Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-Istampa

Brussell, il-5 ta’ Lulju 2013

Il-Kummissjoni qed tfittex il-kontribut tal-pubbliku rigward l-approċċ Ewropew għall-falliment kummerċjali

Il-Kummissjoni Ewropea llum nediet konsultazzjoni pubblika dwar approċċ Ewropew għall-falliment kummerċjali u l-insolvenza, li titfa’ l-attenzjoni fuq l-għajnuna lin-negozji sodi biex ikampaw u lil intraprendituri onesti biex dawn jingħataw ċans ieħor filwaqt li jitħares id-dritt tal-kredituri li jieħdu flushom lura. Il-proċeduri għandhom ikunu veloċi u effiċjenti, fl-interess kemm tad-debituri kif ukoll tal-kredituri, u għandhom jgħinu biex iħarsu l-impjiegi, jgħinu lill-fornituri jżommu lill-klijenti tagħhom, u lis-sidien biex iżommu l-valur fil-kumpaniji vijabbli. Id-differenzi bejn liġijiet nazzjonali dwar l-insolvenza jistgħu joħolqu inċertezza legali u ambjent tan-negozju ostili. Il-kwistjonijiet ewlenin huma l-ħin meħtieġ għall-eżekuzzjoni ta' dejn, il-kundizzjonijiet biex jinfetħu l-proċedimenti, it-tressiq tal-pretensjonijiet u r-regoli għal pjanijiet ta’ ristrutturar. Dawn jista’ jkollhom effett negattiv fuq l-investiment transkonfinali. Il-konsultazzjoni tal-lum se tfittex il-fehmiet tal-partijiet interessati dwar kif l-aħjar wieħed jirrispondi għal dawn l-isfidi.

"L-Ewropa teħtieġ kultura ta' “salvataġġ u rkupru" għal negozji vijabbli u individwi f’diffikultajiet finanzjarji," qalet il-Viċi-President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja. “Proprjetarji ta’ negozji onesti għandu jkollhom it-tieni ċans, biex l-insolvenza ma ssirx sentenza tul ħajjithom kollha jekk xi ħaġa tmur ħażin. L-SMEs, li huma s-sinsla tal-ekonomija tagħna, huma partikolarment importanti. Jiena nserraħ fuq kull min huwa interessat biex jipparteċipa b’mod attiv f’din il-konsultazzjoni sabiex inkunu nistgħu niġbru l-aqwa ideat dwar kif għandna nirrispondu għall-isfida tal-insolvenzi tan-negozju.”

Il-modernizzazzjoni proposta tar-Regolament tal-UE dwar l-Insolvenza – li jmur lura għas-sena 2000 – hija l-ewwel pass ewlieni li għandu jintroduċi l-liġi dwar l-insolvenza tal-UE fis-Seklu 21 (IP/12/1354, MEMO/12/969). Fl-istess ħin, huwa evidenti li reviżjoni tar-Regolament ma tistax minnha nnifisha tindirizza l-isfidi ta' bażi għall-insolvenzi transfruntiera, bħalma huma xi drabi d-differenzi ċari fil-liġijiet nazzjonali dwar l-insolvenza. Din hija r-raġuni għalfejn il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni adottata b’mod parallel mal-proposta għar-Regolament ta' Insolvenza f’Diċembru 2012 nediet proċess ta’ riflessjoni dwar approċċ ġdid tal-UE għall-falliment kummerċjali fid-dawl ta’ regoli dwar l-insolvenza nazzjonali diverġenti. Il-konsultazzjoni tal-lum hija s-segwitu għal dan.

Waħda mill-kwistjonijiet li tqajmu fil-konsultazzjoni hija l-ħtieġa li jiġi armonizzat “iż-żmien għal-liberazzjoni” (iż-żmien li wieħed jieħu biex jagħlaq negozju li jkun falla),li ta' spiss jitqies bħala kruċjali għall-opportunità biex jerġa' jinbeda negozju. Bħalissa, iż-żmien li wieħed jieħu biex jagħlaq negozju li falla jvarja b’mod sinifikanti madwar l-UE, minn erba’ xhur fl-Irlanda għal aktar minn sitt snin fir-Repubblika Ċeka u f’xi pajjiżi intraprendituri li fallew ma jistgħux jiksbu l-liberazzjoni.

