Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-Ambjent u l-Klima: Il-Kummissjoni tinvesti EUR 281.4 miljun fi proġetti ġodda dwar l-ambjent u l-klima

European Commission - IP/13/643   03/07/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-3 ta' Lulju 2013

L-Ambjent u l-Klima: Il-Kummissjoni tinvesti EUR 281.4 miljun fi proġetti ġodda dwar l-ambjent u l-klima

Il-Kummissjoni Ewropea approvat l-għoti ta’ fondi għal 248 proġett ġdid taħt il-programm "LIFE+", il-fond tal-Unjoni Ewropea għall-ambjent. Il-proġetti jkopru azzjonijiet fl-oqsma tal-konservazzjoni tan-natura, it-tibdil fil-klima, il-politika ambjentali, u l-informazzjoni u l-komunikazzjoni dwar kwistjonijiet ambjentali fl-Istati Membri kollha. Kollox ma' kollox, dawn jirrappreżentaw investiment totali ta’ EUR 556.4 miljun, li minnhom l-UE se tipprovdi EUR 281.4 miljun.

Il-Kummissarju għall-Ambjent Janez Potočnik qal: "Il-programm LIFE+ ikompli jipprovdi fondi vitali għal proġetti innovattivi. Dawn il-proġetti ġodda se jagħmlu kontribuzzjoni kbira għall-protezzjoni, il-konservazzjoni u t-titjib tal-kapital naturali tal-Ewropa. Dawn se jsostnu l-għan li l-ekonomija tal-UE tinbidel f'waħda effiċjenti fir-riżorsi, aktar ekoloġika u aktar kompettitiva b'emmissjonijiet baxxi tal-karbonju."

Il-Kummissarju għall-Azzjoni Klimatika, Connie Hedegaard qalet: "Jiena kuntenta li din is-sena qed nara li ġie kkonfermat sehem dejjem jikber tal-proġetti LIFE li se jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika. U aħna rridu saħansitra ntejbu dan: Mill-2014 sal-2020, il-programm LIFE il-ġdid se jipprevedi aktar minn EUR 850 miljun iddedikati lill-azzjoni klimatika. Bejn wieħed u ieħor, dan se jittripla l-ammont li qed jintefaq fuq l-azzjoni klimatika.”

Il-Kummissjoni rċeviet 1,159 applikazzjoni b'rispons għall-aħħar sejħa ta' proposti tagħha, li għalqet f'Settembru 2012.

Il-proġetti ta' "LIFE+ Natura u Bijodiversità" jtejbu l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet u l-ħabitats li jinsabu fil-periklu li jinqerdu. Mill-258 proposta li rċeviet, il-Kummissjoni għażlet 92 proġett għall-finanzjament, li ġejjin minn sħubiji ta’ korpi għall-konservazzjoni, awtoritajiet tal-gvern u partijiet oħrajn. Immexxija minn benefiċarji tal-proġett f'24 Stat Membru, dawn jirrappreżentaw investiment totali ta’ EUR 247.4 miljun, li minnhom l-UE se tipprovdi madwar EUR 139.3 miljun. Il-maġġoranza (82) huma proġetti ta' Natura, li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tad-Direttivi dwar l-Għasafar u/jew il-Ħabitats kif ukoll tan-netwerk Natura 2000. L-għaxar skemi pilota oħra se jindirizzaw kwistjonijiet usa' dwar il-bijodiversità (il-"proġetti ta’ bijodiversità" ta' LIFE+).

"LIFE+ Politika u Governanza Ambjentali" huma proġetti pilota li jgħinu fl-iżvilupp ta' ideat politiċi, teknoloġiji, metodi u strumenti innovattivi. Mis-743 proposta li rċeviet, il-Kummissjoni għażlet 146 proġett għall-finanzjament. Dawn il-proġetti ġejjin minn firxa wiesgħa ta' organizzazzjonijiet, kemm mis-settur pubbliku u kif ukoll minn dak privat. Il-progġetti magħżula, ġestiti minn benefiċarji tal-proġett fi 18-il Stat Membru, jirrappreżentaw investiment totali ta’ EUR 298.5 miljun, li minnhom l-UE se tipprovdi madwar EUR 136.8 miljun.

Taħt dan il-komponent, il-Kummissjoni se tikkontribwixxi aktar minn EUR 34.6 miljun għal 29 proġett li jindirizzaw, b’mod dirett, it-tibdil fil-klima u li għandhom baġit totali ta’ EUR 81.1 miljun. Barra minn hekk, bosta proġetti oħrajn li jiffukaw fuq kwistjonijiet oħrajn ukoll se jkollhom impatt indirett fuq l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra.

Oqsma importanti oħra li se jingħataw attenzjoni jinkludu l-ilma, l-iskart u r-riżorsi naturali, il-kimiċi, l-ambjent urban, il-ħamrija u l-kwalità tal-arja.

