Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

L-UE tippremja għar-raba’ darba l-eċċellenza tal-ġurnaliżmu fil-qasam tas-saħħa

Commission Européenne - IP/13/63   30/01/2013

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-30 ta' Jannar 2013

L-UE tippremja għar-raba’ darba l-eċċellenza tal-ġurnaliżmu fil-qasam tas-saħħa

Ir-rebbieħa tar-raba’ Premju tal-UE lill-Ġurnalisti fil-qasam tas-Saħħa tħabbru l-bieraħ filgħaxija minn Tonio Borg, il-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa u l-Politika tal-Konsumatur, waqt ċerimonja ta’ premjazzjoni fi Brussell. L-artikli rebbieħa, magħżula minn 557 sottomissjoni, minn ġurnalisti ġejjin mill-UE kollha, ikopru kwistjonijiet relatati mal-kura tas-saħħa u mas-servizzi tas-saħħa. Ingħata wkoll ‘premju speċjali’ dwar il-waqfien mit-tipjip. Ir-rebbieħa huma:

L-ewwel post: Petr Třešňàk li jikteb fir-rivista Respekt (tar-Repubblika Ċeka) għall-artiklu tiegħu “Avventuri fis-sala 14”, li jiddeskrivi l-istorja ta’ sala fi sptar psikjatriku li tara l-aktar każijiet diffiċli, u ta' infermiera ddedikata għal xogħolha li ħalliet impatt kbir.

It-tieni post: Ailbhe Jordan li tikteb fil-Medical Independent (tal-Irlanda) għall-artiklu tagħha “Is screening a waste of cash?” li jeżamina b’mod skjett id-dibatittu dwar il-valur u l-kosteffettività tal-iskrinjar tal-kanċer, speċjalment dak tal-kanċer tas-sider.

It-tielet post: Daniela Cipolloni li tikteb fir-rivista Oggi Scienza (tal-Italja) għall-artiklu tagħha "Dak il-gideb kollu li ntqal mill-banek tal-kurdun taż-żokra", li hekk kif jissuġġerixxi t-titlu, jitratta s-suġġett kontroversjali dwar il-konservazzjoni tal-kurdun taż-żokra ta' tarbija għal trattament mediku futur.

Ir-rebbieħ tal-premju speċjali: Tobias Zick li jikteb fir-rivista NEON (tal-Ġermanja) għall-artiklu intensiv tiegħu "Foga", li jesplora kif fil-Ġermanja, min ipejjep ma għadux jitqies bħala persuna ‘interessanti’, billi jagħti ħarsa ġenerali tal-aspetti storiċi, politiċi, legali u filosofiċi tal-kontroll tat-tabakk.

Il-Kummissarju Borg, waqt iċ-ċerimonja ta’ premjazzjoni qal: “L-erba’ ġurnalisti ppremjati llejla ma joqgħodux lura kemm fis-suġġetti li jqajmu, kif ukoll fl-istil tal-kitba li jużaw biex jesprimu dan. Għalkemm jittrattaw suġġetti differenti bħas-saħħa mentali, l-iskrinjar tal-kanċer, il-banek tad-demm tal-kurdun u l-kontroll tat-tabakk, l-element komuni fl-artikli rebbieħa huwa li jiddiskutu kwistjonijiet jaħarqu li għandhom bżonn jiġu diskussi fuq livell tal-UE".

Sfond

Il-Premju tal-UE lill-Ġurnalisti fil-qasam tas-Saħħa, li wasal fir-raba' sena tiegħu, għandu l-għan li jżid l-għarfien dwar kwistjonijiet importanti tas-saħħa li jaffettwaw il-ħajja tan-nies fl-UE kollha – kwistjonijiet li l-Kummissjoni Ewropea tindirizza permezz ta' leġiżlazzjoni jew inizjattivi oħra. Dan qiegħed ukoll biex iħeġġeġ u jippremja l-ġurnaliżmu eċċellenti fil-qasam tas-saħħa fl-Ewropa.

Is-suġġett ewlieni ta’ din l-edizzjoni tal-Premju kien għal darba oħra l-kampanja l-"Ewropa għall-Pazjenti", li tinkludi medda kbira ta' suġġetti relatati mal-kura tas-saħħa u mas-siurezza tal-pazjenti. It-tixjieħ attiv u b’saħħtu żdid mal-lista ta’ suġġetti, fid-dawl tal-fatt li l-2012 kienet is-Sena Ewropea għat-tixjiħ attiv u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet. Barra minn hekk, għat-tieni sena konsekuttiva kien hemm ‘premju speċjali’ dwar il-waqfien mit-tipjip, suġġett marbut max-xogħol ta’ prijorità tal-Kummissjoni għall-ġlieda kontra t-tabakk.

L-għażla tar-rebbieħa kienet proċedura f'żewġ stadji. Il-ġuriji nazzjonali għażlu finalist nazzjonali għas-suġġett prinċipali u, f’ċerti każijiet, finalist mill-kategorija speċjali tal-waqfien mit-tipjip. Il-ġurija tal-UE, magħmula minn uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea, esperti tas-saħħa pubblika u ġurnalisti, imbagħad iltaqgħu fi Brussell biex jiddeċiedu dwar l-erba' artikli rebbieħa. Il-finalisti kollha ġew mistiedna fi Brussell għal Seminar tal-Midja u għaċ-Ċerimonja ta’ Premjazzjoni.

Ir-rebbieħ u dawk li jiġu fit-tieni u t-tielet post tar-raba’ edizzjoni tal-Premju tal-UE lill-Ġurnalisti fil-qasam tas-Saħħa jirċievu premji tal-valur ta':

  • L-ewwel premju € 6 000

  • It-tieni premju € 2 500

  • It-tielet premju € 1 500

  • Il-premju speċjali dwar il-waqfien mit-tipjip € 3 0001.

Għal aktar tagħrif dwar il-Premju tal-UE lill-Ġurnalisti fil-qasam tas-Saħħa u biex taqra l-artikli rebbieħa u l-artikli li għaddew mill-ewwel fażi, irreferi għas-sit elettroniku:

http://ec.europa.eu/health-eu/journalist_prize/index_mt.htm

Twitter: @EU_Health

Kuntatti :

Shirin Wheeler (+32 2 296 65 65)

Annemarie Huber (+32 2 299 33 10)

1 :

Il-Premju huwa ffinanzjat mill-baġit tal-Programm tas-Saħħa tal-UE.


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site