Navigation path

Left navigation

Additional tools

It-trasport marittimu: l-ewwel pass biex jitnaqqsu l-emissjonijiet

European Commission - IP/13/622   28/06/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-28 ta’ Ġunju 2013

It-trasport marittimu: l-ewwel pass biex jitnaqqsu l-emissjonijiet

Illum il-Kummissjoni Ewropea għamlet l-ewwel pass biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-industrija tat-trasport marittimu. Hija pproponiet leġiżlazzjoni li biha s-sidien ta' vapuri kbar li jużaw il-portijiet tal-UE jridu jimmonitorjaw u jirrappurtaw l-emissjonijiet annwali tad-diossidu tal-karbonju (is-CO2) tal-vapuri tagħhom. Il-Kummissjoni ppubblikat ukoll Komunikazzjoni dwar l-istrateġija tagħha biex tindirizza u tnaqqas dawn l-emissjonijiet, preferibbilment permezz ta' miżuri fuq livell globali.

Connie Hedegaard, il-Kummissarju tal-UE għall-Azzjoni Klimatika, qalet: "Illum qed inwittu t-triq biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mit-trasport marittimu. Is-sistema ta' monitoraġġ tal-UE se twassal għal vantaġġi ambjentali u ekonomiċi għas-settur tat-trasport marittimu billi żżid it-trasparenza fir-rigward tal-emissjonijiet u billi toħloq inċentiv għas-sidien tal-vapuri biex inaqqsu dawn l-emissjonijiet. Din l-inizjattiva hija konformi għal kollox mal-aħħar proposti dwar l-istandards globali tal-effiċjenza tal-fjuwil u l-miżuri bbażati fuq is-suq li qed jiġu diskussi fi ħdan l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (l-OMI). Sistema b’saħħitha ta’ monitoraġġ, rappurtar u verifika tal-emissjonijiet hija prerekwizit essenzjali biex ikun hemm diskussjonijiet infurmati fl-Ewropa u mad-dinja kollha dwar il-miri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet f’dan is-settur."

Siim Kallas, il-Viċi President tal-Kummissjoni responsabbli mill-mobilità u t-trasport, qal: "Aħna nagħrfu li t-trasport marittimu jrid jikkontribwixxi għall-isforzi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, preferibbilment permezz ta' miżuri globali li huma l-aktar miżuri effettivi mil-lat ambjentali u li jagħmlu sens mil-lat ekonomiku. Għal settur globali bħal dak tat-trapsort marittimu, dan jista' jinkiseb bl-aħjar mod permezz tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali. Abbażi tal-iskema politika ppreżentata llum, l-UE se tkompli bl-isforzi tagħha biex tikseb soluzzjoni internazzjonali komprensiva flimkien mas-sħab globali tagħha. Il-proposta tal-lum tagħti kontribut sinifikanti lill-isforzi tal-OMI biex jitnaqqas l-użu tal-fjuwil u tiżdied l-effiċjenza tal-fjuwil tal-vapuri permezz ta' għadd ta' strumenti li jinkludu miżuri tekniċi u miżuri bbażati fuq is-suq."

Attenzjoni partikolari għall-emissjonijiet ta' vapuri kbar

Il-proposta1 se toħloq qafas legali fl-UE kollha għall-ġbir u l-ippubblikar ta' dejta annwali vverifikata dwar l-emissjonijiet tas-CO2 mill-vapuri l-kbar kollha (il-vapuri ta’ aktar minn 5 000 tunnellata grossa) li jużaw il-portijiet tal-UE, irrispettivament mill-pajjiż fejn dawn il-vapuri jkunu rreġistrati.

Is-sidien tal-vapuri se jkollhom jimmonitorjaw u jirrappurtaw l-ammont ivverifikat ta' emissjonijiet tas-CO2 li jkunu ġejjin mill-vapuri l-kbar tagħhom waqt li dawn ikunu qed ibaħħru lejn il-portijiet tal-UE, minnhom u bejniethom. Is-sidien se jkollhom jipprovdu wkoll ċerta informazzjoni oħra, bħad-dejta meħtieġa biex tiġi stabbilita l-effiċjenza enerġetika tal-vapuri.

Abbord il-vapuri jrid ikun hemm dokument ta' konformità maħruġ minn verifikatur indipendenti, li jista' jiġi spezzjonat mill-awtoritajiet tal-Istati Membri.

Ġie propost li dawn ir-regoli jibdew japplikaw mill-1 ta' Jannar 2018.

Lejn il-ħolqien ta’ sistema globali

Is-sistema Ewropea hija maħsuba biex isservi bħala l-bażi għal sistema globali. Ir-regoli proposti huma mfassla biex jappoġġaw approċċ għall-iffissar ta' standards globali tal-effiċjenza enerġetika għall-vapuri eżistenti maqsum fi stadji differenti, kif propost mill-Istati Uniti u appoġġat minn membri oħra tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali. Ir-regoli tal-UE se jiġu adattati għall-istandards globali jekk u meta titwaqqaf sistema globali.

Tnaqqis tal-piż amministrattiv

Il-proposta tal-Kummissjoni għandha l-għan li tnaqqas il-piż amministrattiv għall-kumpaniji billi tibbaża r-regoli fuq dokumenti eżistenti u fuq it-tagħmir li diġà hemm abbord il-vapuri. Il-kumpaniji se jkunu jistgħu jagħżlu l-metodoloġija ppreferuta tagħhom għall-monitoraġġ.

Tnaqqis tal-emissjonijiet u tal-ispejjeż

Skont il-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni, is-sistema proposta ta' monitoraġġ, rappurtar u verifika (MRV) fl-UE kollha mistennija tnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2 mill-vjaġġi koperti b’ammont sa 2 % meta mqabbel mas-sitwazzjoni fejn kollox jibqa’ kif inhu. Fl-2030, is-sistema se tnaqqas ukoll l-ispejjeż netti għas-sidien b’ammont sa EUR 1.2 biljun fis-sena.

Barra minn hekk, din se tipprovdi informazzjoni utli dwar il-prestazzjoni tal-vapuri individwali, l-ispejjeż operattivi assoċjati magħhom u l-valur potenzjali tal-bejgħ mill-ġdid tagħhom. Dan se jkun ta' benefiċċju għas-sidien tal-vapuri, li se jkunu f'qagħda aħjar biex jieħdu deċiżjonijiet dwar investimenti kbar u biex jiksbu l-finanzjament korrispondenti.

Il-passi li jmiss

Il-proposta issa se tiġi eżaminata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, billi tinħtieġ l-approvazzjoni tagħhom sabiex din tidħol fis-seħħ bħala liġi.

Sfond

Illum il-ġurnata, l-emissjonijiet mis-settur tat-trasport marittimu internazzjonali jammontaw għal 3 % tal-emissjonijiet globali tal-gassijiet serra (GHG) u għal 4 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra fl-UE. Jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni, dawn mistennija jiżdiedu b'mod sinifikanti fil-futur, f'konformità maż-żidiet li mistennija jkun hemm fil-volum tan-negozju bejn il-kontinenti kollha. Dan it-tkabbir se jxekkel l-isforzi li qed isiru f'setturi oħra biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ġenerali tal-gassijiet serra fl-UE.

Memo/13/626

Kuntatti:

Isaac Valero Ladron (+32 2 296 49 71)

Stephanie Rhomberg (+32 2 298 72 78)

Helen Kearns (+32 2 298 76 38)

Dale Kidd (+32 2 295 74 61)

1 :

Proposta għal Regolament dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-ivverifikar tal-emissjonijiet tas-CO2 mit-trasport marittimu.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website