Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Autres langues disponibles: FR EN DE IT LT LV SK HR

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, l-10 ta' Lulju 2013

Il-Kummissjoni Ewropea tinvesti EUR600 miljun f'riċerka ġdida biex tiżblokka l-konġestjoni fl-ispazju tal-ajru Ewropew

- Mistoqsijiet Frekwenti

Il-Konġestjoni fl-ispazju tal-ajru Ewropew: L-isfidi

L-ajru u l-ajruporti Ewropej qegħdin f’riskju ta’ saturazzjoni. Kull sena, diġà jgħaddu madwar 800 miljun passiġġier mill-ajruporti Ewropej, li jammontaw għal aktar minn 440. Isiru aktar minn 27,000 titjira kkontrollata kuljum; dan ifisser li kull sena, 9 miljun ruħ jgħaddu mill-ispazju tal-ajru Ewropej. 80 % ta’ dawn it-titjiriet isiru fl-UE.

Is-Settur Ewropew tat-Trasport bl-Ajru qiegħed jamministra s-sitwazzjoni attwali b'kompetenza, iżda, b'kundizzjonijiet ekonomiċi normali, it-traffiku bl-ajru huwa mistenni li jiżdied b’sa 3% kull sena. L-għadd ta' titjiriet huwa mistenni li jiżdied b'50% tul l-10-20 sena li ġejjin.

Jekk ma nagħmlu xejn, tinqala' konfużjoni sħiħa. L-Ewropa, mhux talli jkollha tirrifjuta parti kbira mid-domanda potenzjali, iżda ssir ukoll vulnerabbli għal ammont ta’ dewmien u tħassir ta’ titjiriet bħal qatt qabel. Jekk nibqgħu għaddejjin bl-istess mod, sal-2050 il-kostijiet tal-konġestjoni jiżdiedu b’madwar 50%.

Il-problema ewlenija hija li s-sistemi ta’ ġestjoni tat-traffiku bl-ajru fl-Ewropa huma frammentati u ineffiċjenti.

L-ispazju tal-ajru tal-UE għadu frammentat f’27 sistema ta’ ġestjoni tat-traffiku bl-ajru, li jipprovdu servizzi minn madwar 60 ċentru tat-traffiku bl-ajru, filwaqt li l-ispazju tal-ajru huwa maqsum f’aktar minn 650 settur. Dan ifisser li, attwalment, l-istruttura tal-ispazju tal-ajru hija bbażata fuq il-fruntieri nazzjonali u għalhekk ta' spiss it-titjiriet ma jkunux jistgħu jużaw rotot diretti. Bħala medja, fl-Ewropa, l-inġenji tal-ajru jittajru 42 km aktar milli huwa strettament meħtieġ; dan minħabba l-frammentazzjoni, li tikkawża ħinijiet itwal ta' titjir u aktar dewmien, konsum żejjed ta’ fjuwil u aktar emissjonijiet ta’ CO2.

Barra minn hekk, il-ġestjoni kurrenti tat-traffiku tal-ajru hija fil-biċċa l-kbira bbażata fuq teknoloġiji li tfasslu fil-ħamsinijiet tas-seklu li għadda. Dawn issa saru antikwati.

Il-frammentazzjoni tal-ispazju tal-ajru Ewropew toħloq ineffiċjenzi li jikkawżaw kostijiet żejda li jammontaw għal madwar EUR5 biljun fis-sena. Dawn il-kostijiet jgħaddu fuq il-kummerċ u fuq il-passiġġieri. Attwalment, bejn 6 u 12% tal-kost ta’ biljett huma dovuti għall-kontroll tat-traffiku bl-ajru.

Is-sistema ta’ ġestjoni tat-traffiku tal-ajru tal-Istati Uniti hija effiċjenti d-doppju ta’ dik tal-UE; din is-sistema tieħu ħsieb il-ġestjoni ta’ għadd doppju ta’ titjiriet, bl-istess kost, u tagħmel dan minn terz tat-total ta’ ċentri ta’ kontroll li hemm fl-UE.

