Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-10 ta' Lulju 2013

Il-Futur tal-Ewropa: Il-President Barroso u l-Viċi President Reding għal dibattitu maċ-ċittadini f’Varsavja

Wara 22 djalogu maċ-ċittadini f’14-il Stat Membru, iċ-ċittadini tal-Polonja se jkollhom l-opportunità li jaqsmu l-opinjonijiet tagħhom dwar il-futur tal-Ewropa. Fil-11 ta’ Lulju 2013, il-President tal-Kummissjoni Ewropea José Manuel Barroso, il-Viċi President Viviane Reding, flimkien mal-Membru tal-Parlament Ewropew Róża Thun, se jkollhom dibattitu ma’ aktar minn 300 ċittadin fiċ-Ċentru Xjentifiku Copernicus f’Varsavja.

“lċ-ċittadini tagħna jagħrfu li ħafna mill-problemi, ir-riskji u t-theddidiet għall-benessri tagħhom imorru lil hinn mil-livell ta' stat nazzjon, u għalhekk, is-soluzzjonijiet għandhom jagħmlu dan ukoll. L-integrazzjoni Ewropea tista’ tappoġġa l-politiki nazzjonali u ssaħħaħ il-libertajiet taċ-ċittadini Ewropej. L-Ewropa biss tista’ tagħti garanzija li l-iżbalji tal-passat ma jerġgħux iseħħu u li l-isfidi tal-ġejjieni se jiġu indirizzati aħjar," qal il-President tal-Kummissjoni Ewropea José Manuel Barroso. "Ir-riskju reali ta’ frammentazzjoni ma jiġix billi nagħtu widen għat-tħassib taċ-ċittadini. Irrid nara dibattitu reali dwar kif l-Unjoni Ewropea għandha tevolvi fis-snin li ġejjin, kemm fil-qasam ekonomiku u kemm fis-sens politiku. Dibattitu li jinvolvi lil kull ċittadin. Għalhekk se nkunu f’Varsavja għada u f’kull pajjiż tal-UE din is-sena u d-dieħla.”

“Hekk kif id-dibattitu dwar il-futur tal-Ewropa u l-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika qed jaqbdu r-ritmu, jeħtieġ li jkollna viżjoni ċara dwar fejn sejrin fis-snin li ġejjin. X’jaħsbu ċ-ċittadini huwa aktar importanti minn qatt qabel u ninsab imħeġġa li niġi Varsavja biex nisma’ l-opinjonijiet taċ-ċittadini Pollakki,". qalet il-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza. “Il-Polonja tappartjeni għall-grupp influwenti tal-Unjoni Ewropea u l-influwenza Pollakka kienet kruċjali biex toħroġ lill-Ewropa mill-kriżi u biex l-Ewropa tkun armata bl-għodod it-tajba sabiex tiżgura li l-iżbalji tal-passat ma jkunux jistgħu jerġgħu jiġru. Nistenna li l-Polonja tkompli tieħu sehem attiv u rwol importanti biex timbotta għal Ewropa aktar b’saħħitha.”

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea José Manuel Barroso u Tadeusz Mazowiecki li kien Prim Ministru tal-Polonja u bħalissa qed iservi ta' konsulent għall-President ta' pajjiżu, se jagħtu bidu għad-dibattitu f'Varsavja qabel jgħaddi r-riedni lill-Viċi President Reding u l-Membru tal-Parlament Ewropew Róża Thun li mal-parteċipanti se jiddiskutu l-kriżi ekonomika, id-drittijiet taċ-ċittadini u l-futur tal-Ewropa. Dakinhar stess filgħodu, il-President Barroso se jmexxi l-Ewwel Assemblea Ġenerali dwar in-Narrattiva l-Ġdida għall-Ewropa, laqgħa mal-intellettwali, ir-rappreżentanti tad-dinja kulturali u l-artisti, li fil-parti tal-ftuħ tagħha se jipparteċipa wkoll il-Prim Ministru Pollakk Donald Tusk.

Udjenza eteroġenja ħafna se tattendi d-djalogu taċ-ċittadini f’Varsavja li tvarja minn imprendituri, rappreżentanti tal-kultura dinjija, organizzazzjonijiet mhux governattivi u assoċjazzjonijiet tal-istudenti. Iċ-Ċentri ta’ Informazzjoni Europe Direct li joperaw f’31 belt fil-Polonja se jiżguraw ukoll li ċ-ċittadini interessati kollha minn madwar il-Polonja jkunu jistgħu jipparteċipaw fid-djalogu fil-kapitali Pollakka. L-avveniment ta' sagħtejn se jkun ippresedut minn Michał Adamczyk mill-istazzjon televiżiv pubbliku Pollakk TVP.

Id-dibattitu se jsir bejn is-14:30 u l-16:30 CET fiċ-Ċentru Xjentifiku Copernicus f’Varsavja. Se jixxandar dirett onlajn. Ċittadini minn madwar l-Ewropa kollha jistgħu jipparteċipaw ukoll permezz ta’ Twitter billi jsegwu hashtag #EUDeb8.

Fil-11 ta' Mejju 2013 Varsavja diġà ospitat djalogu taċ-ċittadini ma' Janusz Lewandowski, il-Kummissarju tal-UE għall-Ipprogrammar Finanzjarju u l-Baġit. Kważi 200 ruħ ħadu sehem, u aktar minn 3,000 segwew il-live web streaming.

Sfond

X'inhuma d-djalogi maċ-ċittadini?

