Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-11 ta' Lulju 2013

Mil-lum regoli ġodda tal-UE se jkunu qed jiġġieldu informazzjoni qarrieqa u jpoġġu fuq l-ixkafef tal-UE kożmetiċi aktar sikuri

Mil-lum, il-kożmetiċi fuq l-ixkafef tal-ħwienet, kemm dawk manifatturati fl-UE kif ukoll dawk importati minn pajjiżi terzi, għandhom ikunu kompletament konformi mar-Regolament dwar il-Kożmetiċi li jiżgura standards ta' sikurezza aktar b'saħħithom u li jipprovdi informazzjoni aħjar lill-konsumaturi.

Neven Mimica, il-Kummissarju Ewropew għall-Politika tal-Konsumatur, qal: “Mill-affarijiet ta' kuljum bħat-toothpaste sa dik xi ħaġa żgħira ta' lussu bħal lipstick jew aftershave, il-konsumaturi issa huma mħarsa aħjar u għandhom informazzjoni aktar ċara dwar il-kożmetiċi li jixtru. Permezz tar-regoli l-ġodda, l-infurzar isir aktar faċli u dan iwassal għal aktar serħan il-moħħ u fiduċja fil-prodotti mixtrija.”

Aktar fiduċja għandha tibbenefika kemm lill-produtturi kif ukoll lill-konsumaturi. B’bosta mexxejja dinjija f’dan is-settur, u b’aktar minn 4,000 manifattur tal-kosmetiċi, l-industrija tal-kożmetiċi hija ass kbir għall-UE fl-ekonomija globalizzata. B'mod dirett u indirett, is-settur joħloq aktar minn 1.5 miljun impjieg.

Il-bidliet l-aktar sinifikanti introdotti permezz tar-Regolament dwar il-Kożmetiċi adottat mill-Kunsill u mill-Parlament fl-2009 jinkludu:

Rekwiżiti tas-sikurezza msaħħa għall-prodotti kożmetiċi: Mil-lum, il-manifatturi jeħtieġu jsegwu rekwiżiti speċifiċi fil-preparazzjoni ta’ rapport dwar is-sikurezza ta' prodott qabel ma l-prodott jitqiegħed fis-suq.

Nintroduċu l-kunċett ta "persuna responsabbli": Huma biss il-prodotti kożmetiċi li għalihom persuna fiżika jew ġuridika hija nominata fi ħdan l-UE bħala "persuna responsabbli" li jistgħu jitqiegħdu fis-suq. Ir-Regolament il-ġdid dwar il-Kożmetiċi jippermetti l-identifikazzjoni preċiża ta' min hi l-persuna responsabbli u jiddeskrivi l-obbligi b'mod ċar. Il-persuna responsabbli għandha wkoll iżżomm il-fajl bl-informazzjoni tal-prodott, inkluża l-valutazzjoni tas-sikurezza tal-prodott, li tkun disponibbli u aġġornata f’każ ta' spezzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali ta' sorveljanza tas-suq.

Notifika ċentralizzata tal-prodotti kożmetiċi kollha li jitqiegħdu fis-suq tal-UE: Manifattur se jkollu jinnotifika l-prodott tiegħu darba biss - permezz tal-Portal għan-Notifikazzjoni tal-Prodotti Kożmetiċi (CPNP) tal-UE. L-informazzjoni maħżuna fil-portal se tippermetti lill-persunal ta’ Ċentri nazzjonali ta' Kontra l-Ivvelenar jaċessaw il-kompożizzjoni tal-prodotti fi żmien ftit sekondi, f'każ ta' aċċidenti, u se tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jaċċessaw b'mod faċli l-informazzjoni dwar il-prodotti kożmetiċi kollha li tqiegħdu fis-suq tal-UE għal skopijiet ta' sorveljanza tas-suq.

Nintroduċu rappurtar ta’ effetti serji mhux mixtieqa: Persuna responsabbli se jkollha l-obbligu li tinnotifika lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti b'effetti serji mhux mixtieqa. L-awtoritajiet se jiġbru wkoll informazzjoni li tasal mingħand, pereżempju, l-utenti u l-professjonisti fil-qasam tas-saħħa, u se jkunu obbligati jaqsmu l-informazzjoni ma' Stati Membri oħra tal-UE.

Regoli ġodda għall-użu ta’ nanomaterjali fil-prodotti kosmetiċi: Is-sustanzi koloranti, il-preżervattivi u l-filtri tal-UV, inklużi dawk li huma nanomaterjali, għandhom ikunu awtorizzati b'mod espliċitu. Il-prodotti li fihom nanomaterjali oħrajn li mhumiex ristretti b'mod ieħor mir-Regolament dwar il-Kożmetiċi se ssirilhom valutazzjoni sħiħa tas-sikurezza fil-livell tal-UE, kemm-il darba l-Kummissjoni jkollha xi tħassib. Hemm bżonn li fil-lista tal-ingredjenti, in-nanomaterjali jiġu ttikkettati bil-kelma "nano" fil-parentesi wara l-isem tas-sustanza, eż. “diossidju tat-titanju (nano)”.

Barra minn hekk, Regolament ġdid tal-Kummissjoni li ġie adottat illum jistabbilixxi kriterji komuni għal dikjarazzjonijiet kożmetiċi: Il-manifatturi li jixtiequ jagħmlu dikjarazzjoni fuq il-prodott tagħhom, pereżempju, “effiċjenti għal 48 siegħa” fil-każ tad-deodorants, se jkollhom isegwu sitt kriterji komuni: konformità legali, il-verità, appoġġ evidenzjali, onestà, ġustizzja u teħid ta' deċiżjonijiet informati. L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali se jkunu jistgħu jikkontrollaw id-dikjarazzjonijiet skont dawn il-kriterji.

Sfond

  • Il-kożmetiċi jinkludu mhux biss make-up, fwejjaħ u after-shaves iżda wkoll prodotti li huma neċessarji għas-saħħa u l-benesseri tal-konsumaturi bħall-protezzjoni mix-xemx (sunscreen), toothpaste u prodotti tat-tindif tal-wiċċ

  • Ir-Regolament il-ġdid dwar il-Kożmetiċi, adottat fl-2009, jidħol fis-seħħ fil-11 ta’ Lulju 2013 wara perjodu tranżitorju biex jippermetti lill-industrija taddatta ruħha għar-regoli l-ġodda. Il-leġiżlazzjoni Ewropea dwar il-kożmetiċi ġiet adottata għall-ewwel darba 35 sena ilu u ġiet riveduta b'mod sostenzjali xejn inqas minn seba' darbiet.

Għal aktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/consumers/sectors/cosmetics/index_en.htm

Il-websajt tal-Kummissarju Mimica:
http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/mimica/index_en.htm

Segwi lill-Kummissarju Mimica fuq Twitter: @MimicaEU

Segwi lil DĠ SANCO fuq Twitter: @EU_Consumer

Kuntatti :

Frédéric Vincent (ad interim) (+32 2 298 71 66)

Aikaterini Apostola (+32 2 298 76 24)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website