Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-Istampa

Brussell, id-9 ta' Lulju 2013

Il-Kummissjoni taġixxi biex ittejjeb id-drittijiet tal-konsumaturi għal 120 miljun turist

Hekk kif beda l-istaġun tas-sajf, il-Kummissjoni Ewropea qed tieħu azzjoni biex ittejjeb il-protezzjoni tat-turisti billi mmodernizzat ir-regoli tal-UE dwar il-vaganzi kollox inkluż.

Id-Id-Direttiva tal-UE tal-1990 dwar il-vjaġġi kollox inkluż serviet bħala pedament għall-protezzjoni offruta lit-turisti tal-UE. Hija tiggarantixxi protezzjoni komprensiva għal dawk il-konsumaturi li jirriżervaw vaganzi kollox inkluż irranġati minn qabel li jinvolvu kombinazzjonijiet ta’, pereżempju, titjiriet, lukandi, jew kiri tal-karozzi. Il-protezzjoni tinkludi d-dritt li jirċievu l-informazzjoni kollha meħtieġa qabel ma jiġi ffirmat il-kuntratt, filwaqt li jkun żgurat li parti tkun responsabbli għat-twettiq tas-servizzi kollha fil-pakkett u li jingħatalhom is-serħan il-moħħ ta’ ripatrijazzjoni fil-każ li operatur turistiku jfalli (ara l-Kaxxa 1 fl-Anness).

Ir-riforma twieġeb għal trasformazzjoni fundamentali tas-suq tal-ivvjaġġar: Iċ-ċittadini qegħdin dejjem jieħdu rwol aktar attiv billi jfasslu vaganzi għall-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, l-aktar bl-użu tal-internet biex jikkombinaw arranġamenti tal-ivvjaġġar minflok jagħżlu pakketti lesti minn fuljett (ara Grafika 1 fl-Anness).

Huwa diffiċli li r-regoli tal-lum jiġu applikati fl-era tal-Internet fejn il-konsumaturi qegħdin dejjem aktar jirriżervaw pakketti personalizzati onlajn (jew mingħand negozjant wieħed jew diversi negozjanti kummerċjalment relatati) — li jħalli lix-xerrejja inċerti jekk dawn ikunux jistgħu jibbażaw fuq protezzjoni u kummerċjanti mhux ċari mill-obbligi tagħhom. Għalhekk, l-aġġornament tal-lum tar-regoli tal-1990 essenzjalment jirrigwarda d-dħul tad-Direttiva dwar il-Vjaġġi Kollox Inkluż fl-era diġitali. Dan jimplika 120 miljun konsumatur ieħor li jixtru dawn l-arranġamenti personalizzati tal-ivvjaġġar se jkunu wkoll imħarsa mid-Direttiva.

Ir-riforma tkompli ssaħħaħ il-protezzjoni għall-konsumaturi billi żżid it-trasparenza u ssaħħaħ il-protezzjoni f’każ li xi ħaġa tmur ħażin. In-negozji se jibbenefikaw ukoll minħabba li l-Kummissjoni qed tneħħi rekwiżiti skaduti ta' informazzjoni bħalma huma l-ħtieġa ta' stampar mill-ġdid tal-fuljetti u qed tiżgura li l-iskemi ta' protezzjoni nazzjonali tal-insolvenza jkunu rikonoxxuti bejn il-fruntieri.

Fis-snin 90, il-biċċa l-kbira tal-Ewropej kienu jagħżlu pakkett irranġat minn qabel minn fuljett u kienu jirriżervawh għand aġent tal-ivvjaġġar lokali tagħhom,” qalet il-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja. "Minn dak iż-żmien, il-leġiżlazzjoni Ewropea għenet miljuni ta' persuni biex igawdu vaganzi ħielsa mit-tensjoni. Iżda ż-żminijiet inbidlu u jeħtieġ li naġġornaw ir-regoli biex inżommu l-pass ma' suq li qed jinbidel. Ir-regoli tal-UE dwar l-ivvjaġġar kollox inkluż iridu jkunu siewja għall-era diġitali u jissodisfaw l-aspettattivi tal-konsumaturi. Illum qed insaħħu l-protezzjoni għal miljuni ta' konsumaturi li jirriżervaw arranġamenti personalizzati tal-ivvjaġġar. L-UE qed taġixxi biex tipprovdi xibka tas-sigurtà u serħan il-moħħ għat-turisti jekk xi ħaġa tmur ħażin.

