Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-26 ta’ Ġunju 2013

Fatturar elettroniku fl-akkwist pubbliku: pass ieħor lejn akkwist elettroniku u gvern elettroniku minn tarf sa ieħor fl-Ewropa

Il-Kummissjoni Ewropea illum ipproponiet abbozz ta' direttiva fuq il-fatturar elettroniku fl-akkwist pubbliku, akkumpanjat minn komunikazzjoni li tistabbilixxi l-viżjoni tagħha għad-diġitalizzazzjoni sħiħa tal-proċess ta' akkwist pubbliku, l-hekk imsejjaħ 'akkwist elettroniku minn tarf sa ieħor'.

Il-fatturar elettroniku huwa pass importanti lejn amministrazzjoni pubblika mingħajr karti (gvern elettroniku) fl-Ewropa – wieħed mill-prijoritajiet tal-Aġenda Diġitali – u joffri l-potenzjal għal benefiċċji ekonomiċi kif ukoll ambjentali sinifikanti. Il-Kummissjoni tikkalkula li l-adozzjoni tal-fatturar elettroniku fl-akkwist pubbliku madwar l-UE tista' tiġġenera iffrankar ta' €2.3 biljun.

Michel Barnier, il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi qal: "L-iżgurar li l-amministrazzjonijiet pubbliċi fl-UE huma moderni u effiċjenti hija prijorità għall-Kumissjoni Ewropea. Il-bidla għall-akkwist elettroniku, u b'mod partikolari għall-fatturar elettroniku, tista' ġġib iffrankar sinifikanti u tagħmel il-ħajja aktar faċli kemm għall-gvernijiet kif ukoll għall-eluf ta' negozji attivi fis-Suq Intern. Il-bidla mill-karta għall-fatturar kompletament awtomatizzat tista' tnaqqas in-nefqa biex wieħed jirċievi fattura minn 30-50 ewro għal ewro. Dan l-iffrankar huwa tajjeb u bżonnjuż fil-klima ekonomika preżenti. Bħala dak bl-akbar nefqa fl-UE, is-settur pubbliku għandu jkollu rwol ewlieni biex jistimola l-użu tagħha."

Elementi ewlenin tal-inizjattiva:

Il-fatturar elettroniku

L-abbozz ta' direttiva fuq il-fatturar elettroniku fl-akkwist pubbliku tipproponi l-istabbiliment ta' standard ta' fatturar elettroniku Ewropew li huwa mistenni jtejjeb l-interoperabilità bejn sistemi differenti ta' fatturar elettroniku , l-aktar nazzjonali.

Għandha l-għan li telimina l-inċertezza legali, l-kumplessità eċċessiva, u spejjeż operazzjonali ulterjuri għal operaturi ekonomiċi li fil-preżent ikollhom jużaw fatturi elettroniċi differenti madwar l-Istati Membri. Ser tgħin ukoll tagħti spinta lill-użu tal-fatturar elettroniku fl-Ewropa li jibqa' baxx ħafna, b'ammont ta' biss 4-15% tal-fatturi kollha skambjati.

Akkwist minn tarf sa ieħor

Il-Komunikazzjoni dwar akkwist minn tarf sa ieħor tpoġġi l-abbozz ta' Direttiva fuq il-fatturar elettroniku fl-akkwist pubbliku f'kuntest aktar wiesa' u tippreżenta l-viżjoni tal-Kummissjoni dwar id-diġitalizzazzjoni tal-proċess tal-akkwist pubbliku. Tidentifika l-qagħda preżenti fl-implimentazzjoni tal-akkwist elettroniku u l-fatturar elettroniku madwar l-UE u tistabbilixxi l-oqsma li fihom għandhom jittieħdu d-deċiżjonijiet biex tirnexxi t-tranżizzjoni lejn akkwist elettroniku minn tarf sa ieħor:

  • Il-fatturar elettroniku jsir ir-regola u mhux l-eċċezzjoni fl-akkwist pubbliku;

  • Isir progress fix-xogħol ta' standardizzazzjoni;

  • Jitfasslu strateġiji nazzjonali għall-akkwist elettroniku minn tarf sa ieħor;

  • Qsim tal-aħjar prattika.

Il-Komunikazzjoni għandha sservi ta' bażi għal inizjattivi possibbli fil-futur dwar diġitalizzazzjoni ulterjuri tal-proċess tal-akkwist pubbliku.