B'dawn l-isfidi quddiemha, fl-2004 l-UE nediet l-inizjattiva Ajru Uniku Ewropew (SES) li l-għan tagħha huwa li jitneħħew il-konfini nazzjonali tal-ajru biex jinħalaq spazju tal-ajru uniku:

a) fejn is-sikurezza tiżdied b’għaxar darbiet,

b) il-kapaċità tal-ispazju tal-ajru ssir tliet darbiet ikbar,

c) jitnaqqsu l-kostijiet tal-ġestjoni tat-traffiku bl-ajru b’50%,

d) jitnaqqas l-impatt ambjentali b’10%.

Kif nistgħu niżviluppaw it-teknoloġija l-ġdida biex inżidu l-kapaċità u nnaqqsu l-kosti fl-ispazju tal-ajru Ewropew?

Ir-Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew (SESAR) hija l-fergħa teknoloġika tal-SES. L-SES jipprovdi qafas leġiżlattiv biex jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-ġejjieni ta' kapaċità u effiċjenza f'livell Ewropew minflok fuq livell nazzjonali. L-għan tas-SESAR huwa li tipprovdi s-soluzzjonijiet tekniċi u operazzjonali biex ikunu jistgħu jinkisbu l-miri tal-SES.

Kif taħdem is-SESAR?

Il-proġett SESAR (Ir-Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew) huwa l-pilastru teknoloġiku tal-SES. Huwa jimmira li jimmodernizza l-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM) fl-Ewropa billi jimplimenta kunċett ġdid ta' ħidmiet u sistemi tal-ATM, li huwa meħtieġ biex jinkisbu l-miri ta' prestazzjoni tal-SES. Il-kunċett tas-SESAR huwa bbażat fuq il-prinċipju li l-utenti tal-ispazju tal-ajru u l-kontrolluri jiddefinixxu flimkien, permezz ta' proċessi kollaborattivi u skambju ta' informazzjoni, l-aħjar mogħdijiet bl-ajru għall-inġenji tal-ajru, u dawk l-aktar prevedibbli u f'waqthom. Wara dan il-kunċett hemm teknoloġiji innovattivi u proċeduri ta' ħidma ġodda li ħarġu minn ċiklu ta' tliet proċessi relatati flimkien, kontinwi u li għadhom qegħdin jiżvolġu ruħhom: Id-definizzjoni tal-kontenut u l-prijoritajiet permezz ta' pjan direzzjonali miftiehem b'mod komuni, il-Pjan Regolatorju tal-ATM Ewropew (ATM Master Plan)1; iIr-riċerka, l-iżvilupp u l-validazzjoni tas-sistemi, il-komponenti u l-proċeduri ta' ħidmiet teknoloġiċi meħtieġa; u fl-aħħar nett l-użu tas-sistemi u l-proċeduri ta' ħidma l-ġodda.

L-Impriża Konġunta ta' Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew (is-SESAR JU) hija sħubija pubblika u privata stabbilita fl-2007. Din qed tieħu ħsieb il-proċessi ta' riċerka, żvilupp u validazzjoni tal-proġett SESAR skont il-Pjan Regolatorju tal-ATM, li s-SESAR JU hija wkoll "il-gwardjan" u l-eżekutur tiegħu.

Il-politika tal-SES tindirizza kwistjonijiet li huma lil hinn mill-interessi nazzjonali u settorjali tal-industrija. Il-mira ġenerali hija li jiġu eliminati l-ostakoli għas-suq intern fl-ajru. Il-politika tal-SES hija mmirata biex tħaffef il-progress lejn l-effiċjenza, lejn il-kost-effettività, lejn impatt ambjentali pożittiv, eċċ. Is-sħubija eżistenti fost il-partijiet interessati li taqsam ir-riżorsi fost l-isħab kemm privati kif ukoll pubbliċi madwar l-Ewropa ħadmet b'mod kollaborattiv u effiċjenti, u l-appoġġ tagħha huwa essenzjali llum il-ġurnata daqs kemm kien meta ġiet stabbilita għall-ewwel darba s-SESAR JU. Jeħtieġ li r-riċerka tal-ATM fl-Ewropa tkun stabbli u fuq terminu twil biex tappoġġja ċ-ċikli twal tal-innovazzjoni.

