Navigation path

Left navigation

Additional tools

Klassifikazzjoni internazzjonali ġdida tal-universitajiet imnedija f'Dublin

European Commission - IP/13/66   30/01/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-30 ta' Jannar 2013

Klassifikazzjoni internazzjonali ġdida tal-universitajiet imnedija f'Dublin

F'Dublin illum (it-30 ta' Jannar), taħt il-Presidenza Irlandiża tal-UE, qed tiġi mnedija pubblikament klassifikazzjoni internazzjonali ġdida tal-universitajiet, li hija ffinanzjata mill-Unjoni Ewropea. L-elenkar
"multidimensjonali" l-ġdid jikkaratterizza tluq mill-approċċi tradizzjonali li jintużaw għall-klassifikazzjoni tal-prestazzjoni tal-universitajiet, liema approċċi spiss jiffokaw b’mod sproporzjonat fuq l-eċċellenza fir-riċerka. Minflok, din se tikklassifika l-universitajiet skont firxa usa' ta' fatturi, f'ħames oqsma separati: ir-reputazzjoni tagħhom fejn tidħol ir-riċerka, il-kwalità tat-tagħlim, l-orjentazzjoni internazzjonali, is-suċċess fit-trasferiment tal-għarfien (eż. sħubiji ma’ intrapriżi u start-ups), u l-kontribut fl-impenn reġjonali. Madwar 500 università mill-Ewropa u minn madwar id-dinja huma mistennija li japplikaw biex jagħmlu parti mill-klassifika u l-ewwel riżultati ser jiġu ppubblikati fil-bidu tal-2014.

Fid-diskors tagħha ta' qabel it-tnedija, Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ qalet: L-universitajiet huma fost l-aktar invenzjonijiet li rnexxew fl-Ewropa, iżda ma nistgħux nikkuntentaw ruħna b'hekk biss. Għandna bżonn naħsbu u naġixxu b'mod aktar strateġiku sabiex inwettqu l-potenzjal sħiħ tal-universitajiet tagħna. Biex isir dan, għandna bżonn tagħrif aħjar dwar x'joffru kif ukoll dwar il-prestazzjoni tagħhom. Il-klassifikazzjonijiet attwali għandhom it-tendenza li jenfasizzaw il-kisbiet tar-riċerka iktar minn kollox, iżda l-U-Multirank se tagħti stampa ċara lill-istudenti u lill-istituzzjonijiet tal-prestazzjoni tagħhom fuq firxa ta’ oqsma importanti. Dan it-tagħrif se jgħin lill-istudenti fl-għażla tal-aħjar università jew kulleġġ għalihom. Se tikkontribwixxi wkoll fil-modernizzazzjoni u fil-kwalità tal-edukazzjoni għolja billi tippermetti lill-universitajiet jidentifikaw il-ħiliet u d-difetti tagħhom filwaqt li jitgħallmu mill-esperjenzi ta' xulxin; finalment, din il-klassifikazzjoni se tagħti stampa aktar kompleta tas-sistemi tal-edukazzjoni għolja lil dawk li jfasslu l-politika sabiex ikunu jistgħu jsaħħu l-prestazzjoni tal-pajjiż kollu tagħhom."

Il-konferenza li ser tniedi l-klassifikazzjoni se tinfetaħ mill-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Kompetenzi Irlandiż, Ruairi Quinn. Huwa qal: "Hekk kif l-edukazzjoni għolja qed issir dejjem iktar kruċjali għall-benessri soċjali, kulturali u ekonomiku tal-Ewropa, il-ħtieġa għall-kwalità u d-diversità fis-sistemi tal-edukazzjoni għolja tagħna qiegħda dejjem tikber. Il-Presidenza Irlandiża hija impenjata bis-sħiħ biex tgħin issostni l-introduzzjoni tal-fażi li jmiss tal-U-Multirank. Inħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja jaħtfu din l-opportunità biex jipparteċipaw fil-kostruzzjoni ta' sistema ta' klassifikazzjoni li se titfa' dawl fuq il-ħafna aspetti pożittivi tal-attività tal-edukazzjoni għolja fl-Ewropa għall-benefiċċju tal-istudenti, tal-mexxejja istituzzjonali, ta' dawk li jfasslu l-politika u tal-partijiet interessati l-oħra.”

