Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea tinvesti EUR 600 miljun f’riċerka ġdida biex tħaffef il-konġestjoni fl-ispazju tal-ajru tal-Ewropa

Commission Européenne - IP/13/664   10/07/2013

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-10 ta' Lulju 2013

Il-Kummissjoni Ewropea tinvesti EUR 600 miljun f’riċerka ġdida biex tħaffef il-konġestjoni fl-ispazju tal-ajru tal-Ewropa

Il-Kummissjoni Ewropea llum ħabbret li se tinvesti EUR 600 miljun ta' fondi ġodda biex tħaffef il-konġestjoni fl-ispazju tal-ajru tal-Ewropa. Il-Kummissjoni qed tfittex li tevita tnaqqis fil-kapaċità hekk kif in-numru ta’ titjiriet huwa mbassar li jiżdied b’50 % fil-perjodu ta' bejn għaxra u 20 sena li jmiss. L-għan huwa li tiġi żviluppata t-teknoloġija l-ġdida meħtieġa biex twassal għall-Ajru Uniku tal-Ewropa — il-proġett ambizzjuż għar-riforma tal-ajru tal-Ewropa, l-irduppjar tal-kapaċità u t-tnaqqis bin-nofs tal-kostijiet tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru.

Il-Kummissarju tal-UE għat-trasport, Siim Kallas, qal, "L-ajru u l-ajruporti Ewropej qegħdin f’riskju ta’ saturazzjoni. Jekk inħallu l-affarijiet kif inhuma, se niġu kkonfrontati b’konġestjoni qawwija u bil-kaos fl-ispazju tal-ajru tagħna. Fl-art, l-ajruporti se jkunu tant miżgħuda li se jkun hemm żewġ miljun titjira li mhux se jkunu jistgħu jagħmlu tlugħ jew inżul. Iż-żieda fil-konġestjoni ġġib magħha riskju ikbar għas-sikurezza - kif ukoll dewmien u spejjeż ekonomiċi reali. Dawn il-fondi vitali għar-riċerka huma s-soluzzjoni biex tinstab it-teknoloġija meħtieġa li se twassal għal spazju tal-ajru Ewropew iktar nadif u effiċjenti u xieraq għas-seklu 21.

L-ineffiċjenzi fil-frammentazzjoni tal-ispazju tal-ajru Ewropew joħolqu spejjeż żejda għal-linji tal-ajru u għall-klijenti tagħhom li jammontaw għal madwar EUR 5 biljun fis-sena. Dawn il-problemi jtawlu d-distanza ta’ titjira b’medja ta’ 42 kilometru u b'hekk jiġi kkonsmat aktar fjuwil, jiġu ġġenerati aktar emissjonijiet, jitħallsu aktar tariffi għall-utenti u jinħoloq aktar dewmien. L-Istati Uniti tikkontrolla l-istess ammont ta' spazju tal-ajru, b’aktar traffiku, iżda bi kważi nofs l-ispejjeż.

Din ir-riċerka hija kritika għat-twettiq tal-Ajru Uniku Ewropew, il-proġett emblematiku għall-ħolqien ta’ spazju tal-ajru uniku Ewropew — li għandu jitripplika l-kapaċità u jnaqqas il-kostijiet tat-traffiku bl-ajru bin-nofs. Ir-riċerka se tkompli tiġi ġestita mill-impriża konġunta SESAR JU (impriża Konġunta għar-Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew) — li l-mandat tagħha għandu jiġi estiż għal perjodu ieħor ta’ tmien snin, sal-2024.

Ir-riċerka qed tfittex li tagħmel it-titjir mezz aktar nadif, orħos u aktar sikur. Il-finanzjament il-ġdid se jiffoka fuq:

  1. l-iżvilupp ta’ mezzi biex il-linji tal-ajru jkunu jistgħu jtiru mir-rotot preferuti (u aktar diretti) tagħhom, bl-użu ta' teknoloġiji ġodda għall-iskambju tad-dejta bejn l-ajru u l-art;

  2. l-integrazzjoni ta' tipi ġodda ta’ inġenji tal-ajru, bħal vetturi tal-ajru mingħajr ekwipaġġ, fis-sistema tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru;

  3. l-ottimizzazzjoni tal-immaniġġjar tat-traffiku, partikolarment fl-art; pereżempju biex l-aċċess u l-ħruġ mir-runways ikunu aktar effiċjenti u sikuri fil-kundizzjonijiet kollha tat-temp.

