Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, 8 ta’ Lulju 2013

Ċinturin Blu: Il-Kummissjoni tiffaċilita l-formalitajiet doganali għall-bastimenti

Il-Kummissjoni llum stabbiliet pjanijiet biex jitħaffu l-formalitajiet doganali għall-bastimenti — titnaqqas il-burokrazija, jitnaqqas id-dewmien fil-portijiet u tiżdied il-kompetittività tas-settur. Illum, it-trasportaturi tal-merkanzija u l-esportaturi jilmentaw li jekk jagħżlu li jibagħtu prodotti madwar l-Ewropa permezz tat-tbaħħir fuq distanzi qosra, il-piż tqil amministrattiv fil-portijiet joħloq spejjeż addizzjonali u dewmien sinifikanti — il-bastimenti jafu jistennew is-sigħat u xi kultant jiem sħaħ fil-portijiet għall-approvazzjoni doganali. Dawn jagħmlu s-settur marittimu inqas attraenti meta jitqabbel ma’ forom oħra ta’ trasport, speċjalment mat-trasport bit-triq, u b'hekk qed jiżdiedu aktar trakkijiet bla bżonn fuq it-toroq tagħna li diġà huma traffikużi ħafna. Permezz tal-proposti l-ġodda tal-Kummissjoni tal-lum, it-trasport permezz tat-tbaħħir jiffaċċja inqas xkiel amministrattiv u għalhekk ikun jista' jiġi sfruttat bis-sħiħ fis-suq intern tal-UE u lil hinn minnu.

Il-Viċi President Siim Kallas, responsabbli mit-trasport, qal: “L-Ewropa qed tiffaċċja sfidi kbar mil-lat taż-żieda fil-konġestjoni u fit-tniġġis. Neħtieġu li t-tbaħħir fuq distanzi qosra jisfrutta l-potenzjal tiegħu bis-sħiħ u li jipprovdi soluzzjoni għat-trasport bi prezz baxx, li jirrispetta l-ambjent, filwaqt li jnaqqas il-merkanzija minn fuq it-trakkijiet u mit-toroq traffikużi tagħna. Qed nipproponu għodod innovattivi biex titnaqqas il-burokrazija u biex is-settur tat-tbaħħir isir alternattiva aktar attraenti għall-klijenti li jridu jġorru l-merkanzija madwar l-UE.”

Il-Kummissarju Algirdas Semeta, responsabbli għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali; “lċ-Ċinturin Blu se jgħaqqad is-suq uniku mal-ibħra. Il-miżuri proposti se jkunu ta' benefiċċju kbir għat-tbaħħir billi dawn se jnaqqsu l-ispejjeż, jissimplifikaw l-amministrazzjoni, jiffaċilitaw il-kummerċ u joħolqu ambjent ekwu bejn it-tipi kollha ta’ trasport. Fl-istess ħin, dan ser jissimplifika x-xogħol tal-uffiċjali tad-dwana sabiex ikunu jistgħu jimmiraw aħjar ir-riskji għas-sigurtà u jiffukaw fuq il-protezzjoni taċ-ċittadini u tan-negozji tagħna.”

Il-Komunikazzjoni tal-lum "Ċinturin Blu: Żona Unika tat-Trasport Marittimu" tistabbilixxi żewġ proposti kruċjali biex jitħaffu l-formalitajiet eżistenti għat-tbaħħir permezz tal-emenda tal-Kodiċi Doganali (CCIP, id-Dispożizzjonijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali).

1. Jitħaffu l-formalitajiet doganali tat-trasport marittimu fl-UE

Il-kumpaniji tat-tbaħħir, li jużaw rotta regolari fi ħdan l-UE u li jittrasportaw prinċipalment il-merkanzija ġejja mill-UE, diġà jistgħu jgawdu minn proċeduri doganali simplifikati (fil-forma tal-proċeduri tas-Servizzi Regolari tat-Tbaħħir). Proposti ġodda, ippreżentati mill-Kummissjoni f’Ġunju 2013, ser itejbu dawn is-Servizzi Regolari tat-Tbaħħir sabiex jagħmlu l-proċeduri iqsar u aktar flessibbli. Il-perjodu ta’ konsultazzjoni għall-Istati Membri se jitqassar minn 45 jum għal 15-il jum. U l-kumpaniji se jkunu f’pożizzjoni li japplikaw minn qabel għal awtorizzazzjoni għall-Istati Membri fejn ikun jista' jagħti l-jaż li jkunu jridu joperaw - bil-ħsieb li jiffrankaw il-ħin jekk tinqala' t-tali opportunità ta’ negozju.

2. Jitħaffu l-formalitajiet doganali għal vapuri li jidħlu f’portijiet ta’ pajjiżi terzi

Kważi 90 % tal-vapuri jġorru kemm merkanzija ġejja mill-UE kif ukoll dik mhux ġejja mill-UE u jieqfu spiss fil-portijiet tal-UE kif ukoll f'oħrajn li mhumiex tal-UE, pereżempju fin-Norveġja, fl-Afrika ta’ Fuq u fir-Russja. Għal dawn il-bastimenti, il-Kummissjoni qed tipproponi li ttejjeb b’mod sinifikanti l-proċeduri doganali billi ddaħħal fis-seħħ sistema li tista' tiddistingwi bejn il-merkanzija tal-Unjoni abbord il-bastiment (li għandha tiġi rrilaxxata malajr) u merkanzija mhux tal-Unjoni, li trid tgħaddi mill-proċeduri doganali xierqa.

Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se tippreżenta proposta qabel tmiem is-sena biex tinħoloq dikjarazzjoni tal-merkanzija elettronika armonizzata Dan l-“eManifest” il-ġdid jippermetti l-kumpaniji tat-tbaħħir jipprovdu lill-awtoritajiet doganali fil-manifesti kollha (intra-UE u extra-UE) informazzjoni dwar l-istatus tal-merkanzija.

Huwa mistenni li dawn iż-żewġ miżuri se jagħmlu ċ-Ċinturin Blu realtà sal-2015.

Kuntest:

Kwistjonijiet marittimi: 75 % tal-kummerċ estern Ewropew skont il-volum u 37 % tal-kummerċ intern tal-UE isir permezz tat-trasport marittimu.

Is-sitwazzjoni attwali: Il-moviment liberu tal-merkanzija huwa libertà fundamentali skont il-liġi tal-UE, iżda għadu mhuwiex realtà għas-settur marittimu. Illum bastiment li jivvjaġġa bejn Antwerp u Rotterdam għadu jiġi ttrattat daqs li kieku kien ġej miċ-Ċina. Għaliex? Minħabba li, ladarba l-vapuri jħallu l-ilmijiet territorjali tal-Istati Membri (lil hinn mit-12-il mil mill-kosta) dawn qed jitqiesu qishom qed jaqsmu l-fruntieri esterni tal-UE. Għaldaqstant vapuri li jivjaġġaw minn port għall-ieħor f’żewġ Stati Membri differenti qed jiġu trattati qishom ħarġu mit-Territorju Doganali tal-UE u huma meħtiega jwettqu l-formalitajiet doganali meta l-bastiment iħalli l-port tat-tluq u għal darb’ oħra meta l-bastiment jasal fil-port tad-destinazzjoni, anki jekk it-tnejn huma portijiet tal-UE.

Skont l-Assoċjazzjoni Ewropea tas-Sidien tal-Bastimenti (ECSA) fuq il-bażi tal-informazzjoni li rċeviet mill-membri tagħha (kumpaniji tat-tbaħħir), l-iffrankar mis-simplifikar tal-proċeduri amministrattivi jista’ jitla’ sa madwar 25 EUR għal kull kontejner. Minbarra l-iffrankar tal-flus, l-iffrankar tal-ħin huwa iktar importanti. Illum, ħafna klijenti (eż. esportaturi) jagħżlu it-trasport bit-triq minflok it-trasport marittimu minħabba li jkunu llimitati bil-ħin.

Sehem tal-merkanzija ttrasportata ġewwa l-UE bil-mezz ta’ trasport: 45.3% bit-triq, 11% bil-ferrovija, 3.7% bil-kanali tal-ilma interni, 3.1% bil-pajpijiet, 36.8% bil-baħar (i.e. tbaħħir fuq distanzi qosra), 0.1% air (Sors: Directorate General MOVE statistical pocket book 2010, f'kilometri-tunnellati).

Il-Komunikazzjoni taċ-Ċinturin Blu adottata llum mhux biss tippreżenta proposti biex jinħoloq Ċintorin Blu - żona fejn il-bastimenti jistgħu joperaw b’mod ħieles fi ħdan is-suq intern tal-UE bl-inqas piż amministrattiv filwaqt li jissaħħu l-protezzjoni ambjentali tas-sikurezza u tas-sigurtà, kif ukoll il-politiki doganali u fiskali, iżda tipproponi wkoll l-estensjoni ta’ dawn is-simplifikazzjonijiet għal vjaġġi barra l-UE bl-użu ta’ sistemi ta’ sorveljanza u rappurtar aħjar.

Il-proposti taċ-Ċinturin Blu jmorru id f’id mar-Reviżjoni tal-Politika tal-Portijiet adottata fit-23 ta' Mejju 2013, li għandha l-għan li tippromwovi l-kompetittività tal-portijiet marittimi tal-Ewropa, u li tisfrutta l-potenzjal tagħhom ta’ tkabbir (ara MEMO/13/448).

Il-Komunikazzjoni ssegwi t-tnedija tal-Att dwar is-Suq Uniku II f'Ottubru 2012 (ara IP/12/1054) u hija estensjoni tal- Proġett pilota "Ċintorin Blu" ġestit mill-Aġenzija Ewropea għas-Sikurezza Marittima fl-2011.

Għal aktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/transport/modes/maritime/news/bluebelt_en.htm

Ċintorin Blu MEMO/13/658

Is-sit elettroniku tal-Vici-President tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli mit-Trasport Siim Kallas

Segwi lill-Viċi President Kallas fuq Twitter

Is-sit elettroniku tal-Kummissarju Ewropew Algirdas Šemeta responsabbli għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali, il-Verifika u l-Ġlieda kontra l-Frodi 

Segwi l-Kummissarju Algirdas Šemeta fuq Twitter

Kuntatti:

Helen Kearns (+32 2 298 76 38)

Dale Kidd (+32 2 295 74 61)

Emer Traynor (+32 2 292 15 48)

Natasja Bohez Rubiano (+32 2 296 64 70)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website