Il-miri tas-SESAR JU huma

  • Li tiżgura l-konċentrazzjoni u l-koordinazzjoni tal-attivitajiet kollha ta' riċerka rilevanti għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru fl-UE biex jiġi implimentat il-Pjan Regolatorju tal-ATM;

  • Li tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-miri ta' prestazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew (SES) (ara Memo 13/525);

  • Li tipprovdi strument ta' implimentazzjoni effiċjenti għal:

  1. L-iskambju u l-koordinazzjoni ta' investimenti pubbliċi u privati fir-riċerka fi spirtu ta' kooperazzjoni, u biex tlaqqa' flimkien l-atturi ewlenin mis-settur tal-ATM minn madwar l-Ewropa biex jiġi implimentat il-Pjan Regolatorju tal-ATM;

  2. Iż-żieda fl-għarfien u l-iskambju tiegħu fost l-atturi u d-dixxiplini; kif ukoll

  3. Il-ġbir tar-riżorsi kollha meħtieġa biex jivvalidaw ir-riżultati tat-tħaddim tar-riċerka.

Min qed jieħu sehem fl-Impriża Konġunta tas-SESAR?

L-Impriża Konġunta tas-SESAR hija magħmula minn żewġ Membri fundaturi (l-UE u l-Eurocontrol) u 15-il Membru li jirrappreżentaw il-partijiet interessati kollha tal-ATM: il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru taċ-ċivil u tal-militar, il-manifattur tal-inġenji tal-ajru, Airbus, il-manifatturi tat-tagħmir bħalma huma Thales, Indra, Alenia Aermacchi, Frequentis, Selex SI u Honeywell, u l-ajruporti. Barra minn hekk, l-Impriża Konġunta tinvolvi l-utenti tal-ispazju tal-ajru, assoċjazzjonijiet tal-persunal, istituzzjonijiet xjentifiċi u għadd ta' Msieħba Assoċjati, li jwettqu attivitajiet li jissupplimentaw il-Programm.

X'inhuma l-kisbiet ewlenin tas-SESAR JU s'issa?

  1. Il-ġestjoni trajettorja 4D hija l-qofol tal-kunċett tas-SESAR. Bażikament, hija tintroduċi l-ħin, ir-raba' dimensjoni fil-ġestjoni tat-trajettorji tat-titjiriet. Ir-riżultat ta' dan huwa trajettorja preċiża ħafna u prevedibbli tal-inġenji tal-ajru mqabbla mas-sistemi kurrenti, li tista' tiġi kondiviża maċ-ċentri tal-kontroll biex tiżgura l-aħjar operazzjonijiet ta' titjir li jkunu aktar siguri.

  2. Is-SESAR JU wettqet b'suċċess titjiriet trajettorji 4D f'ambjent operazzjonali appoġġjati minn teknoloġija bbażata fuq is-satelliti.

  3. Is-SWIM (System-Wide Information Management infrastructure - l-Infrastruttura għall-Ġestjoni tal-Informazzjoni Mifruxa Madwar is-Sistema) tintroduċi bidla sħiħa fil-mod li bih tiġi ġestita l-informazzjoni madwar is-sistema kollha tal-ATM Ewropea. Hija maħsuba li se ssir l-intranet tas-sistema ATM tal-ġejjieni, u prototip diġà wera li l-ajruporti, il-fornituri tal-informazzjoni tat-temp, il-kumpaniji tal-ajru u ċ-ċentri tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru se jkunu jistgħu jpartu l-informazzjoni b'mod istantanju.

  4. L-ewwel torri tal-kontroll mill-bogħod huwa lest biex jibda jaħdem. Dan huwa kunċett ġdid, fejn is-servizz tat-traffiku tal-ajru f'ajruport isir post ieħor u mhux fit-torri tal-kontroll lokali. Dan il-kunċett għandu jiġġenera iffrankar fil-kosti minħabba l-użu aktar effiċjenti tar-riżorsi umani u billi jevita l-bini u l-manutenzjoni tat-torrijiet tal-kontroll u tal-faċilitajiet f'ċerti ajruporti lokali.

  5. Diġà saru 10,000 titjira, 500 minnhom militari, ibbażati fuq is-soluzzjonijiet innovattivi tas-SESAR.

  6. 80% tal-proġetti tas-SESAR ittestjaw il-prodott tagħhom f'kuntest reali.