Kuntest:

The Aġenda Diġitali għall-Ewropa,wieħed mill-pilastri tal-Istrateġija Ewropa 2020, tidentifika l-gvern elettroniku u s-Suq Uniku Diġitali bħala elementi kruċjali ta' ekonomija tal-UE moderna u kompetittiva. F'dan il-qafas, il-Kummissjoni għamlet sforzi sinifikanti biex tiddiġitalizza l-akkwist pubbliku fl-UE. Fl-aħħar tal-2011, bħala parti mill-modernizzazzjoni tal-afas legali tal-akkwist pubbliku (IP/11/1580), il-Kummissjoni pproponiet li tagħmel il-fażijiet ta' notifikar elettroniku, aċċess elettroniku għad-dokumenti ta' akkwist, u l-fażijiet ta' sottomissjoni elettronika obbligatorji madwar l-UE. In-negozjati ta' dik ir-reviżjoni ta' regoli ta' akkwist pubbliku waslu fl-aħħar fażijiet.

F'April 2012, din kiene segwita mill-Komunikazzjoni "Strateġija għall-akkwist elettroniku "(IP/12/389), li stabbiliet strateġija għall-bidla għall-akkwist elettroniku. Fl-2010, il-Kummissjoni ppubblikat Komunikazzjoni bit-titlu " Il-Ħsad tal-benefiċċji tal-fatturar elettroniku fl-Ewropa", li ħeġġet lill-Istati Membri jadottaw il-fatturar elettroniku u jindirizzaw il-problemi li jirriżultaw min-nuqqas ta' interpoerabilità bejn sistemi ta' fatturar elettroniku eżistenti. Il-Komunikazzjoni appellat biex "il-fatturar elettroniku jsir il-metodu standard ta' fatturar sal-2020". Fl-2012, il-Kunsill Ewropew appella għal miżuri biex jippromwovu l-fatturar elettroniku, u l-Parlament Ewropew appella biex dan isir obbligatorju fl-akkwist pubbliku sal-2016. Bħala riżultat ta' dawn l-appelli u l-benefiċċji li joffri, f'Ottubru 2012 l-Att dwar is-Suq Uniku II (IP/12/1054) identifika proposta fuq fatturar elettroniku fl-akkwist pubbliku bħala waħda mit-tnax-il azzjoni ewlenija tiegħu.

L-amministrazzjoni tal-akkwist pubbliku hija ta' importanza primarja fil-kuntest preċenti ta' konsolidazzjoni fiskali. Minħabba li n-nefqa pubblika fuq prodotti, xogħlijiet u servizzi tirrapreżenta 19% tal-PGD tal-UE, amministrazzjoni aktar effiċjenti tista' tikkontrobwixxi b'mod sinifikattiv fit-titjib tal-effiċjenza ġenerali tan-nefqa pubblika. Amministrazzjoni pubblika effettiva hija element ewlieni tal-kompetittività tal-ekonomija tal-UE. Il-modernizzazzjoni ta' amministrazzjoni pubblika ġiet identifikata bħala waħda mill-ħames prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-Kummissjoni fl-2010 u l-2013. Ir-riforma ta' akkwist pubbliku, id-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika, it-tnaqqis tal-ostakli amministrattivi u ż-żieda fit-trasparenza, kollha jwasslu għal tkabbir.

It-tranżizzjoni għal akkwist elettroniku minn tarf sa ieħor tista' toħloq dawn il-benefiċċji kollha u aktar: tista' tissarraf f'iffrankar sinifikanti u f'simplifikar għall-atturi tas-suq, tiffaċilita l-innovazzjoni u tibda ririkonsiderazzjoni strutturali ta' xi oqsma ta' amministrazzjoni pubblika. Tista' wkoll tiffaċilita l-parteċipazzjoni fl-akkwist pubbliku tal-SME billi tnaqqas l-ostakli amministrattivi, billi żżid it-trasparenza fuq opportunitajiet ta' negozju u billi tnaqqas l-ispejjeż ta' parteċipazzjoni.

Il-passi li jmiss

Il-proposta tal-Kummissjoni fuq il-fatturar elettroniku ser tintbagħat lill-Kunsill tal-Ministri u l-Parlament Ewropew għall-adozzjoni.

Ara wkoll MEMO/13/614

Aktar tagħrif dwar l-politika tal-UE dwar l-akkwist pubbliku:

http://ec.europa.eu/internal_market/publicprocurement/index_en.htm

http://ec.europa.eu/internal_market/payments/einvoicing/index_en.htm

Kuntatti :

Chantal Hughes (+32 2 296 44 50)

Carmel Dunne (+32 2 299 88 94)

Audrey Augier (+32 2 297 16 07)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website