Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-8 ta’ Lulju 2013

In-numru ta’ studenti tal-Erasmus jilħaq it-tliet miljuni

Iċ-ċifri ppubblikati llum juru li, mit-tnedija tal-Erasmus tal-UE fl-1987 sal-lum, aktar minn tliet miljun student ibbenefikaw minn għotjiet ta' din l-iskema ta’ skambju. L-istatistika, li tkopri s-sena akkademika 2011-2012, turi wkoll li l-programm ta l-opportunità lil aktar minn 250 000 student tal-Erasmus — rekord ġdid — li jsegwu parti mill-istudji tal-edukazzjoni għolja tagħhom barra pajjiżhom jew li jaħdmu ma’ kumpanija barranija biex itejbu ċ-ċans tagħhom li jsibu impjieg. Aktar minn 46 500 membru tal-istaff akkademiku u amministrattiv irċevew ukoll appoġġ mill-Erasmus biex jgħallmu jew jitħarrġu barra minn pajjiżhom, esperjenza maħsuba biex ittejjeb il-kwalità tat-tagħlim fit-33 pajjiż li jipparteċipaw fl-iskema (l-Istati Membri tal-UE, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja, l-Iżvizzera u t-Turkija).

Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ, qalet: “L-aħħar ċifri rekord, li juru li qbiżna l-mira tagħna ta’ tliet miljun student tal-Erasmus, huma xhieda tas-suċċess fit-tul tal-programm u tal-popolarità tiegħu. L-Erasmus huwa aktar importanti minn qatt qabel fi żminijiet ta’ tbatija ekonomika u ta' ħafna qgħad fost iż-żgħażagħ: il-ħiliet u l-esperjenza internazzjonali miksuba mill-istudenti tal-Erasmus jagħmluhom aktar impjegabbli u aktar probabbli li jkunu mobbli fis-suq tax-xogħol. Erasmus kellu sehem kbir fit-titjib tal-kwalità tal-edukazzjoni għolja fl-Ewropa billi fetaħ l-universitajiet u l-kulleġġi tagħna għall-kooperazzjoni internazzjonali. Filwaqt li nħarsu lejn il-futur, jien sodisfatta li l-programm il-ġdid tagħna, l-Erasmus+, se joffri opportunità lil erba' miljun żagħżugħ u żagħżugħa li jistudjaw, jitħarrġu, jgħallmu jew jagħmlu volontarjat barra minn pajjiżhom fis-seba’ snin li ġejjin.”

Fis-sena akkademika 2011-2012, Spanja, Franza u l-Ġermanja kienu t-tliet destinazzjonijiet l-iktar imfittxija mill-istudenti fost il-pajjiżi li jipparteċipaw fl-Erasmus. Spanja bagħtet l-ikbar għadd ta' studenti barra mill-pajjiż, segwita mill-Ġermanja u Franza (ara MEMO/13/647).

Kważi 205 000 student, madwar 80 % tat-total megħjuna mill-Erasmus fl-2011-12, għażlu li jqattgħu medja ta’ sitt xhur barra minn pajjiżhom, f’università jew istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja oħra, bħala parti mill-programm tal-lawrja tagħhom. L-għadd ta' studenti li għażlu l-possibilità ta' studju żdied b'7.5 % meta mqabbel mas-sena preċedenti. B’rata ta’ tkabbir ta’ 18 % fuq is-sena preċedenti, il-kollokamenti f'impjieg f’kumpaniji jibqgħu dejjem iżidu fil-popolarità. Fis-sena akkademika 2011-2012, wieħed minn kull ħames studenti tal-Erasmus, kważi 50 000 b’kollox, għażlu din il-possibilità.

Fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi, id-domanda baqgħet taqbeż l-għotjiet tal-Erasmus li huma disponibbli. L-għotja medja tal-Erasmus għal kull xahar, maħsuba biex tkopri parti mill-ispejjeż addizzjonali tal-għajxien barra mill-pajjiż u l-ivvjaġġar, kienet ta’ EUR 252. L-għotja, li baqgħet stabbli għal dawn l-aħħar tliet snin, f’xi pajjiżi tiżdied b’xi fondi nazzjonali, reġjonali jew istituzzjonali.