Il-proġetti "LIFE+ Informazzjoni u Komunikazzjoni" jxerrdu l-informazzjoni u jżidu l-interess fi kwistjonijiet ambjentali. Mill-158 proposta li rċeviet, il-Kummissjoni għażlet 10 proġetti, li ġejjin minn firxa ta' organizzazzjonijiet, kemm mis-settur pubbliku u kif ukoll minn dak privat, li huma attivi fl-oqsma tan-natura u/jew tal-ambjent. Il-proġetti huma bbażati f’disa’ Stati Membri differenti u jirrappreżentaw investiment totali ta’ EUR 10.5 miljun, li xi EUR 5.2 miljun minnhom se tipprovdihom l-UE.

Erba' mill-10 proġetti għandhom l-għan li jqajmu l-kuxjenza dwar il-kwistjonijiet tan-natura u l-bijodiversità, waqt li s-sitta l-oħra jiffokaw fuq kwistjonijiet ambjentali bħalma huma t-tibdil fil-klima, l-effiċjenza tar-riżorsi u l-prevenzjoni tat-tniġġis kostali.

Sfond

Fis-27 ta' Ġunju 2013, intlaħaq ftehim informali fi Brussell dwar il-perjodu li jmiss ta' finanzjament għall-programm LIFE (2014-2020). Il-bidliet jinkludu sezzjoni speċifika dwar il-mitigazzjoni u l-adattament tal-klima, u kategorija ġdida ta' finanzjament għal "Proġetti Integrati". Dan għandu jagħti spinta lill-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali, li tagħmel possibli li jiżdiedu l-proġetti billi jiġi mmobilizzat l-iffinanzjar addizzjonali minn fondi tal-UE, nazzjonali u privati. Issa hemm bżonn tal-approvazzjoni formali mill-Parlament u l-Kunsill biex il-ftehim isir liġi.

"LIFE+" huwa l-istrument finanzjarju tal-Unjoni Ewropea għall-ambjent u għandu baġit totali ta’ EUR 2,143 biljun għall-perjodu mill-2007 sal-2013. Kull sena, il-Kummissjoni toħroġ sejħa għall-proposti ta' proġetti li jaqgħu taħt "LIFE+".

Aktar tagħrif

Ġabra fil-qosor tal-proġetti l-ġodda kollha ffinanzjati fil-qafas tal-LIFE+, imqassma skont il-pajjiż: MEMO/13/638 (+ anness bil-proġetti tradotti kollha għal pajjiżek)

Għal tagħrif dwar LIFE+ u għal dettalji dwar "20 sena ta' LIFE", ara:

http://ec.europa.eu/life

Tista’ tikkuntattja wkoll lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti:

http://ec.europa.eu/environment/life/contact/nationalcontact/index.htm

Persuni ta’ kuntatt:

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)

Isaac Valero Ladron (+32 2 296 49 71)

Stephanie Rhomberg (+32 2 298 72 78)

Anness

Il-proġetti LIFE+ tal-2012

f’pajjiżek

Malta 3 proġetti (6.2 miljun)

LIFE+ Politika Ambjentali u Governanza (1 proġett – 0.8 miljun)

LifeMedGreenRoof (Università ta' Malta): Il-proġett se jibni żewġ soqfa ekoloġiċi għall-wiri bħala studji ta' każijiet fuq il-"Faculty for the Built Environment" fil-kampus tal-Università ta' Malta. L-għan ta' dan il-proġett huwa li juri li t-teknoloġija tas-soqfa ekoloġiċi hija sikura, ekonomikament effiċjenti u tipprovdi għal firxa ta' benefiċċji ambjentali, li tinkludi konsum enerġetiku aktar baxx, tnaqqis fir-riskju tal-għargħar u bijodiversità msaħħa. Kuntatt: alex.torpiano@um.edu.mt

LIFE+ Nature (2 proġetti – 5.4 miljun)

LIFE SAVING BUSKETT (Il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali - PARK Directorate): Il-proġett għandu l-għan li jtejjeb u jirrestawra l-mogħdijiet tal-ilma u x-xtut tax-xmajjar ta' Wied il-Luq, li jappoġġjaw il-foresti tar-rand u l-foresti li jikbru max-xtut. L-azzjonijiet se jinkludu t-tiswija tax-xtut, l-evitar tal-erożjoni tax-xmara u t-tneħħija tal-ispeċijiet ta' pjanti invażivi. Kuntatt: herman.galea@gov.mt

LIFE BaĦAR for N2K (L-Awtorità ta' Malta Dwar l-Ambjent u l-Ippjanar): L-għan ta' dan il-proġett huwa li jidentifika u jaħtar is-siti marini ġodda Natura 2000 u li jespandi s-siti eżistenti li għandhom il-ħabitats tal-baħar elenkati fl-Anness I tad-Direttiva dwar il-Ħabitats, jiġifieri: xtut imrammla li huma l-ħin kollu kemxejn koperti mill-ilma baħar; skolli; u għerien tal-baħar mgħaddsa jew parzjalment mgħaddsa. Kuntatt: bahar@mepa.org.mt


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website