Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Xogħol mhux iddikjarat: Il-Kummissjoni tniedi konsultazzjoni mat-trejdjunjins u r-rappreżentanti ta’ min iħaddem

Commission Européenne - IP/13/650   04/07/2013

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-4 ta’ Lulju 2013

Xogħol mhux iddikjarat: Il-Kummissjoni tniedi konsultazzjoni mat-trejdjunjins u r-rappreżentanti ta’ min iħaddem

Il-Kummissjoni Ewropea llum nediet konsultazzjoni mar-rappreżentanti tat-trejdjunjins u tal-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem dwar il-possibbiltà li fil-ġejjieni l-UE tieħu miżuri biex tipprevjeni u tiskoraġġixxi x-xogħol mhux iddikjarat permezz ta’ kooperazzjoni mtejba bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-Istati Membri, bħall-ispettorati tal-impjiegi, l-awtoritajiet tat-taxxa u l-awtoritajiet tas-sigurtà soċjali. Din il-koperazzjoni tista' tinkludi l-qsim tal-aħjar prassi dwar il-miżuri għall-prevenzjoni u l-iskoraġġiment, l-identifikazzjoni ta' prinċipji komuni għall-ispezzjonijiet ta’ min iħaddem, il-promozzjoni ta' skambji ta’ persunal u taħriġ konġunt u l-faċilitazzjoni tal-azzjonijiet ta' kontroll konġunt.

László Andor, il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, qal: “Ix-xogħol mhux iddikjarat huwa pjaga — iqiegħed lill-ħaddiema f’riskju akbar ta’ faqar u f'kundizzjonijiet tax-xogħol potenzjalment perikolużi. Jimmina s-sigurtà tax-xogħol, l-aċċess għall-pensjonijiet u l-aċċess għall-kura tas-saħħa tal-ħaddiema. Iċaħħad lill-gvernijiet mid-dħul mit-taxxi u s-sigurtà soċjali. Il-gvernijiet, min iħaddem u t-trejdjunjins għandhom jaħdmu flimkien fil-livell tal-UE sabiex ix-xogħol mhux iddikjarat jiġi evitat u skoraġġut”.

Il-konsultazzjoni se tgħin lill-Kummissjoni biex timplimenta l-objettivi politiċi tagħha biex tindirizza x-xogħol mhux iddikjarat, kif stabbilit fil-Pakkett tal-Impjiegi ta' April 2012. Il-Pakkett jenfasizza li l-bdil ta’ xogħol informali, jew mhux iddikjarat, f'impjiegi regolari, jista' jgħin biex inaqqas il-qgħad. Il-pakkett għalhekk jenfasizza l-ħtieġa għal kooperazzjoni mtejba bejn l-Istati Membri dwar ix-xogħol mhux iddikjarat u jitlob għall-ħolqien ta’ pjattaforma fuq livell tal-UE għal l-ispettorati tax-xogħol u korpi oħra tal-infurzar li jaħdmu kontra x-xogħol mhux iddikjarat.

Id-dokument ta’ konsultazzjoni jagħti ħarsa ġenerali lejn il-problemi ewlenin li jirriżultaw mix-xogħol mhux iddikjarat (inkluż ix-xogħol 'taparsi' indipendenti), jirrevedi studji riċenti dwar ix-xogħol mhux iddikjarat u jiddeskrivi fil-qosor l-għanijiet u l-kontenut possibbli ta’ inizjattiva tal-UE futura biex tiġġieled ix-xogħol mhux iddikjarat. Din l-inizjattiva għandha tiġi adottata fit-tieni nofs tal-2013.

L-organizzazzjonijiet tal-impjegati u ta’ min iħaddem għandhom sal-20 ta’ Settembru 2013 biex iressqu l-fehmiet u l-kummenti tagħhom.

Sfond

Fil-livell Ewropew ix-xogħol mhux iddikjarat huwa definit bħala "kwalunkwe attività imħallsa li hija ta' natura legali iżda mhux iddikjarata lill-awtoritajiet pubbliċi, b'kunsiderazzjoni tad-differenzi fis-sistemi regolatorji tal-Istati Membri".

Ix-xogħol mhux iddikjarat huwa fenomenu kumpless, li jeżisti minħabba firxa ta’ fatturi differenti bħalma huma taxxi eċċessivament għolja fuq ix-xogħol u spejjeż oħrajn tax-xogħol, proċeduri amministrattivi kumplessi żżejjed u għalja, fiduċja baxxa fil-gvern, nuqqas ta’ mekkaniżmi tal-kontroll, nuqqas ta’ impjiegi regolari fis-suq tax-xogħol u livelli għolja ta’ esklużjoni soċjali u ta’ faqar. Modi aktar effiċjenti biex jiġi indirizzat ix-xogħol mhux iddikjarat għandhom jgħinu lill-Istati Membri jilħqu l-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020 li jiġi żgurat li 75 % ta’ dawk li għandhom bejn l-20 u l-64 sena ikollhom impjieg u li għallinqas 20 miljun ruħ inqas jgħixu fil-faqar jew ikunu fir-riskju tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali.

Livelli għolja ta’ xogħol mhux iddikjarat idgħajfu l-aġenda politika tal-UE mmirata lejn it-titjib tal-ħolqien tal-impjiegi, il-kwalità tal-impjiegi u l-konsolidazzjoni fiskali. Ix-xogħol mhux iddikjarat għandu implikazzjonijiet serji għall-baġit minħabba t-tnaqqis fid-dħul mit-taxxi u mill-ħlasijiet tas-sigurtà soċjali. Għandu impatt negattiv fuq l-impjiegi, il-produttività u fuq l-istandards tax-xogħol, l-iżvilupp tal-ħiliet u t-tagħlim tul il-ħajja. Jirrappreżenta biss bażi dgħajfa għad-drittijiet tal-pensjoni u għall-aċċess għall-kura tas-saħħa.

Il-prevenzjoni u l-iskoraġġiment tax-xogħol mhux iddikjarat huma primarjament fir-responsabbiltà tal-Istati Membri. Fid-dawl tal-kumplessità u l-eteroġenjetà tax-xogħol mhux iddikjarat, ma hemm l-ebda soluzzjoni sempliċi biex jiġi miġġieled. Madankollu, azzjoni fil-livell tal-UE għall-promozjoni tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-faċilitazzjoni tal-iskambju tal-aħjar prattika tista’ tikkomplementa sostanzjalment ir-rwol kruċjali li jaqdu dawn l-awtoritajiet fil-prevenzjoni, l-ittraċċar u s-sanzjonament tax-xogħol mhux iddikjarat.

Għal aktar informazzjoni:

L-aħbar fuq il-websajt tad-DĠ Impjiegi, Affarijiet Soċjali u Inklużjoni

il-websajt ta' László Andor's

Segwi lil László Andor fuq Twitter

Abbona mingħajr ħlas għal bullettin tal-aħbarijiet tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-inklużjoni

Kuntatti:

Jonathan Todd (+32 2 299 41 07)

Cécile Dubois (+32 2 295 18 83)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site