F'Jannar, il-Kummissjoni Ewropea nediet is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini, (IP/13/2), sena dedikata għaċ-ċittadini u d-drittijiet tagħhom. Matul is-sena u fl-2014, il-Kummissarji tal-UE, il-MPE u politiċi nazzjonali kullimkien fl-UE kienu qegħdin jiltaqgħu maċ-ċittadini biex jiddiskutu l-aspettattivi tagħhom għall-ġejjieni tal-Ewropa.

Il-Viċi President Reding diġà kellha dibattiti f'Cádiz (Spanja), fi Graz (l-Awstrija), f'Berlin (il-Ġermanja), f'Dublin (l-Irlanda), f'Coimbra (il-Portugall), f'Salonika (il-Greċja), fi Brussell (il-Belġju) u f'Esch-sur-Alzette (il-Lussemburgu). Matul l-2013 u l-2014 se jsiru ħafna aktar Djalogi madwar l-Unjoni Ewropea - li se jaraw lill-politiċi nazzjonali u lokali Ewropej involuti f’dibattitu maċ-ċittadini minn kull qasam tal-ħajja. Id-Djalogi kollha jistgħu jiġu segwiti hawnhekk: http://ec.europa.eu/european-debate.

Minn mindu ddaħħlet iċ-Ċittadinanza tal-UE 20 sena ilu, kienu ħafna l-kisbiet: Skont stħarriġ tal-UE reċenti llum 63 % taċ-ċittadini jħossuhom “Ewropej”. Fil-Polonja, din iċ-ċifra hija saħansitra ogħla, b’74 % (ara l-Anness). Madwar l-UE, iċ-ċittadini qegħdin jużaw id-drittijiet tagħhom kuljum. Imma n-nies mhumiex dejjem konxji ta' dawn id-drittijiet. Pereżempju, madwar sitta minn kull 10 Pollakki jgħidu li mhumiex infurmati tajjeb dwar id-drittijiet tagħhom bħala ċittadini tal-UE.

Din hija r-raġuni għaliex id-Djalogi maċ-Ċittadini jinsabu fil-qalba tas-Sena Ewropea taċ-Ċittadini, sena ddedikata għaċ-ċittadini u d-drittijiet tagħhom.

Għalfejn il-Kummissjoni qed tagħmel dan issa?

Għaliex illum l-Ewropa tinsab f'salib it-toroq. Kulħadd qed jitkellem dwar il-futur tal-Ewropa, dwar progress lejn Unjoni Politika, Federazzjoni ta’ Stati Nazzjon jew Stati Uniti tal-Ewropa. Ix-xhur u s-snin li ġejjin se jkunu deċiżivi għall-futur tal-Unjoni Ewropea. Aktar integrazzjoni tal-Ewropa għandha timxi id f'id mat-tisħiħ tal-leġittimità demokratika tal-UE. Għalhekk huwa essenzjali li ċ-ċittadini tal-Ewropa jingħaqdu b'mod attiv fid-dibattitu u jsemmgħu leħinhom.

X'se jkun ir-riżultat tad-Djalogi?

Ir-rispons mingħand iċ-ċittadini matul id-djalogi se jgħin biex jiggwida lill-Kummissjoni waqt it-tfassil tal-pjanijiet għal riforma futura tal-UE. Wieħed mill-iskopijiet ewlenin tad-Djalogi se jkun ukoll li titwitta t-triq għall-elezzjonijiet Ewropej tal-2014.

Fit-8 ta' Mejju 2013 il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat it-tieni Rapport tagħha dwar iċ-Ċittadinanza, li jipproponi 12-il miżura konkreta ġdida għas-soluzzjoni tal-problemi li għad għandhom iċ-ċittadini (IP/13/410 u MEMO/13/409). Ir-Rapport taċ-Ċittadini huwa t-tweġiba tal-Kummissjoni għal konsultazzjoni kbira permezz tal-internet li saret f'Mejju 2012 (IP/12/461) u l-mistoqsijiet li qajmu ċ-ċittadini kif ukoll is-suġġerimenti li saru fi djalogi dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE u l-ġejjieni tagħhom. Tnax-il elf ċittadin tal-UE pparteċipaw fil-konsultazzjoni, bil-Pollakki jikkostitwixxu l-ikbar grupp u li kien jammonta għal 18 % tal-għadd totali tal-kontribuzzjonijiet.

Għal aktar informazzjoni:

Għal aktar informazzjoni dwar id-Djalogu f'Varsavja:

http://ec.europa.eu/debate-future-europe/citizens-dialogues/poland/warsaw/july_en.htm

Dibattiti maċ-ċittadini dwar il-Futur tal-Ewropa:

http://ec.europa.eu/european-debate/index_pl.htm

Is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini: http://europa.eu/citizens-2013/en/home

L-Ewropej jgħidu tagħhom - ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika dwar id-drittijiet taċ-ċittadini fl-UE: http://ec.europa.eu/justice/citizen/files/eu-citizen-brochure_en.pdf

Is-sit fuq l-internet tal-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza: http://ec.europa.eu/reding

Viviane Reding fuq Twitter: @VivianeRedingEU

Biex tieħu sehem fid-dibattitu fuq Facebook: www.facebook.com/komisjaeuropejska, u Twitter: @EUinPL #EUdeb8

Kuntatti:

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)

Natasha Bertaud (+32 2 296 74 56)

Anness

1. Il-Pollakki jemmnu li l-UE tista’ tindirizza bl-aħjar mod il-kriżi attwali

2. Aktar minn sebgħa minn kull 10 Pollakki jħossuhom ċittadini tal-UE, wieħed minn kull tnejn jafu d-drittijiet tiegħu jew tagħha

3. Il-Pollakki jqisu l-moviment ħieles taċ-ċittadini, oġġetti u servizzi huwa l-akbar kisba tal-UE


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site