Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-30 ta' Jannar 2013

Il-ferroviji Ewropej f'salib it-toroq: il-Kummissjoni tadotta proposti għar-Raba' Pakkett Ferrovjarju

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ħabbret pakkett komprensiv ta' miżuri bil-ħsieb li joffri kwalità aħjar u għażla usa' fis-servizzi ferrovjarji fl-Ewropa. Il-ferrovija hija parti essenzjali mit-trasport tal-UE, u taqdi rwol ewlieni biex tilqa' d-domanda dejjem tikber tat-traffiku, filwaqt li jiġu indirizzati l-konġestjoni, is-sigurtà tal-fjuwil u d-dekarbonizzazzjoni. Madankollu, bosta swieq ferrovjarji fl-Ewropa bħalissa qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' staġnar jew qabdu n-niżla.

Quddiem din ir-realtà, il-Kummissjoni qiegħda tipproponi miżuri estensivi biex iħeġġu aktar innovazzjoni fil-ferroviji tal-UE, billi jiftħu għall-kompetizzjoni s-swieq tat-trasport domestiku tal-passiġġieri fl-UE, flimkien ma' riformi sostanzjali tekniċi u strutturali.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għat-Trasport, Siim Kallas, qal: "Il-ferroviji Ewropej qegħdin joqorbu lejn salib it-toroq importanti ħafna. F'sitwazzjoni fejn il-ferroviji f'bosta swieq Ewropej jinsabu staġnati jew sejrin lura, l-għażla hija sempliċi: nistgħu nieħdu minn issa d-deċiżjonijiet l-aktar diffiċli, meħtieġa biex jiġi ristrutturat is-suq ferrovjarju tal-Ewropa, u biex jitħeġġu l-innovazzjoni u l-offerta ta' servizzi aħjar. Il-ferrovija tkun tista' terġa' tikber għall-ġid taċ-ċittadini, tan-negozju u tal-ambjent. Jonkella, nistgħu naqbdu l-binarju l-ieħor: naċċettaw li naqbdu t-triq ta’ niżla li ma nkunux nistgħu nerġgħu nitilgħuha, 'l isfel lejn Ewropa fejn il-ferroviji jkunu ġugarell tal-lussu għal ftit pajjiżi għonja, inaċċessibbli għall-maġġoranza minħabba l-iskarsezza ta' fondi pubbliċi."

Il-proposti jiffukaw fuq erba' oqsma ewlenin:

Standards u approvazzjonijiet effettivi

Il-Kummissjoni tixtieq tnaqqas l-ispejjeż amministrattivi tal-impriżi ferrovjarji, u tħaffef id-dħul ta' operaturi ġodda fis-suq.

Bil-proposti l-ġodda, l-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea se ssir "one stop shop" li toħroġ awtorizzazzjonijiet validi għall-UE għat-tqegħid fis-suq tal-vetturi, kif ukoll ċertifikati ta' sikurezza għall-operaturi għall-UE kollha. Illum il-ġurnata, l-awtorizzazzjonijiet ferrovjarji u ċ-ċertifikati tas-sikurezza jinħarġu mill-Istati Membri individwali.

Il-miżuri proposti jippermettu tnaqqis ta' 20 % fiż-żmien meħtieġ għall-kummerċjalizzazzjoni għall-impriżi ferrovjarji l-ġodda, u tnaqqis ta' 20 % fl-ispiża u t-tul taż-żmien għall-awtorizzazzjoni tal-vetturi ferrovjarji. Kollox ma' kollox, dan għandu jwassal għal iffrankar ta' EUR 500 miljun għall-impriżi sal-2025.

Kwalità aħjar u għażla usa' bl-awtorizzazzjoni ta’ operaturi ġodda għat-tmexxija tas-servizzi ferrovjarji

Biex tħeġġeġ l-innovazzjoni, l-effiċjenza u valur aħjar għall-flus, il-Kummissjoni qiegħda tipproponi li l-ferroviji domestiċi tal-passiġġieri jinfetħu għal impriżi u servizzi ġodda minn Diċembru 2019 'il quddiem.

L-impriżi jkunu jistgħu joffru servizzi ferrovjarji domestiċi tal-passiġġieri mal-UE kollha: sew billi joffru servizzi kummerċjali kompetittivi, sew billi japplikaw b'offerta għal kuntratti ferrovjarji ta' servizz pubbliku li jirrappreżentaw il-maġġoranza (iktar minn 90 %) tal-vjaġġi ferrovjarji fl-UE, u li se jkunu soġġetti għal sejħiet għall-offerti obbligatorji.

Il-proposti għandhom joffru benefiċċji ċari għall-passiġġieri f'termini ta' servizzi mtejba u ta' għażla ikbar. Flimkien mar-riformi strutturali, il-proposti jistgħu jipproduċu aktar minn EUR 40 biljun f'benefiċċji għaċ-ċittadini u għall-impriżi involuti sal-2035, u jippermettu l-forniment ta' 16-il biljun km tal-passiġġieri addizzjonali, skont stimi tal-Kummissjoni.