Il-konsultazzjoni tindirizza wkoll ir-regoli li jirregolaw l-eżerċizzju tal-professjoni tal-likwidaturi. Barra minn hekk, il-partijiet interessati jiġu mistoqsija jekk ir-regoli eżistenti dwar id-dmirijiet u r-responsabbiltà tad-diretturi f’każ ta’ insolvenza joħolqux problemi fil-prattika u jekk għandhomx jiġu introdotti regoli fil-livell tal-UE biex jiżguraw li l-maniġers frodulenti li kienu skwalifikati f’pajjiż ma jeħdux il-ġestjoni ta' kumpanija f’pajjiż ieħor f'idejhom. Fl-aħħar nett, il-konsultazzjoni tistaqsi jekk l-inċertezza legali li tirriżulta mill-kundizzjonijiet differenti li taħthom att ta' debitur ta' falliment li huwa ta’ detriment lill-kredituri tagħhom jista' jiġi evitat quddiem il-qrati nazzjonali, ħolqotx problemi fil-prattika

Din il-konsultazzjoni hija miftuħa sal-11 ta’ Ottubru 2013 u tinsab fuq:

http://ec.europa.eu/yourvoice/ipm/forms/dispatch?form=InsolvencyTwo

Sfond

In-negozji huma essenzjali biex jinħolqu l-prosperità u l-impjiegi. Iżda biex toħloq negozju — u żżommu għaddej — huwa diffiċli, speċjalment fil-klima ekonomika tal-lum.

Il-figuri juru l-urġenza li ttieħed azzjoni f’dan il-qasam: nofs in-negozji kollha ma jaqbżux l-ewwel ħames snin ta' ħajthom. Medja ta’ 200,000 kumpanija jfallu fl-UE kull sena, li jirriżulta f’1.7 miljun telfien ta' impjieg dirett. Kwart minn dawn il-fallimenti jkollhom element transfruntiera.

Bħala r-rispons Ewropew, il-Kummissjoni ppreżentat pakket ta' miżuri f'Diċembru 2012 biex timmodernizza r-regoli tal-insolvenza (IP/12/1354, MEMO/12/969). L-elementi ewlenin tal-pakkett kienu proposta biex temenda r-Regolament dwar l-Insolvenza u Komunikazzjoni ta' politika dwar “Strateġija Ewropea ġdida għall-falliment kummerċjali u l-insolvenza”.

Il-Liġi Ewropea dwar l-Insolvenza hija stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 1346/2000 dwar proċedimenti ta' falliment (ir-“Regolament dwar l-Insolvenza”), li ilu japplika sa mill-31 ta' Mejju 2002. Ir-Regolament jinkludi regoli dwar ġurisdizzjoni, rikonoxximent u l-liġi applikabbli u jipprevedi l-koordinazzjoni tal-proċedimenti tal-falliment li jinfetħu f'diversi Stati Membri. Ir-Regolament japplika kull meta d-debitur ikollu assi jew kredituri f'iktar minn Stat Membru wieħed.

Għal aktar informazzjoni:

Konsultazzjoni pubblika dwar strateġija Ewropea ġdida għall-falliment kummerċjali u l-insolvenza

http://ec.europa.eu/yourvoice/ipm/forms/dispatch?form=InsolvencyTwo

Il-Kummissjoni Ewropea – Proċedimenti ta' falliment:

http://ec.europa.eu/justice/civil/commercial/insolvency/index_en.htm

Il-websajt ta' Viviane Reding, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea u l-Kummissarju tal-Ġustizzja għall-UE: http://ec.europa.eu/reding

Kuntatti:

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)

Natasha Bertaud (+32 2 296 74 56)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site