Navigation path

Left navigation

Additional tools

Ftehim politiku dwar orjentazzjoni ġdida għall-Politika Agrikola Komuni

European Commission - IP/13/613   26/06/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-26 ta’ Ġunju 2013

Ftehim politiku dwar orjentazzjoni ġdida għall-Politika Agrikola Komuni

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Ministri tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea waslu għal ftehim dwar ir-riforma tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) li għandha sseħħ wara l-2013. "Ninsab kuntent b'dan il-ftehim li jagħti orjentazzjoni ġdida lill-Politika Agrikola Komuni u li jqis aħjar l-istennija tas-soċjetà li esprimiet ruħha matul id-dibattitu pubbliku tar-Rebbiegħa tal-2010. Dan il-ftehim se jwassal għal bdil mill-għeruq: il-pagamenti diretti jsiru aktar ġustiu ekoloġiċi, tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-bdiewa fi ħdan il-katina alimentari, u l-PAK issir aktar effiċjenti u aktar trasparenti. Dawn id-deċiżjonijiet huma rispons qawwi min-naħa tal-UE biex tirreaġixxi għall-isfidi tas-sikurezza alimentari, tat-tibdil fil-klima, tat-tkabbir u tal-impjiegi fiż-żoni rurali. Il-PAK se tikkontribwixxi bis-sħiħ biex jintlaħaq l-objettiv globali li jiġi promoss tkabbir sostenibbli intelliġenti u inklussiv", stqarr Dacian Cioloş, il-Kummissarju Ewropew tal-Agrikoltura u tal-Iżvilupp Rurali.

PAK aktar ekwu

Il-pagamenti diretti se jitqassmu b'mod aktar ekwu bejn l-Istati Membri, bejn ir-reġjuni u bejn il-bdiewa, u dan se jwassal għat-tmiem tar-"referenzi storiċi" :

  1. Il-konverġenza : it-tqassim tal-baġit tal-PAK se jiżgura li l-ebda Stat Membru ma jirċievi inqas minn 75% tal-medja Komunitarja minn issa sal-20191. Id-differenzi fil-livelli ta' għajnuna li jirċievi l-istess Stat Membru jew reġjun se jonqsu minn wieħed għall-ieħor : l-għajnuna għal kull ettaru ma tistax tkun inqas minn 60% tal-medja ta' għajnuna li tingħata minn issa sal-2019 fl-istess żona amministrattiva jew agronomika. L-Istat Membri se jkunu jistgħu jagħtu aktar għajnuna għall-“ewwel ettaru” b’mod li jgħinu lill-istrutturi ta’ daqs żgħir u ta’ daqs medju. Għall-Istati Membri l-ġodda, il-mekkaniżmu SAPS (pagament uniku għal kull ettaru) jista' jiġi estiż sal-2020.

  2. Huma biss il-bdiewa attivi li se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna għad-dħul (lista tal-attivitajiet esklużi).

  3. Bdiewa żgħażagħ : l-istabbiliment tal-ewwel impriża taż-żgħażagħ se jiġi inkoraġġut ħafna, permezz ta’ suppliment t’għajnuna ta’ 25% matul l-ewwel ħames snin u dan se japplika fl-Istati Membri kollha. Din l-għajnuna se tiżdied mal-miżuri ta’ investiment favur iż-żgħażagħ li huma diġà disponibbli.

  4. L-Istati Membri se jkunu jistgħu wkoll jagħtu aktar għajnuna liż-żoni żvantaġġati. Pagamenti akkoppjati jistgħu jiġu allokati lil għadd limitat ta' produzzjonijiet, b'akkoppjament speċifiku ta' 2% għall-proteini veġetali bil-għan li jitnaqqas il-livell tad-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet f’dan id-dominju.

PAK li ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina alimentari

L-orjentazzjoni lejn is-suq tal-agrikoltura Ewropea se tkun akkumpanjata minn metodi ġodda li se jingħataw lill-bdiewa biex ikollhow rwol aktar fis-sod fil-katina alimentari.

  1. L-organizzazzjonijiet professjonali u interprofessjonali se jiġu promossi, għal ċerti setturi, permezz ta' regoli speċifiċi f'dak li jikkonċerna l-liġi dwar il-kompetizzjoni (il-ħalib, il-laħam taċ-ċanga, iż-żejt taż-żebbuġa, iċ-ċereali). Dawn se jkunu jistgħu jinnegozjaw kuntratti tal-bejgħ f’isem il-membri tagħhom u jiġġeneraw titjib fl-effiċjenza.

  2. Il-kwoti taz-zokkor se jitneħħew fl-2017, filwaqt li tissaħħaħ l-organizzazzjoni tas-settur abbażi tal-kuntratti u l-ftehimiet interprofessjonali obbligatorji.

  3. L-iskema tad-drittijiet tat-tħawwil fis-settur tal-vitivinikultura se tiġi sostitwita, b'effett mill-2016, minn mekkaniżmu dinamiku tal-immaniġġjar tal-awtorizzazzjonijiet tat-tħawwil li se jinvolvi aktar lill-professjonisti, li se jkun applikabbli sal-2030, b'limitu ta' tħawwil stabbilit għal 1% tad-dwieli fis-sena.