Is-swieq nazzjonali tat-trasport domestiku tal-passiġġieri għadhom fil-biċċa l-kbira tagħhom magħluqin. L-Iżvezja u r-Renju Unit biss fetħu għalkollox is-swieq tagħhom, filwaqt li l-Ġermanja, l-Awstrija, l-Italja, ir-Repubblika Ċeka u l-Pajjiżi l-Baxxi fetħu s-swieq tagħhom sa ċertu punt.

L-esperjenza f'dawn is-swieq miftuħin uriet titjib fil-kwalità u fid-disponibbiltà tas-servizzi, bil-livell ta' sodisfazzjoni tal-passiġġieri jikber sena wara sena, u b'żieda fil-passiġġieri, f'ċerti każijiet, ta' aktar minn 50% f'10 snin. Fi swieq oħra liberalizzati, is-sejħiet għall-offerti għall-kuntratti ta' servizz pubbliku wrew iffrankar ta' 20%-30% għal ċertu livell ta' servizz, iffrankar li jista' jiġi investit mill-ġdid biex jittejbu s-servizzi.

Struttura li tiffunzjona

Biex jiġi żgurat aċċess ġust għall-ferrovija għal kulħadd, l-amministraturi indipendenti tal-binarji ("amministraturi tal-infrastruttura") għandhom jamministraw in-netwerks b'mod effiċjenti u mingħajr diskriminazzjoni, u jikkoordinaw fuq il-livell tal-UE biex jirfdu l-iżvilupp ta' netwerk tabilħaqq Ewropew.

Biex jiġi żgurat li n-netwerk jiġi żviluppat fl-interess tal-partijiet kollha involuti, u biex jitkattru kemm jista' jkun l-effiċjenzi operattivi, il-Kummissjoni qiegħda tipproponi li ssaħħaħ lill-amministraturi tal-infrastruttura sabiex ikunu jistgħu jikkontrollaw il-funzjonijiet kollha fil-qalba tan-netwerk ferrovjarju - inkluż l-ippjanar tal-investiment fl-infrastruttura, l-operat u l-manutenzjoni ta' kuljum, kif ukoll l-iskedar tal-ħinijiet.

Wara l-ħafna lmenti mingħand l-utenti, il-Kummissjoni tqis li l-amministratturi tal-infrastruttura jrid ikollhom indipendenza operattiva u finanzjarja mill-operatur tat-trasport li jġestixxi l-ferroviji. Dan huwa essenzjali biex jiġu evitati kunflitti ta' interess, u jagħti lill-impriżi kollha aċċess għall-binarji b'mod mhux diskriminatorju.

Bħala regola ġenerali, il-proposta tikkonferma s-separazzjoni istituzzjonali bħala l-aktar mod sempliċi u trasparenti biex tinkiseb tali indipendenza. L-impriżi ferrovjarji indipendenti mill-amministraturi tal-infrastruttura ser ikollhom aċċess immedjat għas-suq tat-trasport domestiku tal-passiġġieri fl-2019.

Madankollu, il-Kummissjoni tista' taċċetta li struttura vertikalment integrata jew "azzjonarja" tista' tagħti wkoll l-indipendenza meħtieġa, b'"ħitan Ċiniżi" stretti li jiżguraw is-separazzjoni legali, finanzjarja u operattiva meħtieġa (ara l-MEMO għal aktar dettalji).

Klawżola ta' Verifika tal-Konformità: Għas-salvagwardja ta' din l-indipendenza, fid-dawl tal-ftuħ tas-suq tat-trasport domestiku tal-passiġġieri fl-2019, l-impriżi ferrovjarji li jagħmlu parti minn struttura integrata vertikalment jistgħu jinżammu milli joperaw fi Stati Membri oħra jekk ma jkunux issodisfaw minn qabel lill-Kummissjoni li s-salvagwardji kollha jinsabu implimentati għall-iżgurar ta’ kundizzjonijiet ekwi fil-prattika, u li hija possibbli kompetizzjoni ġusta fis-suq domestiku tagħhom.

Forza tax-xogħol b'ħila

Settur ferrovjarju dinamiku jiddependi fuq forza tax-xogħol b'ħila u mmotivata. Matul l-10 snin li ġejjin, il-ferrovija se tħabbat wiċċha ma' għadd ta' sfidi kkombinati: li tattira persunal ġdid biex jissostitwixxi t-terz tal-forza tax-xogħol li se tirtira, u li tindirizza ambjent ġdid li mistenni jkun aktar kompetittiv.

L-esperjenza fl-Istati Membri li fetħu s-swieq tagħhom turi li dan għandu jwassal għal impjiegi ġodda u aħjar. Bil-qafas regolatorju ġdid tal-UE, l-Istati Membri jkunu jistgħu jħarsu lill-ħaddiema billi jirrikjedu li l-kuntratturi ġodda jingaġġawhom meta kuntratti ta' servizz pubbliku jiġu ttrasferiti, rwol il jmur lil hinn mir-rekwiżiti ġenerali tal-UE dwar it-trasferiment tal-impriżi.