"It-turiżmu huwa sors importanti ta' tkabbir għall-ekonomija tagħna llum, billi jirrappreżenta 1.8 miljun negozju u madwar 9.7 miljun impjieg, filwaqt li jħadden proporzjon sinifikanti miż-żgħażagħ tagħna," qal il-Viċi President Antonio Tajani, il-Kummissarju responsabbli għall-Industrija u l-Intrapriżi. "Jekk it-turisti jħossuhom fis-sigur meta jixtru u jużaw is-servizzi tal-ivvjaġġar fil-format ta' pakkett - pereżempju meta jixtru titjira u jirranġaw għall-kiri ta' karozza jew l-akkomodazzjoni, kollha permezz tal-istess fornitur - l-industrija tkompli tikber u b'mod rapidu. Dan huwa l-għan ewlieni tal-proposta tal-lum: biex tappoġġa l-vjaġġi kollox inkluż kemm onlajn kif ukoll mhux filwaqt li tiżgura sett bilanċjat ta' drittijiet għall-vjaġġaturi."

Barra mill-estensjoni tal-protezzjoni li hemm bħalissa għall-pakketti personalizzati, ir-riforma qed twassal benefiċċji ġodda għall-konsumaturi u n-negozji.

Għax-xerrejja ta’ pakketti tradizzjonali u personalizzati, il-proposta tal-lum se twawssal:

  1. kontrolli aktar stretti fuq il-prezzijiet tas-soprataxxa (b’limitu ta’ 10 % fuq iż-żidiet fil-prezzijiet) u rekwiżit li t-tnaqqis fil-prezz jingħadda lill-konsumatur f’ċirkostanzi ekwivalenti

  2. drittijiet imtejba ta' kanċellazzjoni: Il-konsumaturi se jgawdu minn aktar flessibilità billi jkunu jistgħu jitterminaw il-kuntratt qabel ma jitilqu minn pajjiżhom u jħallsu lill-organizzatur kumpens raġonevoli. Il-konsumaturi se jkunu jistgħu wkoll jikkanċellaw il-kuntratt, mingħajr ħlas, qabel it-tluq fil-każ ta’ diżastri naturali, inkwiet ċivili, jew sitwazzjonijiet serji simili fid-destinazzjoni lil jkollhom effett fuq il-btala, meta pereżempju l-ambaxxati jagħtu pariri negattivi dwar l-ivvjaġġar.

  3. informazzjoni aħjar dwar ir-responsabbiltà: Se jkun meħtieġ li l-konsumaturi jiġu infurmati f’lingwaġġ sempliċi u li jiftiehem li l-organizzatur huwa responsabbli għall-eżekuzzjoni xierqa tas-servizzi kollha inklużi — filwaqt li llum regoli nazzjonali diverġenti dwar il-parti responsabbli (l-organizzatur, il-bejjiegħ bl-imnut jew it-tnejn) twassal għal sitwazzjoni fejn l-organizzaturi u l-bejjiegħa bl-imnut jirreferu lill-konsumatur lill-parti l-oħra, bl-ebda wieħed minnhom ma jieħu responsabbiltà.

  4. rimedju aħjar: minbarra t-tnaqqis fil-prezzijiet f’każ li servizz tal-ivvjaġġar ma jitwettaqx kif suppost, il-konsumaturi jistgħu wkoll jitolbu kumpens għal kwalunkwe "dannu immaterjali" mġarrab, b’mod partikolari f’każ ta’ vaganza rvinata.

  5. punt ta’ kuntatt uniku jekk xi ħaġa tmur ħażin: Il-konsumaturi se jkunu jistgħu jindirizzaw ilmenti jew pretensjonijiet direttament lill-bejjiegħ bl-imnut (l-aġent tal-ivvjaġġar) li mingħandu jkunu xtraw il-btala tagħhom.

Għax-xerrejja ta’ arranġamenti personalizzati oħra tal-ivvjaġġar, il-proposta tal-lum tinvolvi:

  1. id-dritt li jieħdu flushom lura u jiġu rimpatrijati, jekk meħtieġ, f’każ li l-bejjiegħ, it-trasportatur jew kwalunkwe fornitur ta' servizz rilevanti ieħor ifalli waqt li jkunu qegħdin fuq btala,

  2. informazzjoni aħjar dwar min huwa responsabbli għat-twettiq ta’ kull servizz.