Il-proġett jinvolvi aktar minn 2500 espert li jkopru l-firxa sħiħa ta' għarfien espert dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM). Ħidmithom fir-riċerka kkoordinata marbuta mal-ATM ser tissokta, kif ukoll l-attivitajiet ta’ żvilupp u validazzjoni, inkluż dimostrazzjonijiet fuq skala kbira.

L-estensjoni ta' SESAR JU turi l-impenn sod tal-Kummissjoni favur il-proġett tal-Ajru Uniku Ewropew (ara IP 13/523) u tirrikonoxxi l-importanza tar-riżultati li SESAR diġà kisbet sal-lum.

SESAR JU se tkompli tiġi kofinanzjata mill-Eurocontrol u l-industrija tal-avjazzjoni. Is-sehem tal-UE mill-finanzjament għall-estensjoni, li jammonta għal massimu ta’ EUR 600 miljun, se jiġi mill-programm Orizzont 2020, bħala parti mill-Qafas Finanzjarju Pluriennali l-ġdid tal-UE. Dan huwa parti minn baġit totali smat ta’ EUR 1.6 biljun li jkopri l-programm ta’ ħidma l-ġdid tal-impriża konġunta estiża SESAR JU. B’mod indikattiv, dan il-baġit se jappoġġa riċerka esploratorja fl-ATM (6 %), riċerka applikata (47 %), żvilupp preindustrijali (28 %) u proġetti ta’ dimostrazzjoni fuq skala kbira (9 %).

Sfond

SESAR JU hija sħubija pubblika-privata unika li għandha l-għan li tiżviluppa ġenerazzjoni ġdida tas-sistema tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM) li kapaċi tlaħħaq mal-ammont dejjem ikbar tat-traffiku tal-ajru, fl-iktar kundizzjonijiet sikuri, ekonomikament effiċjenti u favorevoli għall-ambjent. Hija wkoll “il-gwardjan” tal-Pjan Regolatorju Ewropew għall-ATM, il-pjan direzzjonali għall-attivitajiet ta' SESAR JU u l-implimentazzjoni tagħhom fil-futur.

SESAR JU ġiet stabbilita fl-2007 biex tikkoordina l-attivitajiet kollha tar-riċerka u l-iżvilupp fl-UE relatati mal-ATM, skont il-perspettivi finanzjarji 2007-2013, li llimitaw l-Impriża Konġunta sal-31 ta’ Diċembru 2016.

Iż-żewġ membri fundaturi ta' SESAR JU, (l-UE u l-Eurocontrol) u l-15-il membru l-ieħor tagħha, li jinkludu entitajiet pubbliċi u privati bħall-manifattur tal-inġenji tal-ajru Airbus, fornituri ewlenija nazzjonali tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru u ajruporti u manifutturi tat-tagħmir bħal Thales, Indra, Alenia Aermacchi, Frequentis, SELEX SI u Honeywell, diġà kkonfermaw l-impenn tagħhom biex ikomplu l-ħidma tagħhom f’SESAR.

SESAR JU għandha rwol kritiku x'taqdi fl-iżvilupp tat-teknoloġija għat-twettiq tal-Ajru Uniku tal-Ewropa, il-proġett emblematiku għall-ħolqien ta’ spazju tal-ajru uniku Ewropew:

  1. Il-qtugħ bin-nofs tal-ispejjeż marbuta mal-ATM għall-utenti tal-ispazju tal-ajru

  2. It-tnaqqis b’10 % tal-impatt tat-titjiriet fuq l-ambjent

  3. Żieda bi tliet darbiet fil-kapaċità, li għandha tnaqqas ukoll id-dewmien, kemm fl-art kif ukoll fl-ajru

  4. It-titjib tas-sikurezza b’fattur ta’ 10.

Għal aktar tagħrif:

IP/13/523

http://www.sesarju.eu/

http://ec.europa.eu/transport/modes/air/sesar/

Segwi lill-Viċi President fuq Twitter

MEMO/13/666

Kuntatti:

Helen Kearns (+32 2 298 76 38)

Dale Kidd (+32 2 295 74 61)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site