Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-1 ta’ Lulju 2013

L-Esperiment Makroreġjonali tal-Ewropa: l-ewwel Evalwazzjoni

Illum il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat l-ewwel studju li jkejjel is-suċċess ta’ żewġ strateġiji makroreġjonali tal-UE u jipprovdi rakkomandazzjonijiet għall-futur.

L-Istrateġiji tal-UE tad-Danubju u tal-Baltiku, li jinvolvu iktar minn 20 pajjiż tal-UE u mhux tal-UE, kienu pijunieri ta' tip uniku ta’ kooperazzjoni, ibbażati fuq l-idea li sfidi komuni li jiffaċċaw reġjuni speċifiċi — kemm jekk relatati mal-ambjent, l-ekonomija jew is-sigurtà — l-aħjar li jiġu indirizzati kollettivament, u li jagħmel sens li jippjanaw flimkien għall-aħjar użu effettiv tal-fondi disponibbli.

B'kummenti fir-rigward tar-rapport, il-Kummissarju tal-UE għall-Politika Reġjonali, Johannes Hahn, qal: “L-istudju tal-lum juri l-valur ċar tal-istrateġija makroreġjonali tagħna. Il-kooperazzjoni intensifikata tagħhom irriżultat f’litteralment mijiet ta’ proġetti u netwerks ġodda fir-reġjuni tad-Danubju u tal-Baltiku. Fuq kollox, il-parteċipanti jgħidulna li l-kooperazzjoni — inkluża ma’ pajjiżi li mhumiex Stati Membri tal-UE ssaħħet b’mod sinifikanti.”

“Iżda, jekk irridu niżguraw suċċess dejjiemi l-approċċ għandu jitqiegħed fil-qalba tal-pjanijiet tal-politika tal-gvern u reġjonali — b’mod partikolari fit-tfassil ta’ programmi u proġetti ġodda għall-perjodu finanzjarju li jmiss — u appoġġjat minn biżżejjed riżorsi. Għandna bżonn anki sjieda iktar qawwija mir-reġjuni nnifishom, bit-twassil ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet aktar ċar u aktar viżibbiltà.”

Sa fejn l-istrateġiji ġodda huma kkonċernati, żied il-Kummissarju Hahn, "l-istrateġiji eżistenti jipprovdu lezzjonijiet utli għar-reġjuni makro ġodda potenzjali. Qabel ma titnieda kwalunkwe strateġija ġdida, għandna nikkunsidraw bir-reqqa x'inhuma l-għanijiet tagħha, liema valur miżjud tista’ ġġib, u kif din tingħata riżorsi adegwati. L-esperjenza turi li huwa utli li wieħed jikkonċentra fuq għadd limitat ta’ prijoritajiet fil-bidu. Naturalment kull reġjun huwa uniku, u makro reġjuni ġodda jkunu jistgħu jippruvaw approċċi ġodda biex japprofondixxu l-kooperazzjoni”

Ir-rapport jagħti riżultat verdett ġeneralment pożittiv fuq l-istrateġiji eżistenti s’issa. Hu jenfasizza kif dawn ħolqu mijiet ta’ proġetti ġodda u għen biex jifformulaw l-għanijiet politiċi komuni f’oqsma ta’ importanza vitali għar-reġjuni involuti. L-approċċ makroreġjonali wassal ukoll għal bosta inizjattivi u netwerks konġunti , kif ukoll deċiżjonijiet politiċi f’livell kollettiv.

Ir-rapport jgħid li l-kooperazzjoni bejn pajjiżi parteċipanti tal-UE u pajjiżi ġirien li mhumiex parti mill-UE, ssaħħet b’mod sinifikanti u li rriżultat f’aktar użu effiċjenti tar-riżorsi disponibbli.

Iżda r-rapport ifakkar il-gvernijiet dwar il-ħtieġa għal impenn politiku u biex l-istrateġiji jsiru prijorità madwar l-oqsma kollha tal-politika rilevanti, u jiżgura li dawn ikunu inkorporati fi programmi ta' Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej fil-futur, kif ukoll programmi oħra rilevanti tal-UE, reġjonali u oqfsa ta’ politika nazzjonali. Jenfasizza wkoll l-importanza ta’ riżorsi amministrattivi biex jintlaħqu l-għanijiet.

Dwar strateġiji makroreġjonali futuri, ir-rapport jenfasizza li inizjattivi ġodda għandhom jitniedu biss biex jiġu indirizzati bżonnijiet partikolari għal kooperazzjoni mtejba u ta’ livell għoli. Irid ikun hemm tħejjija sabiex l-impenn politiku jwassal għal appoġġ amministrattiv, u strateġiji ġodda għandhom juru biċ-ċar il-valur miżjud partikolari fuq livell tal-UE.

Sfond

L-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku (EUSBSR) — ġiet adottata fl-2009. L-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju (EUSDR) ġiet adottata f’Ġunju 2011. Ġiet mitluba Strateġija għar-Reġjun tal-Adrijatiku u tal-Jonju.

