Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-26 ta’ Ġunju 2013

Il-Broadband fl-Ewropa: Il-Konsumaturi mhumiex qed jieħdu l-veloċità tal-internet li qed iħallsu għaliha

Il-konsumaturi Ewropej mhumiex qed jieħdu l-veloċitajiet ta' tniżżil bil-broadband li qed iħallsu għalihom. Bħala medja, huma jkollhom biss 74% tal-veloċità primarja rreklamata li jkunu ħallsu għaliha, skont studju ġdid tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-prestazzjoni tal-broadband fiss.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Neelie Kroes qalet: "Din hija l-ewwel darba li d-differenza bejn il-veloċitajiet tal-broadband irreklamati u dawk reali qed tiġi kkonfermata minn dejta paragonabbli u affidabbli mill-Istati Membri kollha tal-UE." Hemm differenzi sinifikanti fis-swieq nazzjonali Ewropej, x'aktarx minħabba l-prattiċi ta' reklamar. Kroes tgħid "Il-konsumaturi għandhom bżonn aktar dejta bħal din biex tgħinhom jgħamlu għażliet infurmati, għalhekk aħna ser nirrepetu l-eżerċizzju. Dawn ir-riżultati nikkunsidrawhom bħala xħieda ulterjuri tal-bżonn ta' suq uniku tassew konness."

Sejbiet ewlenin fl-istudju jinkludu:

  • Il-kejbil għandu l-aktar veloċitajiet ta' tniżżil affidabbli: Il-medja Ewropea ta' 74% taħbi tibdil sinifikattiv fil-prestazzjoni ta' teknoloġiji differenti. Servizzi bbażati fuq l-xDSL kisbu biss 63.3% tal-veloċità primarja ta' tniżżil irreklamata, meta mqabbla ma' 91.4% għall-kejbil u 84.4% għall-FTTx. (ara l-Anness).

  • F'termini assoluti, il-medja ta' veloċità ta' tniżżil madwar il-pajjiżi kollha bit-teknoloġiji kollha kienet ta' 19.47 Mbps matul il-ħinijiet l-aktar intensivi. Is-servizzi tal-FTTx kisbu l-akbar veloċitajiet b'41.02 Mbps. Is-servizzi tal-kejbil kisbu 33.10Mbps, filwaqt li servizzi xSDL baqgħu lura ħafna b'7.2Mbps bħala medja.

  • Il-veloċitajiet biex ittella' huma aktar viċin tal-veloċitajiet irreklamati tagħhom. Madwar l-Ewropa, il-veloċità medja biex ittella' kienet ta' 6.20 Mbps, li tirrappreżenta 88% tal-veloċitajiet biex ittella' irreklamati. Is-servizzi tal-FTTx kisbu l-ogħla veloċitajiet s'issa b'19.8 Mbps. Dan minħabba li ħafna servizzi tal-FTTx jipprovdu veloċità biex ittella' ħafna aktar viċin tal-veloċità ta' tniżżil. Servizzi tal-kejbil u tal-xDSL kisbu ċifra modesta ta' 3.68Mbps u 0.69Mbps rispettivament.

    Ir-riżultati huma bbażati fuq il-prestazzjoni fil-ħinijiet l-aktar intensivi, li huma mfissra bħala l-ġranet ta' matul il-ġimgħa mis-7.00pm sal-11.00pm (inklużi). Dawn huma r-riżultati kumplessivi tal-kampjun ta' studju u ma jirreferux għall-għamla proprja tas-suq tal-broadband madwar kull pajjiż.

