Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-4 ta’ Lulju 2013

Is-sit elettroniku tat-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Uniku — Ċifri ġodda issa jinsabu onlajn

Bit-tnedija tal-lum onlajn biss tas-Single Market Scoreboard, ġiet stabbilita sistema ta' rappurtar aktar komprensiva u aktar faċli għal min jużaha. It-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Uniku tinkorpora rapporti komprensivi dwar 13-il biċċa għodda ta’ governanza inkluż il-monitoraġġ tat-traspożizzjoni korretta ta' Direttivi, analiżi ta' proċedimenti ta' ksur, in-netwerks ta’ kooperazzjoni amministrattiva u diversi servizzi ta’ informazzjoni u ta’ soluzzjoni tal-problemi.

Il-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Uniku 2012/2013 għandha l-għan li tagħti ħarsa ġenerali lejn is-sitwazzjoni attwali fil-post. Din tkopri r-riżultati li nkisbu mill-Istati Membri, iżda tipprovdi wkoll eżempji tad-diffikultajiet li ċ-ċittadini u n-negozji għadhom jiffaċċaw sa issa meta jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom tal-UE.

Għad fadal bosta ostakoli fl-oqsma tas-sigurtà soċjali, id-drittijiet ta’ residenza, ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali u r-reġistrazzjoni ta’ vetturi bil-mutur. It-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Uniku tirrifletti l-punti qawwija u d-dgħufijiet u turi fejn hija meħtieġa azzjoni ulterjuri f’kull wieħed mill-Istati Membri.

Il-Konklużjonijiet Prinċipali

It-"traffic light chart" li ġejja turi mad-daqqa ta' għajn il-prestazzjoni tal-Istati Membri rigward l-għodda ta' governanza fejn ġie implementat il-monitoraġġ.

Sors: http://ec.europa.eu/internal_market/scoreboard/performance_overview/index_en.htm

Skont din it-tabella, l-Istati bl-aqwa riżultati huma: l-Estonja, l-Isvezja, l-Awstrija, ir-Renju Unit, il-Ġermanja, Ċipru, il-Litwanja, l-Ungerija, id-Danimarka, Malta u l-Finlandja mingħajr “dawl aħmar ta' twissijiet”. Żewġ Stati Membri oħrajn, il-Lussemburgu u l-Pajjiżi l-Baxxi għandhom “twissija waħda biss”, iżda din hija bbilanċjata b’punteġġi ekoloġiċi ta' 7 u 5 rispettivament.

It-Traspożizzjoni

Matul l-aħħar sitt xhur, l-Istati Membri rnexxielhom iżommu d-defiċit medju għat-traspożizzjoni — jiġifieri l-perċentwal tad-Direttivi tas-Suq Intern li ma ġewx trasposti fil-liġi nazzjonali fil-ħin — f’livell baxx ta’ 0.6 %. Xi wħud minnhom għamlu sforzi kbar u rnexxielhom itejbu l-prestazzjonijiet tagħhom tassew — riżultat tajjeb, speċjalment meta wieħed iqis il-kriżi ekonomika preżenti.

Ksur

Dwar proċedimenti ta’ ksur relatati mas-Suq Uniku, il-medja tan-numru ta' każijiet miftuħa tal-UE naqqset bi ftit minn 31 każ sa 30 każ għal kull Stat Membru, li jirrifletti tendenza 'l isfel li hija bil-mod iżda kostanti..

SOLVIT

SOLVIT huwa netwerk li jsolvi l-problemi onlajn li jittratta l-applikazzjoni ħażina tar-regoli tas-suq intern. Huwa rnexxielu jżomm rata tajba ta’ riżoluzzjoni ta’ 89 % filwaqt li jnaqqas il-ħin meħtieġ biex jittratta l-każi. Il-Portugall u r-Renju Unit irnexxielhom jagħtu rispons fi żmien qasir flimkien ma' rati tajba ta' riżoluzzjoni. Iċ-ċentru SOLVIT Ċek għadu jista' jitjieb.