Għaliex jeħtieġ li nestendu l-finanzjament u l-mandat tas-SESAR JU?

Ir-Regolament (KE) 219/2007 (ir-Regolament dwar is-SESAR JU) jistabbilixxi li s-SESAR JU se tiżżarma fil-31 ta' Diċembru 2016, minħabba li l-finanzjament tal-Unjoni għall-Impriża Konġunta kellu jkun limitat għall-perjodu stipulat mill-qafas finanzjarju tal-Unjoni għas-snin 2007-2013.

Il-proposta tal-lum għandha l-mira li testendi l-istruttura eżistenti sa tmiem il-qafas finanzjarju li jmiss, u, biex inkunu aktar speċifiċi, fi ħdan l-Orizzont 2020, biex jitkomplew l-attivitajiet ta' riċerka, żvilupp u validazzjoni marbutin mal-ATM. L-għan tas-SESAR JU huwa, fil-fatt, li tikkoordina l-isforzi kollha ta' riċerka fl-Unjoni, marbutin mal-ATM. Il-kontinwità fil-koordinazzjoni ta' dawn l-isforzi ta' riċerka hija meħtieġa biex jinkisbu l-miri ta' prestazzjoni tal-SES.

Il-Pjan Regolatorju tal-ATM huwa l-bażi tal-programm ta' ħidma tas-SESAR JU. Huwa jorganizza t-tħaddim tal-kunċett tas-SESAR fi tliet passi suċċessivi: L-ewwel pass - li jimmira li jipprovdi t-teknoloġiji meħtieġa biex is-sistema Ewropea tal-ATM tiġi sinkronizzata permezz ta' skambju ta' informazzjoni effiċjenti fost l-atturi kollha; It-tieni pass - se jikseb ippjanar aktar effiċjenti tat-trajettorji tat-titjiriet; u t-tielet pass - għandu l-mira li jikseb l-ogħla livell ta' prestazzjoni permezz ta' sistema integrata u mexxejja ta' bejn l-ajru u l-art. Il-programm ta' ħidma kurrenti tas-SESAR JU huwa ffokat li jipprovdi biss l-ewwel pass u l-biċċa l-kbira tat-tieni pass. L-attivitajiet li se jitwettqu fi ħdan il-Qafas Finanzjarju Pluriennali tas-snin 2014 sa 2020 ikopru l-livell l-aktar matur tat-tieni pass, li għalieh, it-teknoloġija u l-operazzjonijiet huma mistennija li jkunu disponibbli sal-2016, u l-ambitu kollu tat-tielet pass.

X'se jipprovdi l-finanzjament il-ġdid?

Il-finanzjament il-ġdid se jiffoka fuq

  1. l-iżvilupp ta' mezzi li jippermettu lill-kumpaniji tal-ajru jużaw ir-rotot preferiti (u aktar diretti) tagħhom bl-użu ta' teknoloġiji ġodda għall-iskambju tad-dejta bejn l-arja u l-art;

  2. l-integrazzjoni ta' tipi ġodda ta' inġenji tal-ajru, bħal vetturi tal-ajru mingħajr ekwipaġġ, fis-sistema ta' ġestjoni tat-traffiku tal-ajru;

  3. it-titjib tal-ġestjoni tat-traffiku, b'mod partikolari fuq l-art; pereżempju biex jagħmel aktar effiċjenti u sigur id-dħul u l-ħruġ mir-runways f'kull kundizzjoni ta' temp.

B'mod indikattiv, il-baġit il-ġdid se jsostni r-riċerka esploratorja tal-ATM (6%); ir-riċerka applikata (47%), żviluppi preindustrijali (28%) u proġetti kbar ta' dimostrazzjoni (9%).

X'inhuma l-vantaġġi ta' kif taħdem is-SESAR JU?

