Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-ambjent: 80 % tal-Ewropej huwa mħassba dwar l-impatti ambjentali tal-prodotti

European Commission - IP/13/653   05/07/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-5 ta’ Lulju 2013

L-ambjent: 80 % tal-Ewropej huwa mħassba dwar l-impatti ambjentali tal-prodotti

Skont stħarriġ ġdid, il-biċċa l-kbira tal-Ewropej huma lesti li jbiddlu t-tendenzi ta' xiri tagħhom u jixtru aktar prodotti li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, iżda ħafna jħossu li għandhom nuqqas ta' informazzjoni u ta' fiduċja rigward id-dikjarazzjonijiet ambjentali tal-manifatturi. L-istħarriġ dwar l-'Attitudni tal-Ewropej rigward il-bini tas-suq uniku għall-prodotti ekoloġiċi' (Attitudes of Europeans towards building the single market for green products) jindika li aktar minn tliet kwarti ta' dawk li wieġbu huma lesti li jħallsu aktar għall-prodotti li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent jekk ikunu kunfidenti li l-prodotti verament ma jagħmlux ħsara lill-ambjent (77 %). Madankollu, ftit aktar minn nofs iċ-ċittadini tal-UE jħossu li huma infurmati (55 %) dwar l-impatti ambjentali tal-prodotti li jixtru u jużaw.

Il-Kummissarju għall-Ambjent Janez Potočnik qal: "Naturalment, kollha kemm aħna rridu naraw aktar prodotti ekoloġiċi fuq l-ixkafef, iżda dan l-istħarriġ juri li ħafna minna jinsabu mħawwda bid-dikjarazzjonijiet ekoloġiċi u ma nafdawhomx. Dan mhuwiex tajjeb għall-konsumaturi, u mhuwiex qed jippremja lil dawk il-kumpaniji li verament qed jagħmlu sforz. Qed naħdmu ma' kumpaniji u ma' partijiet interessati oħra biex niżviluppaw l-informazzjoni kredibbli li l-konsumaturi jfittxu meta jixtru l-prodotti. Dan se jkun ta' għajnuna biex jiġu żviluppati swieq u jinħolqu aktar opportunitajiet għall-innovazzjoni u l-investiment fl-ekonomija ekoloġika."

Il-biċċa l-kbira taċ-ċittadini tal-UE jemmnu li meta wieħed jixtri prodotti li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent dan jista' jħalli impatt fuq l-ambjent (89 %) u li dawn huma effettivi daqs prodotti oħra regolari (74 %). Il-Portugall (84 %), Malta (82 %), Franza (81 %) u l-Belġju (81 %) huma l-aktar kunfidenti li l-prodotti ttikkettati li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent huma l-inqas prodotti ta' dannu għall-ambjent. Għall-kuntrarju ta' dan, il-Ġermanja (44 %), ir-Rumanija (46 %) u l-Pajjiżi l-Baxxi (47 %) huma l-inqas kunfidenti dwar dawn il-prodotti.

Ġeneralment, ftit aktar minn nofs iċ-ċittadini tal-UE għandhom fiduċja fid-dikjarazzjonijiet tal-produtturi dwar il-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti tagħhom (52 %), iżda l-maġġoranza tal-Ewropej ma għandhomx fiduċja fir-rapporti tal-kumpaniji dwar il-prestazzjoni ambjentali tagħhom stess (54 %). Iċ-ċittadini tal-UE jemmnu li ltaqgħu ma' dikjarazzjonijiet esaġerati jew qarrieqa fir-Rumanija (40 %), il-Bulgarija (40 %), il-Greċja (39 %) u l-Latvja (37 %). Dan mhux il-każ f'Malta (17 %) u l-Estonja (20 %) li jaħsbuha b'mod differenti. Minkejja dan, hemm appoġġ qawwi li jobbliga lill-kumpaniji biex jippubblikaw rapporti dwar il-prestazzjoni ambjentali ġenerali tagħhom u l-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti tagħhom (69 %).

Fl-UE, żewġ terzi tan-nies (66 %) huma lesti li jħallsu aktar għal prodott jekk il-garanzija tal-affidabbiltà tiegħu tiġi estiża għal ħames snin. Aktar minn disa' persuni minn kull għaxra li wieġbu l-istħarriġ (92 %) jaħsbu li għandu jiġi indikat it-tul mistenni tal-ħajja ta' prodott. Kważi nofs dawk li wieġbu ddeċidew li ma jsewwux prodott difettuż fl-aħħar 12-il xahar minħabba li l-ispejjeż tat-tiswija kienu wisq għoljin (47 %).

Ammont konsiderevoli ta' dawk li wieġbu jemmnu li mhux sikur li wieħed jikkonsma prodotti tal-ikel wara d-data ta' "ikkonsma qabel" tagħhom (45 %). Dan ifisser li, ta' kuljum, ammonti kbar ta' ikel li għadu jista' jittiekel qed jiġi moħli jew mormi. Aktar minn tliet kwarti taċ-ċittadini tal-Isvezja (81 %), tal-Awstrija (77 %) u tar-Renju Unit (77 %) jemmnu li huwa sikur li wieħed jikkonsma prodotti tal-ikel wara d-data ta' "ikkonsma qabel" miktuba fuq it-tabella. Mhumiex tal-istess fehma r-Rumanija u l-Litwanja (17 %) fejn inqas minn wieħed minn kull ħames ċittadini jemmen dan.

Sfond

Il-kumpaniji li jixtiequ jenfasizzaw il-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti tagħhom qed jiffaċċaw diversi ostakli. Dawn qed jiġu kkonfrontati b'diversi metodi differenti promossi mill-gvernijiet u minn inizjattivi privati, u għalhekk qed jiġu obbligati li jħallsu spejjeż kbar biex jipprovdu informazzjoni ambjentali. Il-konsumaturi jinsabu mfixxkla bil-biżibilju ta' tikketti differenti ta' informazzjoni li jagħmluha diffiċli biex il-prodotti jiġu mqabbla bejniethom.

Il-Komunikazzjoni 'Nibnu s-Suq Uniku għall-Prodotti Ekoloġiċi' u Rakkomandazzjoni dwar l-użu ta' metodi armonizzati tal-UE, adottati mill-Kummissjoni f'April 2013 (ara IP/13/310), nedew skema pilota li fiha l-partijiet interessati se jgħinu biex jiġu żviluppati metodi aħjar dwar kif jitkejjel l-impatt ambjentali tal-prodotti. Dan għandu jgħin biex tiġi żviluppata informazzjoni ambjentali komparabbli u affidabbli u tiżdied il-kunfidenza tal-konsumaturi, in-negozji, l-investituri u partijiet interessati oħra. Il-fehim aħjar tal-imġieba u tal-attitudni tal-konsumatur huwa komponent ewlieni biex tiġi implimentata sew din l-inizjattiva politika ġdida.

L-istħarriġ sar fit-28 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea. Ġew intervistati aktar minn 25 568 persuna minn gruppi soċjali u demografiċi differenti permezz tat-telefon, fl-ilsien nattiv tagħhom, f’isem il-Kummissjoni Ewropea.

Għal aktar informazzjoni:

Ħolqa għar-rapport:

http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/flash_arch_374_361_en.htm#367

Ara wkoll:

http://ec.europa.eu/environment/eussd/escp_en.htm

Kuntatti :

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website