Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-11 ta' Lulju 2013

L-universitajiet Ewropej jeħtieġ li jaħsbu b'mod globali, tgħid il-Kummissjoni.

Ix-xenarju internazzjonali tal-edukazzjoni għolja qed jinbidel b’mod drammatiku fil-forma u fid-daqs, b'kompetizzjoni akbar minn pajjiżi bħaċ-Ċina u l-Indja. Dan jinneċessita eżami bir-reqqa tal-mod li bih joperaw l-4 000 università Ewropej — mhux biss internazzjonalment, iżda wkoll bil-mod kif iwasslu l-edukazzjoni lill-istudenti Ewropej f'pajjiżhom. Illum, il-Kummissjoni Ewropea tniedi strateġija ġdida, 'L-edukazzjoni għolja Ewropea fid-dinja', bl-iskop li jkun żgurat li gradwati Ewropej jiksbu l-ħiliet internazzjonali li għandhom bżonn biex jaħdmu fi kwalunkwe post fid-dinja u li l-Ewropa tibqa’ l-aktar destinazzjoni attraenti għal studenti internazzjonali. Erasmus+, il-Programm il-ġdid tal-UE għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport, se jalloka aktar minn EUR 400 miljun kull sena biex jappoġġja l-iskambji internazzjonali tal-istudenti u aktar kooperazzjoni bejn l-universitajiet Ewropej u l-imsieħba tagħhom madwar id-dinja.

Androulla Vassiliou, il-Kummissarju għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ, qalet: “L-universitajiet Ewropej jeħtieġ li jaħsbu b'mod globali. Għandhom jaġixxu b’mod strateġiku biex jikkapitalizzaw fuq ir-reputazzjoni Ewropea ta' edukazzjoni għolja ta' kwalità superjuri. Jeħtieġ li jippromwovu l-mobbiltà internazzjonali tal-istudenti u l-persunal, jipprovdu kurrikuli innovattivi ta’ klassi dinjija kif ukoll eċċellenza fit-tagħlim u fir-riċerka. Filwaqt li bosta universitajiet Ewropej għandhom rabtiet tajbin ġewwa l-UE, ħafna huma nieqsa minn strateġija ċara għat-tisħiħ tar-rabtiet ma’ sħab li mhumiex Ewropej. Dan jeħtieġ li jinbidel b'urġenza. Il-Kummissjoni se tappoġġa lill-Istati Membri biex dawn ikunu jistgħu jiżviluppaw in-netwerks internazzjonali ta' edukazzjoni għolja tagħhom. Ma hemmx mudell universali applikabbli għal kulħadd għal dan: jeħtieġ li l-pajjiżi jaġixxu skont ħilithom.

Hemm aktar minn 19-il miljun student fl-universitajiet tal-Unjoni Ewropea u f'istituzzjonijiet oħra tal-edukazzjoni għolja. Il-Kummissjoni tenfasizza li l-universitajiet iridu jippromwovu wkoll prospettiva internazzjonali fost il-85 % tal-istudenti li mhumiex mobbli, sabiex huma wkoll jiksbu l-ħiliet internazzjonali meħtieġa f’dinja globalizzata. Dan ifisser li l-universitajiet jeħtieġ li jiżviluppaw kurrikuli internazzjonali, jippromwovu l-ħiliet fl-ilsna u jespandu t-tagħlim diġitali.

B’mod ġenerali, l-għadd ta’ studenti fl-edukazzjoni għolja fid-dinja huwa mistenni li jikkwadruplika, minn madwar 100 miljun fis-sena 2000 għal 400 miljun fl-2030, bi tkabbir partikolarment b'saħħtu fl-Asja u fl-Amerika Latina. Fil-preżent l-Ewropa tattira madwar 45 % tal-istudenti internazzjonali kollha, iżda l-kompetituri tagħha b'mod rapidu qegħdin iżidu l-investiment tagħhom fl-edukazzjoni għolja. L-akbar fornituri ta’ studenti internazzjonalment mobbli huma ċ-Ċina, l-Indja u l-Korea t’Isfel.

Il-programm il-ġdid Erasmus+, li se jitnieda f’Jannar 2014, għall-ewwel darba se jintegra opportunitajiet għal studenti li ġejjin minn barra l-fruntieri Ewropej biex iqattgħu parti mill-istudji tal-lawrja tagħhom f’università Ewropea, jew viċi versa. se jkunu ffinanzjati 135 000 skambju ta' studenti u ta’ persunal bejn l-UE u l-bqija tad-dinja — 100 000 iktar milli taħt il-programm Erasmus Mundus eżistenti, barra mit-3 miljun skambju ta' studenti u ta’ persunal fi ħdan l-UE.

Kuntest

L-edukazzjoni għolja Ewropea fid-dinja tibni fuq ħidma li nbdiet fl-2011 bl-aġenda ta’ modernizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja tal-UE (IP/11/1043), li għandha l-iskop li ttejjeb il-kwalità u r-rilevanza tal-edukazzjoni għolja biex ikun żgurat li ż-żgħażagħ huma mgħammra b'taħlita tajba ta’ ħiliet għas-suq tax-xogħol.

Il-Kummissjoni hija impenjata li ssaħħaħ is-sħubijiet akkademiċi fuq skala globali. Permezz tal-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ programmi tal-UE, notevolment Erasmus+ u Orizzont 2020 għar-riċerka, il-Kummissjoni se tibni fuq is-suċċess ta’ Erasmus Mundus u tal-Azzjonijiet Marie Curie biex ikun żgurat li l-internazzjonalizzazzjoni u l-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja Ewropea jkunu prijoritajiet ewlenin.

L-għanijiet prinċipali tal-istrateġija għall-internalizzazzjoni tal-Kummissjoni huma li:

  • Tittejjeb il-kwalità ġenerali tal-edukazzjoni Ewropea billi jiġi ffaċilitat it-tagħlim bejn il-pari, il-kooperazzjoni u t-tqabbil ma’ fornituri edukattivi oħra madwar id-dinja;

  • Tingħata mbottatura lill-innovazzjoni u lill-ħolqien tal-impjiegi fl-Ewropa billi jiġu attirati studenti internazzjonalment mobbli u migranti tas-sengħa;

  • Jitwessgħu l-orizzonti, tiżdied l-impjegabbiltà u l-istudenti jiġu ppreparati biex isiru ċittadini globali, u

  • Li udjenzi ġodda jiġu influwenzati u impenjati b' tali mod li javvanza l-pożizzjoni tal-UE fid-dinja.

Għal aktar informazzjoni:

Facts & Figures: European higher education in the world

Il-Kummissjoni Ewropea: Edukazzjoni u taħriġ

Ewropa 2020

Is-sit tal-internet ta' Androulla Vassiliou

Segwi lil Androulla Vassiliou fuq Twitter @VassiliouEU @VassiliouEU

Kuntatti :

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58), Twitter: @DennisAbbott

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website