    Barra minn hekk, se jidħlu fis-seħħ miżuri ġodda għall-immaniġġjar tal-kriżi :

  4. Il-Kummissjoni se tkun tista' tawtorizza temporanjament lill-produtturi jimmaniġġjaw il-kwantitajiet li jitqiegħdu fis-suq.

  5. Se tiġi stabbilita riżerva għall-kriżijiet (klawżola ta' emerġenza mifruxa).

  6. Fil-qafas tal-programmi tal-iżvilupp rurali, l-Istati Membri se jkunu jistgħu jinkoraġġixxu lill-bdiewa jipparteċipaw f'mekkaniżmi għall-prevenzjoni tar-riskji (assigurazzjonijiet fuq id-dħul jew fondi reċiproċi) u jfasslu subprogrammi għas-setturi li jħabbtu wiċċhom ma' problemi speċifiċi.

PAK aktar ekoloġika

Sabiex jinkiseb l-impatt pożittiv mistenni, kull Stat Membru, kull territorju, u kull bidwi jrid jikkontribwixxi għall-isfida tas-sostenibbiltà u għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima permezz ta’ miżuri sempliċi. Bejn l-2014 u l-2020 se jiġu investiti aktar minn EUR 100 biljun biex jgħinu lill-agrikoltura tirreaġixxi għall-isfida tal-kwalità tal-ħamrija, tal-ilma, tal-bijodiversità u tat-tibdil fil-klima :

  1. "L-ekoloġizzazzjoni ": 30% tal-pagamenti diretti se jkunu marbuta ma' tliet prattiċi agrikoli li huma ta' benefiċċju għall-ambjent : id-diversifikazzjoni tal-uċuħ tar-raba', il-manutenzjoni ta' bwar permanenti u l-ħarsien ta' 5% imbagħad 7% ta' żoni li huma ta' interess ekoloġiku mill-2018 'l hemm jew miżuri li ftit jew wisq jitqiesu ekwivalenti f’dak li jirrigwarda l-benefiċċji għall-ambjent;

  2. Minimu ta’ 30% tal-baġit tal-programmi għall-iżvilupp rurali se jkollu jiġi allokat għal miżuri agroambjentali, għall-appoġġ tal-agrikoltura bijoloġika jew għal proġetti marbuta ma’ investimenti jew miżuri tal-innovazzjoni li huma tajbin għall-ambjent.

  3. Il-miżuri agroambjentali se jiġu rinforzati. Huma għandhom jikkomplimentaw il-prattiċi appoġġati fil-qafas tal-ekoloġizzazzjoni. Dawn il-programmi jridu jkunu aktar ambizzjużi u għaldaqstant aktar effikaċi fir-rigward tal-ħarsien tal-ambjent (biex jiġi żgurat li ma jsirx finanzjament doppju).

PAK aktar effikaċi u aktar trasparenti

Il-miżuri tal-PAK se jippermettu lil kull Stat Membru tal-UE jilħaq l-għanijiet komuni, b'mod effikaċi u flessibbli, biex titqies id-diversità tas-27 Stat Membru li dalwaqt se jsiru 28 Stat Membru :

  1. Il-mezzi li jappoġġaw ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-qsim tal-għarfien se jirduppjaw.

  2. Il-programmi tal-iżvilupp rurali se jkunu koordinati aħjar flimkien mal-fondi l-oħra Ewropej u l-approċċ bl-assi se jiġi sostitwit b'approċċ strateġiku nazzjonali jew reġjonali li huwa aktar flessibbli.

  3. Skema ta' għajnuna aktar sempliċi għall-bdiewa ż-żgħar se tkun għad-dispożizzjoni ta' dawk l-Istati Membri li jixtiequha ;

  4. L-għajnuna kollha tal-PAK se tiġi ppubblikata, ħlief għall-ħlasijiet żgħar ħafna li jingħataw lill-bdiewa ż-żgħar.

L-elementi kollha tar-riforma se japplikaw mill-1 ta' Jannar 2014, ħlief għall-istruttura l-ġdida tal-pagamenti diretti (pagamenti "ekoloġiċi", għajnuna addizzjonali għaż-żgħażagħ eċċ.) li se tkun applikabbli mill-2015 biex tagħti żmien biżżejjed lill-Istati Membri biex jinfurmaw lill-bdiewa dwar il-PAK il-ġdida u biex jadottaw is-sistemi tal-informatika tal-immaniġġjar tal-PAK.

Għal aktar informazzjoni

MEMO/13/621

Kuntatti :

Fanny Dabertrand (+32 2 299 06 25)

Roger Waite (+32 2 296 14 04)

1 :

Dan il-punt għandu jiġi approvat fil-qafas tad-diskussjonijiet tal-MFF (qafas finanzjarju multiannwali)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website