Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Is-sikurezza tal-avjazzjoni: Il-Kummissjoni taġġorna l-lista Ewropea tas-sikurezza tal-linji tal-ajru pprojbiti

Commission Européenne - IP/13/662   10/07/2013

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-10 ta' Lulju 2013

Is-sikurezza tal-avjazzjoni: Il-Kummissjoni taġġorna l-lista Ewropea tas-sikurezza tal-linji tal-ajru pprojbiti

Il-Kummissjoni Ewropea llum għall-21 darba aġġornat il-lista Ewropea ta' linji tal-ajru li huma soġġetti għal projbizzjoni fuq l-operat jew restrizzjonijiet operattivi fi ħdan l-Unjoni Ewropea, magħrufa aħjar bħala "il-lista tas-sikurezza tal-ajru tal-UE". Wara titjib fis-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-Filippini, Philippine Airlines hija l-ewwel linja tal-ajru minn dan il-pajjiż li tħalliet tidħol lura fl-ajru Ewropew sa mill-2010. Jista' jingħad l-istess għal-linja tal-ajru Conviasa tal-Venezwela, li kienet ipprojbita fl-2012. Ġie nnutat ukoll progress fil-Libja, iżda l-awtoritajiet Libjani qablu li l-linji tal-ajru Libjani m'għandhomx jitħallew joperaw fl-Ewropa sakemm ma jkunux kompletament iċċertifikati mill-ġdid għas-sodisfazzjon tal-Unjoni Ewropea.

Siim Kallas, il-Viċi President tal-Kummissjoni responsabbli għat-trasport, qal: “Il-lista tas-sikurezza tal-ajru tal-UE nħolqot għall-protezzjoni tal-ajru u ċ-ċittadini Ewropej, iżda tista’ sservi wkoll bħala twissija għal pajjiżi u linji tal-ajru li għad għandhom bżonn itejbu s-sikurezza tagħhom f'dan il-qasam. Illum ikkonfermajna r-rieda tagħna li nneħħu pajjiżi u linji tal-ajru mil-lista jekk dawn juru impenn veru u kapaċità li jimplimentaw l-istandards internazzjonali tas-sikurezza b’mod sostenibbli. Minbarra l-Filippini, il-Venezwela u l-Mawritanja, għadd ta' pajjiżi Afrikani oħra wkoll qed juru sinjali ta’ progress tajjeb.”

Il-lista l-ġdida tissostitwixxi u taġġorna dik preċedenti, adottata f'Diċembru 2012, u tista' tiġi kkonsultata fuq is- sit elettroniku tal-Kummissjoni1.

B’kunsiderazzjoni għas-sorveljanza mtejba għas-sikurezza pprovduta mill-awtoritajiet kompetenti tal-Filippini, u għall-ħila tat-trasportatur bl-ajru Philippine Airlines li jiżgura konformità effettiva mar-regolamenti tas-sikurezza tal-avjazzjoni rilevanti u wara li saret żjara ta’ valutazzjoni tas-sikurezza fuq il-post f’Ġunju li għadda, ġie deċiż li titneħħa l-projbizzjoni li kienet taffettwa lil dan it-trasportatur irreġistrat fil-Filippini. Il-projbizzjoni tibqa' għat-trasportaturi l-oħra kollha rreġistrati fil-Filippini.

Conviasa, irreġistrata fil-Venezwela, ukoll tneħħiet mil-lista tas-sikurezza tal-ajru tal-UE, wara li ssolvew b’suċċess nuqqasijiet serji tas-sikurezza li kienu wasslu għall-projbizzjoni tagħha mill-ajru tal-UE f’April 2012. Dan it-titjib ġie ppruvat matul konsultazzjonijiet mal-Kummissjoni u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA), u permezz ta’ awditi reċenti mwettqa minn Spanja u mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO) fil-Venezwela.

F’Diċembru 2012 il-Mawritanja kien l-ewwel pajjiż li tneħħa għalkollox mil-lista tas-sikurezza tal-ajru tal-UE, wara li kien ġie miżjud fl-2010. It-titjib li wassal għal din id-Deċiżjoni ġie vverifikat matul żjara ta’ valutazzjoni tas-sikurezza fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni f’April 2013.

Saru konsultazzjonijiet mal-awtoritajiet tal-avjazzjoni ċivili tal-Libja. Ġie nnotat progress mill-Kumitat, iżda l-awtoritajiet tal-avjazzjoni ċivili Libjani qablu li jżommu r-restrizzjonijiet volontarji applikabbli għall-linji kollha tal-ajru li għandhom liċenzja fil-Libja. Din ir-restrizzjoni volontarja teskludi lil-linji tal-ajru Libjani milli jtiru lejn l-UE sakemm huma jiċċertifikaw mill-ġdid b'mod sħiħ f’konformità mal-istandards internazzjonali tas-sikurezza. L-implimentazzjoni li tinsab għaddejja ta' dawn il-miżuri se tibqa' taħt monitoraġġ mill-qrib mill-Kummissjoni u l-Kumitat għas-Sikurezza tal-Ajru tal-UE.