Minbarra li se tippreżenta klassifika awtorevoli għat-tqabbil tal-istituzzjonijiet, l-U-Multirank se tikklassifika wkoll l-universitajiet f’erba’ oqsma speċifiċi: l-istudji dwar il-kummerċ, l-inġinerija mekkanika, l-inġinerija elettrika u l-fiżika. Il-lista tal-oqsma speċifiċi se tiġi estiża gradwalment fis-snin futuri.

L-Isfond

Konsorzju indipendenti se jiġbor il-klassifikazzjoni taħt it-tmexxija tas-Centre for Higher Education (CHE) fil-Ġermanja u tas-Center for Higher Education Policy Studies (CHEPS) fil-Pajjiżi l-Baxxi. L-imsieħba jinkludu ċ-Ċentru għall-Istudji tax-Xjenza u tat-Teknoloġija fl-Università ta' Leiden (CWTS), il-professjonisti fl-informazzjoni Elsevier, il-Fondazzjoni Bertelsmann u l-kumpanija tas-software Folge 3. Il-konsorzju se jaħdem ukoll mal-imsieħba nazzjonali tal-klassifikazzjoni u mal-organizzazzjonijiet tal-partijiet interessati li jirrappreżentaw studenti, universitajiet u negozji sabiex jiżguraw il-kompletezza u l-preċiżjoni.

Il-klassifikazzjoni l-ġdida se tkun imparzjali, u bbażata fuq kriterji u dejta miżurabbli. L-approċċ multidimensjonali tagħha se jagħmilha adattata għal kwalunkwe università jew kulleġġ li qed ifittxu reazzjoni fuq il-prestazzjoni tagħhom. Utenti individwali wkoll se jkunu jistgħu jiksbu klassifikazzjoni "personalizzata" li tirrifletti l-ħtiġijiet partikolari tagħhom; dan se jippermettilhom jiksbu informazzjoni dwar l-istituzzjonijiet jew id-dixxiplini li l-aktar jinteressawhom filwaqt li jiżnu l-kriterji skont il-preferenzi tagħhom stess.

L-U-Multirank hija l-frott aħħari ta’ inizjattiva li oriġinat f'konferenza organizzata taħt il-Presidenza Franċiża tal-Unjoni Ewropea fl-2008, li kienet appellat biex ikun hemm klassifikazzjoni tal-universitajiet ġdida bbażata fuq metodoloġija li tirrifletti varjetà ta' dimensjonijiet ta’ eċċellenza f'kuntest internazzjonali.

B'riżultat ta' dan, il-Kummissjoni Ewropea ikkummissjonat studju ta' fattibiltà li twettaq minn konsorzju tal-edukazzjoni għolja u minn organizzazzjonijiet tar-riċerka, magħruf bħala CHERPA u li kien ġie ffinalizzat fl-2011. L-istudju, ibbażat fuq xogħol ma’ 150 istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja mill-Ewropa u mid-dinja kollha, ikkonferma li kemm il-kunċett kif ukoll l-implimentazzjoni ta’ klassifikazzjoni multidimensjonali kienu realistiċi. Ġew żviluppati strumenti ta' stħarriġ onlajn biex jiġbru d-dejta meħtieġa. Il-konsorzju se jaħdem ukoll bi klassifikazzjonijiet nazzjonali eżistenti sabiex jevita li jistaqsi l-istess mistoqsijiet lill-universitajiet iktar minn darba.

L-inizjattiva U-Multirank se tirċievi EUR 2 miljuni f'finanzjament mill-UE mill-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja għall-2013-14, bil-possibbiltà ta’ sentejn oħra ta' finanzjament inizjali bejn l-2015 u l-2016. It-tir hu li minn hemm ’il quddiem il-ħidma fuq il-klassifikazzjoni tal-universitajiet tibda ssir minn organizzazzjoni indipendenti.

Għal aktar tagħrif

Il-Kummissjoni Ewropea: Education and training

Androulla Vassiliou's website

Segwi lil Androulla Vassiliou fuq Twitter @VassiliouEU

Kuntatti:

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58); Twitter: @DennisAbbott

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website