Your Europe

Il-websajt Your Europe huwa servizz ta' informazzjoni pubbliku multilingwi li jipprovdi informazzjoni komprensiva u aċċess għall-assistenza għaċ-ċittadini u l-intrapriżi li jkollhom l-intenzjoni li jwettqu attivitajiet transfruntiera fl-Unjoni Ewropea. L-interess f'dan il-websajt u l-użu tiegħu qed jikber b’rata mgħaġġla: f’sena ż-żjarat għall-websajt kważi rduppjaw għal aktar minn 4 miljun żjara. It-taqsimiet l-aktar imfittxija huma “ix-xogħol” (għall-parti taċ-ċittadini) u “l-ġestjoni” (għall-parti tan-negozji). Il-Greċja u l-Pajjiżi l-Baxxi jistgħu jinvestu aktar fil-promozzjoni ta’ Your Europe u jikkontribwixxu aktar għall-kontenut tagħha.

Punti ta' Kuntatt uniċi

Id-Direttiva tas-Servizzi tipprovdi għal Punti ta’ Kuntatt Uniċi (PSC) biex ikunu stabbiliti fl-Istati Membri kollha. Il-PSCs huma portali elettroniċi tal-gvern li jipprovdu informazzjoni dwar ir-regoli, ir-regolamenti u l-formalitajiet li japplikaw għall-attivitajiet ta’ servizzi u l-possibbiltà biex jitlestew onlajn il-proċeduri amministrattivi rilevanti. L-Istati Membri kollha issa stabbilixxew minn tal-anqas “PSC tal-ewwel ġenerazzjoni”. Madankollu jeħtieġ li ħafna minnhom iżidu l-isforzi tagħhom biex jiżguraw li l-PSCs tagħhom jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-utenti, speċjalment il-Bulgarija. Fuq in-naħa l-oħra, ir-Renju Unit, il-Pajjiżi l-Baxxi u d-Danimarka jappartjenu għall-grupp bl-aħjar prestazzjoni.

Informazzjoni dwar is-Suq Intern

Is-sistema ta' Informazzjoni dwar is-Suq Intern (IMI) tippermetti skambju ta’ informazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali fil-qasam ta’ “kwalifiki professjonali”, “servizzi” u “l-istazzjonar tal-ħaddiema”. L-użu tagħha kiber b’24 % matul l-aħħar sena, iżda l-awtoritajiet ikollhom jagħtu aktar attenzjoni biex jintlaħqu l-iskadenzi miftehma b’mod reċiproku u biex isegwu l-eżempju tal-Estonja, Malta u Spanja b'rispons f'perjodu ta' żmien eċċellenti.

EU Pilot

EU Pilot tippromwovi s-soluzzjoni minn kmieni tal-problemi bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw il-liġi tal-UE. Il-punt ta’ riferiment għal żmien medju għal risposta mill-Istati Membri huwa ta' 70 jum. Tliet pajjiżi, il-Belġju, Franza u Spanja ma rrispettawx dan il-punt ta' riferiment.

EURES

Il-pjattaforma u n-netwerk EURES li jipprovdu informazzjoni, pariri u reklutaġġ/servizzi ta’ sejbien ta’ impjieg, fid-dawl tas-sitwazzjoni ekonomika attwali, intużaw dejjem aktar fl-2012 (aktar minn żewġ miljun żjara fix-xahar), waqt li jikkontribwixxu b’mod attiv biex ittaffu l-iżbilanċi tas-suq tax-xogħol

Sfond

Mill-1998, il-Kummissjoni qed tippubblika Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Intern darbtejn fis-sena biex tirrappurta dwar iċ-ċifri ta' traspożizzjoni u ta' ksur li jirrigwardaw il-liġi dwar is-Suq Uniku. Barra minn hekk, kien hemm rapporti dwar il-governanza tas-Suq Uniku, bħas-SOLVIT u l-IMI.

Sabiex tagħti ħarsa aktar ċara lejn il-funzjonament tas-Suq Uniku b’mod ġenerali, dawn ir-rapporti issa ġew amalgamati f’Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Uniku onlajn biss li tkopri 13-il għodod differenti, li għandha tiġi aġġornata fuq bażi annwali.(għajr għall-istatistika dwar it-traspożizzjoni u l-proċedimenti ta' ksur, li għandhom jiġu aġġornati darbtejn fis-sena).

Il-Kroazja se tiżdied mill-edizzjoni tas-sena d-dieħla 'l quddiem.

Għal aktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/single-market-scoreboard

Kuntatti:

Chantal Hughes (+32 2 296 44 50)

Carmel Dunne (+32 2 299 88 94)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website