  • Fis-SESAR JU, il-partijiet interessati rilevanti kollha huma involuti fil-proċessi biex jittieħdu d-deċiżjonijiet u jaqsmu r-responsabbiltajiet. L-estensjoni tal-mandat tas-SESAR JU se tippermetti lill-partijiet interessati biex isaħħu r-relazzjonijiet maċ-ċentri tal-eċċellenza u jqawwu s-sħubiji strateġiċi. Is-SESAR JU tkun tista' wkoll issaħħaħ ir-rabta mas-suq, billi l-fornituri huma involuti wkoll fl-Impriża Konġunta; fil-kuntest tat-tħaddim f'waqtu tas-SESAR, dan se jġib vantaġġ ċar fit-twaqqif tal-attivitajiet ta' dimostrazzjoni meħtieġa.

  • Il-koordinazzjoni, il-programmazzjoni u l-eżekuzzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni marbutin mas-SESAR, kif ukoll l-attivitajiet ta' validazzjoni, huma r-responsabbiltà tal-JU. Dan jiżgura l-kontinwità u jevita l-frammentazzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni. L-interdipendenzi reċiproki u l-mekkaniżmi ta' koordinazzjoni bejn il-parteċipanti u l-proġetti huma integrati f'kunċett ġenerali Ewropew u l-arkitettura tas-sistema hija żgurata minn ftehimiet kuntrattwali multilaterali.

  • Permezz tal-għażla ta' approċċ ta' sħubija pubblika/privata fil-livell tal-UE, jista' jkun żgurat li l-miri tal-SES ta' relevanza soċjali ta' prijorità għolja, bħalma huma s-sikurezza u d-dekarbonizzazzjoni, jkunu integrati fil-Programm. Dan l-approċċ ippermetta l-qsim tal-finanzjament u tal-għarfien, filwaqt li naqqas il-frammentazzjoni maħluqa minn proġetti nazzjonali u reġjonali simili, permezz tal-użu tal-ħiliet u l-kapaċità ta' innovazzjoni tas-settur privat f'arranġamenti xierqa ta' qsim tar-riskji.

  • It-tħaddim tas-SESAR jista jġib miegħu benefiċċji ekonomiċi, soċjali u ambjentali sostanzjali, b'impatt stmat għal EUR428 biljun2. Bil-qsim tar-riżorsi, bl-involviment tal-partijiet interessati kollha tal-ATM, bil-ġestjoni tajba tal-kunflitti ta' interess, is-SESAR JU tiżgura t-twettiq tal-Programm SESAR, li huwa essenzjali għall-kisba tal-għanijiet tal-SES.

  • Is-SESAR JU, li llum hija punt ta' referenza rikonoxxuta fil-qasam tal-modernizzazzjoni tas-sistemi tal-ATM, se tkompli tippermetti lill-UE żżomm pożizzjoni ewlenija fix-xena ġenerali internazzjonali u b'mod aktar speċifiku fost il-korpi ta' standardizzazzjoni.

X'inhuma l-kosti?

Bħalissa, is-SESAR JU tiġġestixxi investiment ta' EUR2.1 biljun matul il-perjodu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali kurrenti (2007-2013). Kull Membru fundatur (l-Unjoni u l-Eurocontrol) qed jipprovdi EUR700 miljun, filwaqt li EUR700 miljun oħra huma pprovduti mill-industrija. Il-Kummissjoni qed tipproponi li jiġi allokat ammont sa EUR600 miljun3 fi ħdan il-programm Orizzont 2020.

Aktar informazzjoni

http://www.sesarju.eu/

http://ec.europa.eu/transport/modes/air/sesar/

1 :

Is-SESAR, il-Pjan Direzzjonali għall-Ġestjoni Sostenibbli tat-Traffiku tal-Ajru - il-Pjan Regolatorju tal-ATM Ewropew (it-tieni edizzjoni), Ottubru 2012.

2 :

Il-valutazzjoni tal-impatt makroekonomiku tas-SESAR u tal-Impriża Konġunta tas-SESAR (2011).

3 :

Ammont indikattiv bi prezzijiet kurrenti. L-ammont se jkun jiddependi fuq l-ammont finali miftiehem għad-Direttorat Ġenerali għall-Mobbiltà u t-Trasport għat-tema "Trasport intelliġenti, ekoloġiku u integrat" li għandha tiġi approvata mill-Awtorità Baġitarja fil-verżjoni finali tar-rapport leġiżlattiv u finanzjarju.


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site