Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-10 ta' Lulju 2013

Il-Kummissjoni tipproponi Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni għall-Unjoni Bankarja

Il-Kummissjoni Ewropea llum ipproponiet Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni (MUR) għall-Unjoni Bankarja. Il-mekkaniżmu jikkomplementa l-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) (IP/12/953) li, ladarba jkun operattiv tard fl-2014, se jara l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jissorvelja direttament lill-banek fiż-żona tal-euro u fl-Istati Membri l-oħra li jiddeċiedu li jingħaqdu mal-Unjoni Bankarja. Il-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni jiżgura li - minkejja superviżjoni aqwa - jekk bank suġġett għall-MSU jiffaċċa diffikultajiet serji, ir-riżoluzzjoni tiegħu tista' tkun ġestita effiċentement bi spejjeż minimi għat-taxxi tal-poplu u għall-ekonomija reali.

Il-President tal-Kummissjoni, José Manuel Barroso, qal: "B'din il-proposta, l-elementi kollha qegħdin fuq il-mejda għal unjoni bankarja biex is-settur jitqiegħed fuq bażi iktar soda, tirritorna l-fiduċja u tingħeleb il-frammentazzjoni fis-swieq finanzjarji. Diġà qbilna fuq superviżjoni Ewropea komuni għall-banek fiż-żona tal-euro u għall-Istati Membri l-oħra li jixtiequ jieħdu sehem. Il-proposta tal-lum tikkomplementa dik b'sistema unika qawwija u integrata biex tittratta banek li jkunu qed ifallu.  Ma nistgħux neliminaw ir-riskju ta' fallimenti bankarji futuri, imma bil-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni u l-Fond ta' Riżoluzzjoni huma l-banek infushom - u mhux il-kontribwenti Ewropej - li għandhom jerfgħu l-piż tat-telf fil-futur."

Il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi, Michel Barnier, qal: "Rajna kif il-kriżijiet bankarji jistgħu jixxerrdu malajr minn pajjiż għall-ieħor, li jwasslu biex il-fiduċja taqbad it-trid tan-niżla maż-żona tal-euro kollha. Rajna wkoll kif il-kollass ta' bank ewlieni transfruntier jista' jwassal għal sitwazzjoni kumplessa u konfuża: ir-riżoluzzjoni ta' Dexia mhix mudell li wieħed għandu jikkopja. Għandna bżonn sistema li tista' twassal deċiżjonijiet malajr u b'mod effiċenti, li tevita d-dubji fuq l-impatt tal-finanzi pubbliċi, u mar-regoli li joħolqu ċ-ċertezza fis-suq. Dak hu l-punt tal-proposta tal-lum għal Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni: billi jiġu żgurati li s-superviżjoni u r-riżoluzzjoni jkunu allinjati ma' livell ċentrali, filwaqt li jiġu involuti l-partijiet nazzjonali rilevanti kollha, u bis-sostenn ta' arranġament ta' finanzjament tar-riżoluzzjoni, se tippermetti li l-kriżijiet bankarji jkunu ġestiti b'iktar effiċenza fl-unjoni bankarja u jgħin biex ma tibqax ir-rabta bejn kriżijiet tad-dejn sovran u banek f'diffikultà."

Il-qafas sorveljatorju msaħħaħ tal-MSU, kif ukoll rekwiżiti prudenzjali msaħħa (ara MEMO/13/272), se jagħti spinta lis-sigurtà tal-banek. Madankollu, ir-riskju li bank jesperjenza problema serja ta' likwidità jew solvenza qatt ma jista' jkun eskluż totalment. Hemm bżonn li superviżjoni u riżoluzzjoni tal-banek ikunu allinjati u eżerċitati fl-istess livell ċentrali sabiex titnaqqas l-inċertezza u jiġu prevenuti assalti bankarji u l-kontaġġożità minn partijiet oħra fiż-żona tal-euro.

Il-MUR propost japplika r-regoli sustantivi ta' rkupru u riżoluzzjoni ta' bank (ara IP/12/570) - li se tiġi adottata dalwaqt - fl-unjoni bankarja. Il-Kunsill tal-Ministri tal-Finanzi tal-UE laħqu ftehim fuq approċċ ġenerali dwar dawn ir-regoli l-ġodda fis-27 ta' Ġunju (MEMO/13/601) u l-Kumitat dwar l-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament Ewropew adotta r-rapport tiegħu fl-20 ta' Mejju. In-negozjati bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew waslu biex jibdew u għandu jinstab qbil finali dwar id-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni Bankarji sal-ħarifa.

Il-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni jkun jaħdem kif ġej:

  • Il-BĊE, bħala s-superviżur, jissenjala meta bank fiż-żona tal-euro jew stabbilit fi Stat Membru li jieħu sehem fl-Unjoni Bankarja kien f'diffikultajiet finanzjarji serji u kien hemm bżonn li jissolva.

  • Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni, li jikkonsisti minn rappreżentanti mill-BĊE, il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti (dawk fejn il-bank għandu l-kwartieri ġenerali tiegħu kif ukoll fergħat u/jew sussidjarji), iħejju r-riżoluzzjoni ta' bank. Dan ikollu setgħat wesgħin biex janalizza u jiddefinixxi l-approċċ għar-riżoluzzjoni ta' bank: x'għodod jintużaw, u kif il-Fond Ewropew ta' Riżoluzzjoni għandu jkun involut. L-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni nazzjonali jkunu involuti mill-qrib f'dan ix-xogħol.