L-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku (EUSBSR)

L-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku (EUSBSR) tiġbor flimkien tmien Stati Membri (l-Isvezja, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Latvja, il-Litwanja u l-Polonja) li ngħaqdu biex jiġu ttrattati sfidi speċifiċi fiż-żona, b’mod partikolari l-istat ambjentali tal-Baħar Baltiku. L-Istrateġija tilqa’ wkoll il-kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien inklużi r-Russja u n-Norveġja.

Xi proġetti ewlenin:

Baltic Deal b'ħidma mal-bdiewa biex jgħinu biex jonqos it-telf tan-nutrijenti mill-irziezet, u jżommu l-produzzjoni u l-kompetittività.

Traffiku Effiċjenti, Sikur u Sostennibbli fuq il-Baħar (EfficienSea) jagħmel ir-Reġjun tal-Baħar Baltiku reġjun pilota għan-Navigazzjoni elettronika, billi tiġi żviluppata u ttestjata infrastruttura u servizzi għal Navigazzjoni elettronika, u l-iskambju ta’ prattika tajba b'mod wiesa'.

Baltic Manure li jbiddel id-demel minn problema ambjentali f’opportunità għal innovazzjoni ta' negozju. Il-proġett qed jipproduċi enerġija li tiġġedded u fertilizzanti organiċi.

BSR Stars għandu l-għan li jagħti spinta lill-kompetittività reġjonali u t-tkabbir b’rabtiet transnazzjonali ta’ riċerka u innovazzjoni: l-iffaċċjar ta’ sfidi komuni f’oqsma bħas-saħħa, l-enerġija u t-trasport sostenibbli.

L-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju (EUSDR)

L-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju (EUSDR) tkopri disa' pajjiżi tal-UE (il-Ġermanja, l-Awstrija, l-Ungerija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Slovakka, is-Slovenja, il-Bulgarija, ir-Rumanija u l-Kroazja) u ħames pajjiżi li mhumiex fl-UE (is-Serbja, il-Bosnja-Ħerzegovina, il-Montenegro, l-Ukraina u l-Moldova).

Il-proġetti jinkludu:

L-approċċ kooperattiv għen biex jitlesta l-Pont Vidin-Calafat bejn il-Bulgarija u r-Rumanija — kollegament vitali fuq rotta ta' prijorità ewlenija tan-Netwerk tat-Trasport Trans-Ewropew (TEN-T). Il-pont huwa biss it-tieni wieħed tul il-linja ta' 630 km tas-sezzjoni tax-xmara tal-fruntiera.

Il-proġett Danube Shipwreck Removal għandu l-għan li jneħħi nawfraġji mid-Danubju, is-Sava u t-Tisa fis-Serbja, ir-Rumanija u l-Bulgarija — b'titjib għan-navigazzjoni u l-kundizzjonijiet ekoloġiċi.

Id- Danube Region Business Forum, jipprovdi pjattaforma ta' netwerking importanti għal aktar minn 300 SMEs. Iħeġġeġ laqgħat bejn in-negozji, u jappoġġja rabtiet ma' fornituri tal-għarfien bħal istituti ta’ riċerka u universitajiet.

Inbdiet ħidma biex jinħoloq Fond għar-Riċerka u l-Innovazzjoni għad-Danubju li jiġbor flimkien fondi nazzjonali u reġjonali u li juża l-esperjenzi tal-programm BONUS fir-Reġjun tal-Baħar Baltiku.

Il-proġett Danube Floodrisk jippromwovi metodi ta’ kooperazzjoni ma’ 19-il istituzzjoni fi tmien pajjiżi tad-Danubju, l-iskambju tal-bażijiet tad-dejta u mmappjar tal-għargħar. Is-Sistema Ewropea ta' Sensibilizzazzjoni dwar l-Għargħar (EFAS) qiegħda wkoll twettaq ħidma komplimentari.

Strateġiji ġodda

Wara talba tal-Kunsill Ewropew, il-Kummissjoni se tippreżenta strateġija ġdida tal-UE għar-reġjun tal-Adrijatiku u tal-Jonju (EUSAIR) sa tmiem l-20141. Tmien pajjiżi huma involuti: Erba' Stati Membri tal-UE (il-Greċja, l-Italja, is-Slovenja u l-Kroazja) u erba' pajjiżi li mhumiex fl-UE (l-Albanija, il-Bosnja-Ħerzegovina, il-Montenegro u s-Serbja).

Fl-aħħar sentejn, kien hemm diversi diskussjonijiet, inkluża riżoluzzjoni riċenti mill-Parlament Ewropew, tal-fattibbiltà ta’ strateġija makroreġjonali fl-Alpi.

Aktar informazzjoni

L-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku

www.balticsea-region-strategy.eu

Strateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tad-Danubju

http://www.danube-region.eu/

Kuntatt:

Shirin Wheeler (+32 2 296 65 65)

Annemarie Huber (+32 2 299 33 10)

1 :

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-12-13 ta’ Diċembru 2012 (suġġetti għall-valutazzjoni tal-kunċett ta’ strateġiji makroreġjonali kif previst fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-13 ta’ April 2011).


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site