L-Erasmus+, il-programm il-ġdid tal-UE għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport li għandu jitnieda f’Jannar 2014, se jibni fuq il-wirt tal-Erasmus billi joffri opportunitajiet lil erba' miljun ruħ li jistudjaw, jitħarrġu, jgħallmu jew jagħmlu volontarjat barra minn pajjiżhom sal-2020. Il-programm hu mistenni jkollu baġit ta’ madwar EUR 14.5 biljun għal bejn l-2014 u l-2020 - 40 % aktar mill-finanzjament ta’ programmi ta’ mobilità attwali ta’ edukazzjoni u taħriġ. L-Erasmus+ qed jieħu post il-Programm ta’ Tagħlim tul il-Ħajja attwali (Erasmus, Leonardo da Vinci, Comenius, Grundtvig), kif ukoll il-programm Żgħażagħ fl-Azzjoni, Erasmus Mundus, Tempus, Alfa, Edulink u l-programm ta’ kooperazzjoni bilaterali ma’ pajjiżi industrijalizzati.

Sfond

Il-Kummissjoni, fl-istrateġija tagħha dwar il-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja (IP/11/1043), enfasizzat il-ħtieġa li l-istudenti jingħataw aktar opportunitajiet biex jiksbu l-ħiliet permezz ta' studju jew taħriġ barra minn pajjiżhom. Il-mira tal-UE għall-mobilità komprensiva tal-istudenti hija tal-anqas 20% sa tmiem id-deċennju. Bħalissa, madwar 10% tal-istudenti tal-UE jistudjaw jew jitħarrġu barra pajjiżhom bis-saħħa tal-Erasmus jew b'mezzi pubbliċi jew privati oħrajn. Madwar 4.5% minnhom jingħataw għotja mill-Erasmus.

In-Netwerk tal-Istudenti Erasmus għażel studenti minn kull pajjiż parteċipanti li siefru permezz tal-Erasmus fl-2012-2013 biex jirrappreżentaw il-kisba importanti ta' tliet miljun student. Kollha jgħidu li l-esperjenza tagħhom tal-Erasmus kienet lil hinn mill-aspettattivi tagħhom, għaniet kemm il-ħajja personali kif ukoll dik professjonali tagħhom. Ħafna mill-ex alumni tal-Erasmus, inklużi xi uċuħ magħrufa fl-Ewropa llum (ara l-Anness 5), esprimew sentimenti simili.

L-Erasmus mhuwiex biss skema ta’ finanzjament għal skambji tal-istudenti u l-istaff: Dan jappoġġa wkoll proġetti konġunti, skejjel tas-sajf u netwerks, bil-għan li jittejjeb il-mod kif tingħata l-edukazzjoni sabiex taqdi l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u s-soċjetà kollha kemm hi.

Għal aktar informazzjoni:

MEMO/13/647 "L-Erasmus fl-2011-12: iċ-ċifri spjegati.

Il-Kummissjoni Ewropea: The Erasmus programme

Erasmus statistics

Supporting reform: The role of Erasmus in higher education

Is-sit tal-internet ta' Androulla Vassiliou

Segwi lil Androulla Vassiliou fuq Twitter @VassiliouEU

Anness 1: Il-programm Erasmus 2011-2012 — In-numru ta’ studenti li siefru lil hinn skont il-pajjiż

Anness 2: Il-programm Erasmus 2011-2012 — Il-mobbiltà tal-istudenti tal-Erasmus: Il-pajjiżi nattivi u d-destinazzjonijiet

Anness 3: Il-programm Erasmus 2011-2012 — L-aktar 100 istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja li jirċievu l-istudenti tal-Erasmus

Anness 4: Studenti magħrufa tal-Erasmus – karrieri ta' ispirazzjoni

Anness 5: Rappreżentanti tat-3 miljun student tal-Erasmus f'kull pajjiż

Kuntatti:

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58); Twitter: @DennisAbbott

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)

Anness 1

Il-Programm Erasmus 2011-2012

In-numru ta’ studenti li siefru, skont il-pajjiż (studji u allokamenti)

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea

Anness 2

Il-Programm Erasmus 2011-2012

Il-mobilità tal-istudenti tal-Erasmus: Il-pajjiżi nattivi u d-destinazzjonijiet

It-tabella turi li n-numru totali tal-istudenti tal-Erasmus mibgħuta barra mill-pajjiż tal-oriġini tagħhomattiv (assi vertikali) lejn il-pajjiż ta' destinazzjoni (assi orizzontali) fis-sena akkademika 2011/2012.

Pereżempju, il-Belġju bagħat 7,091 student lejn pajjiżi parteċipanti oħra u rċieva total ta' 8,593 student, filwaqt li bagħat 1,107 student lejn Franza u rċieva 243 student mill-Ungerija.

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea

Anness 3:

Il-Programm Erasmus 2011-2012

L-aktar 100 istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja li jirċievu l-istudenti tal-Erasmus


Sors: Il-Kummissjoni Ewropea


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website