Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-ambjent: Kif nistgħu nużaw il-fosforu b’mod aktar effiċjenti u noħolqu opportunitajiet għar-riċiklaġġ?

European Commission - IP/13/658   08/07/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, 8 ta’ Lulju 2013

L-ambjent: Kif nistgħu nużaw il-fosforu b’mod aktar effiċjenti u noħolqu opportunitajiet għar-riċiklaġġ?

Il-Kummissjoni qed tniedi konsultazzjoni dwar kif tista' tuża l-fosforu b’mod aktar sostenibbli. Il-fosforu jintuża ħafna fl-agrikoltura u huwa komponent essenzjali fil-fertilizzant u fl-għalf tal-annimali, iżda huwa riżorsa li ma għandha l-ebda sostitut. Il-provvisti huma limitati, il-prezzijiet kienu volatili u bħalissa qed jinħela ħafna fosforu. B’hekk, qed jinħoloq tħassib dwar il-kost u d-disponibbiltà tal-provvisti futuri fl-UE u madwar id-dinja.

Il-konsultazzjoni qed tistaqsi kif tista' tiżgura li r-riżervi jibqgħu disponibbli għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin, u dwar modi ta' kif jitnaqqsu l-effetti sekondarji li l-fosforu jista’ jkollu fuq l-ambjent. L-iskol tal-fosforu mill-għelieqi għall-korsiji tal-ilma, pereżempju, jistgħu jwasslu għal żieda fit-tkabbir tal-pjanti akkwatiċi u l-algi, fenomenu li jissejjaħ ewtrofikazzjoni.

Il-Kummissarju għall-Ambjent Janez Potočnik qal: “Bħalissa qegħdin naħlu din ir-riżorsa prezzjuża u noħolqu sustanza li tniġġes. L-użu aktar effiċjenti tagħha se jnaqqas l-impatt fuq l-ambjent u jtejjeb is-sigurtà tal-provvista. Nistgħu wkoll noħolqu opportunitajiet ġodda ta’ negozju fis-settur tar-riċiklaġġ.”

Il-konsultazzjoni għandha l-għan li tniedi dibattitu dwar l-użu tal-fosforu u modi biex dan ikun aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi. Il-Komunikazzjoni mhijiex imfassla fuq leġiżlazzjoni speċifika dwar il-fosforu, iżda tistieden l-Istituzzjonijiet Ewropej u l-partijiet kollha interessati sabiex jikkummentaw dwar il-kwistjoni.

Gew issuġġeriti għadd ta’ għażliet li jistgħu jtejbu s-sitwazzjoni attwali, pereżempju l-użu ta' fertilizzanti u ta' għalf b’mod iktar immirat, it-tnaqqis tal-erożjoni tal-ħamrija, u t-tħeġġiġ tar-riċiklaġġ ta’ fosforu mid-demel, mill-ilma għar-rimi u mill-kompost. Il-kontributuri huma mistiedna sabiex jirriflettu dwar x’jista’ jsir biex iħeġġu l-irkupru minn sorsi oħra, bħal ikel u skart bijodegradabbli.

Il-konsultazzjoni titlob ukoll għal opinjonijiet dwar kif għandhom jiġu trattati l-kwistjonijiet tad-domanda u l-provvista, kif għandu jiġi indirizzat ir-riskju tal-kontaminazzjoni tal-ħamrija, u liema teknoloġiji jew innovazzjonijiet għandhom ikunu promossi biex itejbu l-użu sostenibbli tal-fosforu.

Il-passi li jmiss

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, l-istituzzjonijiet l-oħra Ewropej, iċ-ċittadini, l-awtoritajiet pubbliċi, l-NGOs u n-negozji huma mistiedna biex jagħtu l-opinjonijiet tagħhom sal-1 ta’ Diċembru 2013. Il-Kummissjoni se tanalizza l-kontribuzzjonijiet matul l-2014. Hija se tintegra r-riżultati ta’ dan ix-xogħol f’oqsma pertinenti tal-politika, mill-politika agrikola permezz tal-ilma u l-iskart biex jaħdmu fuq il-materja prima.

Sfond

Il-produttività tas-sistemi agrikoli moderni tiddependi ħafna fuq iż-żieda tal-fosforu għal ħamrija bħala fertilizzant u għad-dieti tal-annimali fl-għalf. Il-biċċa l-kbira tal-fosforu ġej mill-minjieri tal-blat tal-fosfat, iżda fl-UE hemm minjiera waħda biss ta’ dan it-tip, u l-biċċa l-kbira tal-blat tal-fosfat użat fl-UE ġej mill-Afrika ta’ Fuq u r-Russja. Ħarsa ġenerali tajba tas-sitwazzjoni tinsab hawnhekk.

Bħalissa qed jinħela ħafna fosforu tul iċ-ċiklu tal-produzzjoni, u dan ta’ sikwiet iwassal għal problemi ambjentali bħat-tniġġis tal-ilma. Il-liġi tal-UE tirregola t-tniġġis tal-ilma mill-fosfat permezz tal-leġislazzjonijiet bħad-Direttiva dwar in-Nitrati jew id-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi iżda attwalment ma tħeġġiġx l-użu aktar effiċjenti ta' dan in-nutrijent.

Bosta Stati Membri ħadu passi sabiex iħeġġu aktar ir-riċiklaġġ u l-użu effiċjenti tal-fosforu, u xi forom ta’ użu mill-ġdid, bħat-tixrid tad-demel u tal-ħama tad-dranaġġ, li huma komuni madwar l-UE. Madankollu, dawn is-sorsi mhux dejjem jintużaw fil-post it-tajjeb jew b’mod tajjeb li jiżgura li s-sorsi huma assorbiti mill-uċuħ tar-raba’.

Permezz ta’ reviżjoni tar-Regolament dwar il-Fertilizzanti, l-UE qed taħdem biex ittejjeb l-aċċess għas-suq għal xi wħud minn dawn is-sorsi rriċiklati tal-fosforu.

Hemm bżonn ta' aktar riċerka dwar it-tekniki u teknoloġiji promettenti. Il-Pjattaforma Ewropea tal-Innovazzjoni dwar l-agrikoltura sostenibbli, flimkien ma' xogħol ieħor taħt Orizzont 2020, se jgħinu biex jistimulaw dawn l-iżviluppi minn negozji Ewropej u korpi ta’ riċerka.

Għal aktar tagħrif:

Link għal komunikazzjoni konsultattiva:

http://ec.europa.eu/yourvoice/consultations/index_en.htm

Ara wkoll:

http://ec.europa.eu/environment/natres/phosphorus.htm

http://www.phosphorusplatform.eu/

Kuntatti :

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website