Għan-negozji l-proposta tal-lum se tnaqqas il-burokrazija u l-ispejjeż tal-konformità billi:

  1. toħloq ambjent ekwu bejn operaturi differenti,

  2. tneħħi rekwiżiti skaduti għall-istampar mill-ġdid ta' fuljetti, u b’hekk qed tiffranka lill-operaturi tal-ġiti u l-aġenti tal-ivvjaġġar madwar EUR 390 miljun fis-sena,

  3. teskludi l-ivvjaġġar immaniġġat għan-negozju mid-Direttiva, li huwa mistenni li jwassal għal iffrankar sa EUR 76 miljun fis-sena,

  4. tipprovdi regoli madwar l-UE dwar informazzjoni, responsabbiltà u rikonoxximent reċiproku ta’ skemi ta’ protezzjoni nazzjonali tal-insolvenza, u b’hekk jiġi ffaċilitat il-kummerċ transfruntiera.

Sfond

Id-Direttiva tal-1990 dwar il-Vjaġġi Kollox inkluż (90/314/EEC) irnexxielha tipproteġi lill-konsumaturi li jirriżervaw vaganzi kollox inkluż irranġati minn qabel għal aktar minn 20 sena. Hija tipproteġi l-konsumaturi Ewropej li jmorru għal btala u tkopri vaganzi kollox inkluż irranġati minn qabel li jikkombinaw tal-inqas tnejn minn dawn is-servizzi: (1) it-trasport, (2) l-akkomodazzjoni (3) servizzi turistiċi oħra, bħalma huma ż-żjajjar turistiċi, meta s-servizzi jkopru aktar minn 24 siegħa jew jinkludi waqfa tul il-lejl.

Id-Direttiva attwali tipprovdi l-protezzjoni li tkopri: rekwiżiti ta’ informazzjoni u responsabbiltà tal-operaturi turistiċi għat-twettiq ta’ servizzi tal-ivvjaġġar, li jfisser li l-operaturi turistiċi jridu jiżguraw li s-servizzi kollha inklużi fil-pakkett (pereż. titjira u akkomodazzjoni f’lukanda) huma pprovduti u jissodisfaw l-istandard meħtieġ, kif ukoll protezzjoni (rimborż ta’ ħlasijiet bil-quddiem jew ripatrijazzjoni) fil-każ li operatur tal-vjaġġi jfalli.

Ir-regoli jeħtieġ li jiġu aġġornati hekk kif aktar u aktar vjaġġaturi jfasslu l-vaganzi tagħhom fuq l-internet li jfisser li l-vjaġġaturi mhumiex dejjem żgurati mill-protezzjoni jekk xi ħaġa tmur ħażin. Madwar 23 % tal-konsumaturi jirriżervaw vaganzi tradizzjonali kollox inkluż minn qabel — li huma koperti diġà mid-Direttiva tal-UE tal-1990 dwar il-Vjaġġi Kollox Inkluż. Iżda 23 % oħra jixtru vaganzi personalizzati li huma mfasslin minn negozjant wieħed jew diversi negozjanti kummerċjalment relatati sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet u l-preferenzi tal-klijenti. Pereżempju, il-konsumaturi jistgħu jirriżrevaw it-trasport u lukanda mill-istess operatur, jew jikru karozza permezz tal-websajt fejn li jkunu rriżervaw it-titjira tagħhom. Ir-regoli tal-lum jew sempliċiment ma jkoprux dawn l-arranġamenti, jew jagħmlu dan biss f’manjiera ambigwa, u jħallu lill-konsumaturi inċerti mid-drittijiet tagħhom u lin-negozjanti mhux ċari mill-obbligi tagħhom (ara Grafika 2 fl-Anness). Bħala riżultat, fi stħarriġ reċenti, 67 % taċ-ċittadini tal-UE ħasbu b’mod żbaljat li kienu mħarsa meta xtraw dawn “l-arranġamenti tal-ivvjaġġar”, meta fil-fatt ma kinux.

L-għan tar-riforma huwa għalhekk li jkun żgurat li dawk li jixtru btajjel personalizzati jkunu protetti b’mod xieraq, jew bħala pakketti jew bħala forma ġdida ta’ arranġament protett.