Il-Kummissjoni faħħret ukoll il-progress tajjeb fis-Sudan kif ukoll fil-Możambik.

Il-Kummissjoni rrikonoxxiet l-isforzi tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-sikurezza tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, tal-Indonesja, tal-Każakstan, tal-Libja, tal-Mawritanja, tal-Możambik, tal-Filippini, tar-Russja u tas-Sudan biex jirriformaw is-sistema tal-avjazzjoni ċivili tagħhom u jtejbu s-sikurezza, sabiex eventwalment ikunu jistgħu jiggarantixxu l-applikazzjoni effettiva tal-istandards internazzjonali tas-sikurezza. Il-Kummissjoni tkompli tipprovdi appoġġ u assistenza b’mod attiv għal dawn ir-riformi f’kooperazzjoni mal-ICAO, l-Istati Membri tal-UE u l-EASA.

Saru aġġornamenti ulterjuri għall-lista tas-sikurezza tal-ajru tal-UE minħabba t-tneħħija ta’ xi linji tal-ajru li ma baqgħux jeżistu u ż-żieda ta’ oħrajn ġodda li nħolqu dan l-aħħar f’għadd ta’ pajjiżi pprojbiti: ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, l-Indoneżja, il-Kirġistan, il-Możambik, is-Sudan u l-Filippini.

Fl-aħħar nett, l-Anness B tal-lista tas-sikurezza tal-ajru tal-UE (li fija hemm it-trasportaturi li jistgħu joperaw fl-UE iżda taħt limitazzjonijiet u kundizzjonijiet stretti) ġie emendat sabiex jirrifletti t-tiġdid tal-flotta ta’ Air Madagascar (li ġiet permessa tuża inġenju tal-ajru addizzjonali) u ta’ Air Astana mill-Każakstan (l-inġenji tal-ajru qodma tat-tip Fokker li m’għadhomx jintużaw tħassru mill-Anness).

Id-deċiżjoni tal-lum tal-Kummissjoni kienet ibbażata fuq l-opinjoni unanima tal-Kumitat għas-Sikurezza tal-Ajru tal-UE, li fih jipparteċipaw esperti tas-sikurezza minn kull wieħed mit-28 Stat Membru, kif ukoll min-Norveġja, l-Islanda, l-Isvizzera u l-EASA.

Il-kuntest

Il-lista tas-sikurezza tal-ajru aġġornata tal-UE tinkludi l-linji tal-ajru kollha ċċertifikati f’ 20 Stat, għal total ta’ 278 linja tal-ajru kompletament ipprojbiti mill-ajru tal-UE: l-Afganistan, l-Angola, il-Benin, ir-Repubblika tal-Kongo, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, Ġibuti, il-Ginea Ekwatorjali, l-Eritrea, il-Gabon (bl-eċċezzjoni ta' 3 linji tal-ajru li joperaw taħt restrizzjonijiet u kundizzjonijiet), l-Indoneżja (bl-eċċezzjoni ta’ 5 linji tal-ajru), il-Kazakistan (bl-eċċezzjoni ta’ linja tal-ajru waħda li topera taħt restrizzjonijiet u kundizzjonijiet), il-Kirgiżistan, il-Liberja, il-Możambik, il-Filippini (bl-eċċezzjoni ta' linja tal-ajru waħda), Sjerra Leone, São Tomé u Principe, is-Sudan, is-Sważiland u ż-Żambja. Il-lista tinkludi wkoll żewġ trasportaturi individwali: Blue Wing Airlines mis-Surinam u Meridian Airways mill-Gana, għal total kumplessiv ta’ 280 linja tal-ajru.

Barra minn hekk, il-lista tinkludi 10 linji tal-ajru li huma soġġetti għal restrizzjonijiet operazzjonali u għalhekk għandhom il-permess joperaw fl-UE taħt kundizzjonijiet stretti: Air Astana mill-Kazakistan, Afrijet, Gabon Airlines u SN2AG mill-Gabon, Air Koryo mir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea, Airlift International mill-Gana, Air Service Comores mill-Comores, Iran Air mill-Iran, TAAG Angolan Airlines mill-Angola u Air Madagascar mill-Madagaskar.

Għal aktar informazzjoni:

Segwi l-Viċi President Kallas fuq Twitter Twitter

Kuntatti:

Helen Kearns (+32 2 298 76 38)

Dale Kidd (+32 2 295 74 61)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site