Il-passi li jmiss

Qabel ma jiġu adottati, il-proposti tal-Kummissjoni għandhom ikunu approvati mill-Parlament Ewropew u mill-gvernijiet tal-Istati Membri.

Fatti u ċifri ewlenin

  • L-industrija ferrovjarja għandha fatturat ta' EUR 73 biljun, li jikkorrispondi għal 65 % mill-fatturat tal-industrija tat-trasport bl-ajru (EUR 112 biljun), u għandha 800 000 impjegat.

  • Il-ferrovija hija essenzjali għall-funzjonament effettiv tal-ekonomija Ewropea. Kull sena jsiru aktar minn 8 biljun vjaġġ ta' passiġġier bil-ferrovija. Il-ferrovija ġġorr madwar 10 % tat-traffiku tal-merkanzija mal-Ewropa, bi dħul stmat ta' EUR 13 biljun.

  • Tul il-"kuritur tal-merkanzija" ta' bejn Rotterdam u Ġenova, pereżempju, isiru madwar 130 000 vjaġġ tal-ferrovija kull sena, l-ekwivalenti għal 4 miljun trakk fis-sena.

  • Kull sena, l-awtoritajiet pubbliċi jinvestu somom enormi fis-settur ferrovjarju. Fl-2009, dan ammonta għal madwar EUR 46 biljun f'sussidji pubbliċi. Dan it-tip ta' finanzjament pubbliku qed isir dejjem iktar skars.

  • L-investiment sostanzjali fis-settur pubbliku, partikularment fl-UE-10 fejn il-pagamenti ta' sussidji żdiedu b'aktar mid-doppju f'sitt snin, fih innifsu ma rnexxilux jiggarantixxi żidiet ekwivalenti fid-domanda tal-ferrovija.

  • Il-ferrovija qiegħda tistaġna, jew sejra lura, f'ħafna Stati Membri tal-UE. Minkejja żviluppi pożittivi f'ċerti swieq, is-sehem modali tal-ferrovija għall-passiġġieri fit-trasport intra-UE mis-sena 2000 'l hawn baqa' b'medju xi ftit jew wisq kostanti, ta' madwar 6 %, filwaqt li s-sehem modali tal-ferrovija għall-merkanzija naqas minn 11.5 % għal 10.2 %.

  • Minn nofs id-disgħinijiet 'l hawn, f'ċerti partijiet tal-UE - l-UE-10 b'mod partikulari -, l-investiment insuffiċjenti ħoloq ċirku vizzjuż ta' niżla, bil-ferrovija ssir inqas attraenti minħabba infrastruttura u vetturi ferrovjarji jitmermru, speċjalment minħabba ż-żieda fis-sjieda tal-karozzi, xprunata mill-ġid.

  • F'ħafna każijiet, l-impriżi ferrovjarji kellhom jitolbu salvataġġ mill-gvern, u f'ċerti pajjiżi bħal Spanja, il-Portugall u l-Bulgarija, operaturi stabbiliti jinsabu fid-dejn.

  • Fl-2004, l-impriża ferrovjarja stabbilita fil-Belġju kellha tittrasferixxi dejn ta' EUR 7.4 biljun lill-Istat Belġjan, li jista' jitqabbel ma' 2 % tal-PDG tal-Belġju. Meta twaqqaf l-RFF, EUR 20.5 biljun dejn ġie ttrasferit mill-SNCF. (Id-dejn li qed iġorru ħafna impriżi llum huwa riżultat ta' strutturi integrati ineffiċjenti fil-passat.)

  • L-Ewropea taffaċċja sfidi kbar fil-qasam tat-trasport: domanda tat-traffiku dejjem tikber (it-trasport tal-merkanzija mistenni li jiżdied b'madwar 40 % sal-2030 (imqabbel mal-2005), u bi ftit iktar minn 80 % sal-2050. It-traffiku tal-passiġġieri mistenni jiżdied ftit inqas mit-trasport tal-merkanzija: 34 % sal-2030 u 51% sal-2050); kif ukoll l-isfidi marbutin tal-konġestjoni; is-sigurtà tal-fjuwil; l-emissjonijiet tas-CO2; u l-ħtieġa għall-ħolqien ta' infrastruttura tat-trasport effiċjenti biex tirfed it-tkabbir fl-ekonomija Ewropea.

  • Li naċċettaw ix-xejriet negattivi attwali, u n-niżla ineżorabbli tal-ferrovija Ewropea, hija alternattiva li ma nistgħux nagħżlu.

Għal aktar tagħrif, ara MEMO/13/45

http://www.youtube.com/watch?v=8GHz-stzCso

Kuntatti:

Helen Kearns (+32 2 298 76 38)

Dale Kidd (+32 2 295 74 61)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site