Appella għal voluntiera:

Dan l-istudju ser jibqa' sejjer sal-aħħar tal-2014 u hemm ippjanati żewġ eżerċizzji oħra ta' kejl kull sena. Il-konsumaturi Ewropej jistgħu jkejjlu l-prestazzjoni tal-ISPs tagħhom stess billi jingħaqdu ma' komunità ta' voluntiera madwar il-pajjiżi EU 27 filmkien mal-Kroazja, l-Islanda u n-Norveġja. Numru ta' konsumaturi magħżula ser jintbagħatilhom apparat żgħir biex iqabbduh mal-konnessjoni tal-internet tad-dar tagħhom. Dan l-apparat jagħmel numru ta' testijiet awtomatizzati meta l-linja ma tkunx qed tintuża. Dan jistabbilixxi l-veloċità u l-prestazzjoni tal-konnessjoni tal-broadband tagħhom. Mur hawn għal aktar informazzjoni.

Sfond

Il-veloċitajiet ta' prodotti broadband huma rreklamati bħala "sa XX Mbit/s". Din il-veloċità tissejjaħ veloċità "irreklamata", "nominali" jew "primarja" u hija dik li naraw fi-reklami. Iżda jista' jkun hemm differenzi sinifikattivi bejn il-veloċità irreklamata u l-veloċità proprja li jirċievu l-konsumaturi. Il-varjazzjonijiet fil-prestazzjoni tat-tniżżil bejn l-Istati Membri huma l-aktar minħabba teknoloġiji li ntużaw storikament f'dawk il-pajjiżi.

Ir-riċerka turi li bejn 27% u 41% tal-abbonati tal-Internet Ewropej jistqarru li l-veloċità ta' tniżżil tagħhom ma taqbilx ma' dik fit-termini tal-kuntratti tagħhom. U kważi nofs l-abbonati fl-UE jistqarru li xi drabi jkollhom diffikultà fejn jidħol aċċess ta' kontenut u applikazzjonijiet onlajn minħabba veloċità jew kapaċità insufffiċjenti.

Dan huwa l-ewwel studju fuq il-prestazzjoni tal-broadband li jkopri l-Istati Membri kollha tal-UE, inkluża l-Kroazja li dalwaqt ser tingħaqad mal-UE , kif ukoll in-Norveġja u l-Islanda, bl-użu tal-istess approċċ. Dan il-proġett qed jitmexxa mill-ispeċjalista tal-ittestjar tal-prestazzjoni tal-broadband, SamKnows, li diġa' mexxa proġetti simili fir-Renju Unit u fl-Istati Uniti.

Huwa bbażat fuq metodoloġija li tuża apparat ta' ħardwer u tipprovdi l-aktar riżultati preċiżi u indipendenti ta' prestazzjoni tal-internet irrispettivament mit-teknoloġija ta' aċċess u l-istallazzjoni ġod-dar. Din il-metodoloġija intużat ukoll minn regolaturi nazzjonali fl-Istati Uniti, ir-Renju Unit, il-Brażil u Singapore.

Ir-rapport ta' Fażi 1 tlesta b'mod indipendenti mill-Fornituri tas-Servizz tal-Internet (ISPs), madankollu l-ISPs huma mistiedna jipparteċipaw f'Fażi 2 u għandhom jikkuntattjaw lil ec@samknows.com għal aktar informazzjoni.

Ir-riżultati ttieħdu f'Marzu 2012 minn bord ta' 9.104 parteċipant. Il-kejl sar għal 3,065,341,850 darba waqt 75,978,173 test uniku.

Links utli

Rapport / Studju

It-tabella ta' valutazzjoni tal-Agenda Digitali

Aġenda Diġitali

Neelie Kroes

Segwi lil Neelie fuq Twitter

Kuntatti :

Ryan Heath (+32 2 296 17 16), Twitter: @RyanHeathEU

Linda Cain (+32 2 299 90 19)

Anness

Xi pajjiżi ma jidhrux fit-tabelli jew minħabba li t-teknoloġija mhijiex disponibbli jew in-numru ta' punti ta' dejta mhuwiex biżżejjed biex jiġu ffurmati riżultati paragonabbli.

Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED
Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED
Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED

Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website