  • Fuq il-bażi tar-rakkomandazzjoni tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni, jew fuq inizjattiva personali tagħha, il-Kummissjoni tiddeċiedi jekk u meta bank jitqiegħed f'riżoluzzjoni u tistabbilixxi qafas għall-użu tal-għodod ta' riżoluzzjoni u l-fond. Għal raġunijiet legali, l-aħħar kelma ma setgħetx tkun tal-Bord.

  • Taħt is-superviżjoni tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni, l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni nazzjonali jkunu inkarigati mill-eżekuzzjoni tal-pjan ta' riżuluzzjoni.

  • Il-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni jissorvelja r-riżoluzzjoni. Huwa jimmonitorja l-eżekuzzjoni fil-livell nazzjonali mill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni nazzjonali u, jekk awtorità ta' riżoluzzjoni nazzjonali ma tikkonformax mad-deċiżjoni tiegħu, jista' jindirizza direttament ordnijiet eżekuttivi lill-banek li għandhom l-inkwiet.

  • Jitwaqqaf fond Uniku ta' Riżoluzzjoni tal-Banek taħt il-kontroll tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni biex jiżgura d-disponibilità ta' sostenn finanzjarju fit-terminu medju waqt li l-bank jiġi ristrutturat. Dan ikun iffinanzjat mill-kontribuzzjonijiet mis-settur bankarju, billi l-fondi ta' riżoluzzjoni nazzjonali tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-Istati Membri parteċipanti fl-Unjoni Bankarja jiġu sostitwiti, kif stabbilit mill-abbozz tad-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek.

Ir-rwol tal-Kummissjoni jkun limitat għad-deċiżjoni biex jingħata bidu għar-riżoluzzjoni ta' bank u d-deċiżjoni dwar il-qafas ta' riżoluzzjoni, li b'hekk jiżgura l-konsistenza tiegħu mas-Suq Uniku u mar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-istat, u tiġi salvagwardjata l-indipendenza u r-responsabilità tal-mekkaniżmu kumplessiv.

Fil-Kunsill Ewropew tas-27-28 ta' Ġunju, il-mexxejja tal-UE qed jimmiraw li sa tmiem l-2013 ikunu ftiehmu dwar il-mekkaniżmu, ħalli jkun jista' jiġi adottat qabel tmiem it-termunu tal-Parlament Ewropew fl-2014 Dan jippermettilu li jibda japplika minn Jannar 2015 flimkien mad-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek.

Qabel mar-regoli proposti jidħlu fis-seħħ, kull kriżi bankarja kienet tibqa' tiġi ġestita fuq il-bażi tar-reġimi nazzjonali. Madankollu, dawn ir-reġimi se jikkonverġu dejjem iżjed lejn prinċipji maqbulin ta' riżoluzzjoni, jiġifieri l-allokazzjoni tat-telf tal-banek fuq l-azzjonisti u l-kredituri minflok fuq it-taxxi tal-poplu. Dan jista' jinkiseb minn naħa bil-linji gwida riveduti dwar l-għajnuna mill-istat adottata llum ukoll (ara IP/13/672) u min-naħa l-pħra, bil-possibilità ta' rkapitalizzazzjoni diretta bil-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà. It-tnejn li huma jirrikjedu "kondiviżjoni tal-piżijiet" mill-investituri privati f'bank bħala kundizzjoni ta' sostenn pubbliku mill-Mekkaniżmu Ewropew u nazzjonali ta' Stabbiltà.

Sfond

Il-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni tħabbar mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni dwar Pjan Direzzjonali lejn Unjoni Bankarja (Settembru 2012) u fil-Pjan ta' Azzjoni għal Unjoni Ekonomika u Monetarja Profonda u Ġenwina(Novembru 2012).

Il-Kunsill Ewropew f'Diċembru 2012 għaraf il-bżonn li jitwaqqaf Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni biex jakkumpanja l-Mekkaniżmu Uniku ta' Superviżjoni fl-Unjoni Bankarja. F'Marzu 2013, huwa impenja ruħu li jlesti l-Unjoni Bankarja permezz ta' sensiela ta' passi u kkonferma li l-proposta tal-Kummissjoni għal Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni għandu jkun eżaminat bħala kwistjoni ta' prijorità bl-intenzjoni li tiġi adottata qabel tmiem it-terminu attwali tal-Parlament Ewropew fl-2014.

Il-Parlament Ewropew konsistentement sejjaħ għal integrazzjoni ikbar fl-arranġamenti għar-riżoluzzjoni tal-banek u fir-Riżoluzzjoni adottata fit-13 ta' Ġunju 2013 ħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tadotta malajr kemm jista' jkun il-proposta li tistabbilixxi l-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni.

Ara MEMO/13/675 u MEMO/13/679

Għal aktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/internal_market/finances/banking-union/index_en.htm

Kuntatti:

Chantal Hughes (+32 2 296 44 50)

Carmel Dunne (+32 2 299 88 94)

Audrey Augier (+32 2 297 16 07)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site