiet ikun jgħin ukoll lill-awtoritajiet biex aktar ikunu jistgħu jwettqu spezzjonijiet effikaċi.

L-ispezzjonijiet fuq il-post, li huma element ewlieni tal-proposta, se jiffaċilitaw il-ġbir tal-provi dwar kemm kunsinna tkun legali mingħand il-persuna li tkun responsabbli għal dik il-kunsinna u, pereżempju, jista' jkun hemm provi li l-iskart li jkun fiha jkun fi triqtu lejn pajjiż terz fejn se jiġi ttrattat b'mod ekoloġiku tajjeb.

Ispezzjonijiet effikaċi jkunu jfissru frankizza u benefiċċji diretti ekonomiċi għall-Istati Membri u għall-industrija billi jiġu evitati spejjeż ta' tindif u ta' ripatrijazzjoni. Jistgħu wkoll iwaqqfu "tnixxijiet" ta' materjali primi prezzjużi li jkunu fl-iskart, bħal minerali prezzjużi bħall-kobalt u l-indju fl-iskart elettroniku, dawn imbagħad ikunu jistgħu jiġu riċiklati u jiddaħħlu mill-ġdid fis-suq. Ftit ftit, dan se jwassal għal proċessi mtejbin ta' trattament tal-iskart, ta' tekniki mtejbin ta' gġħażla u riċiklaġġ, u jipprovdi aċċess aħjar għal materjali primi ta' kwalità tajba.

Kuntest

L-ispejjeż ħafna orħos f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw għat-trattament u r-rimi tal-iskart huwa inkoraġġiment ekonomiku importanti għall-kunsinni ta' skart illegali. Dawn l-ispejjeż orħos huma primarjament riżultat ta' regolamentazzjoni ambjentali u tal-affarijiet tas-saħħa inqas stretti milli huma fl-UE, u jeżistu ċerti każi wkoll fejn il-kontrolli jiġu kompletament evitati. Jekk il-pajjiżi ta’ destinazzjoni ma jkollhomx standards u kapaċità tar-riċiklaġġ adegwati, il-perikli potenzjali għall-ambjent u għas-saħħa jkunu qed jiġu sempliċiment esportati lejn partijiet oħra tad-dinja. Ir-rimi jew it-trattament mhux xieraq tal-iskart għandhom implikazzjonijiet serji fuq l-ambjent u jpoġġu liċ-ċittadini u lill-ħaddiema f'perikli ta' mard dewwiemi. It-tnixxijiet mill-iskart mormi jistgħu jagħmlu wkoll ħsara lill-ħamrija u lin-nixxigħat tal-ilma, u jwasslu għal tniġġis tal-arja minħabba l-emissjonijiet, pereżempju, ta' metalli tqal u ta’ materjali organiċi persistenti li jniġġsu. L-emissjonijiet jikkawżaw ukoll it-tisħin globali u t-tnaqqis tal-ożonu.

Ir-regolament dwar il-kunsinni tal-iskart tal-UE jipprojbixxi kull esportazzjoni ta' skart perikoluż lejn pajjiżi mhux membri tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) u kull esportazzjoni ta' skart għar-rimi barra l-UE/l-EFTA. Meta jinstabu kunsinni ta' skart illegali, dawn iridu jittieħdu lura minn fejn ikunu ġew. Ir-Regolament dwar il-Kunsinni tal-iskart jippermetti li skart mhux perikoluż jiġi esportat barra l-OECD għal operazzjonijiet ta' rkupru, iżda jeħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali jivverifikaw li dan jiġi ttratat b'mod li jkun ġeneralment jaqbel mar-regoli li huma applikati fl-UE. Ir-regolament ma fih ebda stipulazzjoni dwar l-ippjanar tal-ispezzjonijiet jew kif dawn għandhom jitwettqu.

Il-proposta tqis ir-riżultati ta' konsultazzjoni pubblika li fiha l-partijiet interessati wrew appoġġ gbir għar-rekwiżiti leġiżlattivi tal-UE dwar l-ispezzjonijiet tal-kunsinni tal-iskart (90% ta' dawk li wieġbu). Il-proposta tgħin ukoll biex jiġu indirizzati għadd ta' kwistjonijiet ta' tħassib li dan l-aħħar tqajmu mill-SMEs dwar it-tħaddim tar-Regolament dwar il-Kunsinni tal-Iskart. B'mod partikolari semmew il-fatt li minħabba differenzi fl-implimentazzjoni u fl-interpretazzjoni fost l-Istati Membri, ir-Regolament ma wassalx għall-ħolqien ta' suq komuni għall-użu u r-riċiklaġġ tal-iskart. Qalu wkoll li jrid isir aktar xogħol biex tkun żgurata implimentazzjoni uniformi tar-Regolament dwar Kunsinni tal-Iskart, b'aktar attenzjoni fuq l-iskart perikoluż u inqas attenzjoni fuq skart li ma jikkawżax problemi.

Għal aktar tagħrif:

Ħolqa għall-Komunikazzjoni:

http://ec.europa.eu/environment/waste/shipments/news.htm

Ara wkoll:

http://ec.europa.eu/environment/waste/index.htm

Kuntatti:

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site