Riforma tal-lum hija r-riżultat ta’ konsultazzjonijiet estensivi. F'Novembru 2009il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni pubblika dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva (IP/09/1824). Il-konsultazzjoni ffukat fuq modi possibbli biex jissolvew il-limitazzjonijiet ewlenin tar-regoli attwali dwar il-vjaġġi kollox inkluż.

Fit-22 ta’ April 2010 il-Kummissjoni organizzat workshop għall-partijiet interessati u fil-5 ta’ Ġunju 2012 konferenza mal-partijiet interessati u l-Istati Membri dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-vjaġġi kollox inkluż. F’Jannar 2013, il-Kummissjoni ltaqgħet ma’ gruppi ta’ konsumaturi u l-kummerċjanti ewlenin fl-industrija tal-ivvjaġġar biex tiddiskuti r-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni attwali tal-UE fuq il-vaganzi kollox inkluż (MEMO/13/42).

Għal aktar informazzjoni:

Il-Kummissjoni Ewropea — inkluż (package travel Directive):

http://ec.europa.eu/justice/consumer-marketing/travel/package/index_en.htm

Il-paġna ewlenija tal-Viċi President Viviane Reding, Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/reding (EN, FR, DE)

Il-Kamra tal-Aħbarijiet tad-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/justice/newsroom/index_en.htm

Kuntatti:

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)

Natasha Bertaud (+32 2 296 74 56)

Anness

Kaxxa 1:

L-10 DRITTIJIET EWLENIN SKONT ID-DIRETTIVA TAL-1990 DWAR IL-VAGANZI KOLLOX INKLUŻ

  • Tirċievi l-informazzjoni neċessarja kollha dwar il-btala qabel ma tiffirma l-kuntratt.

  • Dejjem għandek parti waħda (jew il-bejjiegħ bl-imnut jew l-organizzatur: l-isem u l-indirizz se jkunu dejjem speċifikati fil-kuntratt) li tkun responsabbli għat-twettiq kif suppost tas-servizzi kollha inklużi fil-kuntratt.

  • Tingħata numru ta’ emerġenza jew punt ta’ kuntatt fejn tista’ tikkuntattja lill-organizzatur jew l-aġent tal-ivvjaġġar.

  • Tista’ tittrasferixxi r-riżervazzjoni tiegħek lil persuna oħra, jekk ma tistax tmur għall-btala inti stess.

  • Il-prezz tal-vjaġġ tiegħek ma jistax jinbidel aktar tard minn 20 jum qabel it-tluq, u qabel dan f’sitwazzjonijiet limitat ħafna biss.

  • Tista’ tikkanċella l-kuntratt u tingħata flusek lura jekk xi elementi essenzjali tal-pakkett tal-ivjaġġar jinbidlu.

  • Jekk, qabel it-tluq, il-kummerċjant li huwa responsabbli għall-vaganza tiegħek jikkanċella l-pakkett, tista’ tieħu rifużjoni u kumpens, jekk xieraq.

  • Jekk, wara li tkun tlaqt għall-btala, partijiet importanti mill-pakkett ma jistgħu jiġu pprovduti, iridu jsiru arranġamenti alternattivi, mingħajr spejjeż żejda, sabiex tkun tista' tkompli l-vaganza tiegħek.

  • Għandek id-dritt li tingħata assistenza f'waqtha jekk issib ruħek f’diffikultà.

  • Jekk il-kummerċjant responsabbli jfalli, il-prepagamenti tiegħek jiġu rimborsati u, jekk il-vjaġġ ikun beda, inti tiġi ripatrijat.

Grafika 1: Id-distinzjoni bejn arranġamenti tal-ivvjaġġar kombinati u pakketti rranġati minn qabel

Pakketti rranġati minn qabel:

Arranġamenti rranġati minn qabel mill-operaturi tal-ġiti

Ftit flessibbiltà għall-konsumaturi rigward id-dati u l-prezzijiet; għażliet multipli iżda kapaċità limitata għall-personalizzazzjoni

Arranġamenti kombinati tal-ivvjaġġar:

Il-pakkett isir mal-klijent f’ħin reali fuq il-bażi ta’ komponenti disponibbli,

possibbiltà aħjar għall-konsumatur biex jippersonalizza,

disponibbiltà f'ħin reali u riżervazzjoni f'ħin reali.

Grafika 2: Il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva tal-UE tal-1990 dwar il-Vjaġġi Kollox Inkluż (Package Travel Directive)

Iċ-ċifra turi l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva rigward l-arranġamenti tal-ivvjaġġar differenti.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website