Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-Istampa

Brussell, 26 Gunju 2013

Fondi ġodda li jagħmlu l-investiment fit-tul aktar faċli

Il-Kummissjoni Ewropea llum ipproponiet qafas ġdid ta' fondi ta' investiment maħsub għall-investituri li jixtiequ jitfgħu flushom f’kumpaniji u proġetti għal perjodu ta’ żmien twil. Dawn il-Fondi Ewropej privati ta’ Investiment fit-Tul (ELTIFs) għandhom jinvestu biss f’negozji li għandhom bżonn flus allokati lilhom għal perjodi twal ta’ żmien. Il-proposta se tiġi ppreżentata lill-Kapijiet ta’ Stat u Gvern fil-laqgħa li jmiss tal-Kunsill Ewropew (27/28 ta’ Ġunju) li għandha fuq l-aġenda il-finanzjament fit-tul tal-ekonomija reali.

Il-fondi l-ġodda jkunu disponibbli għat-tipi kollha ta’ investituri madwar l-Ewropa, suppetti għal ċerti rekwiżiti stabbiliti fil-liġi tal-UE. Dawn ir-rekwiżiti jinkludu t-tipi ta’ assi fuq terminu twil u d-ditti li l-ELTIFs jistgħu jinvestu fihom, pereżempju proġetti infrastrutturali, ta' trasport u ta' enerġija sostenibbli, kif għandhom jifirxu flushom biex jitnaqqsu r-riskji u l-informazzjoni li huma jridu jagħtu lill-investituri. Kwalunkwe maniġer ta' ELTIF ikollu jikkonforma wkoll mar-rekwiżiti l-aktar stretti tad-Direttiva dwar Maniġers ta' Fondi ta' Investimenti Alternattivi sabiex tingħata protezzjoni adegwata lill-investituri.

Il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi, Michel Barnier, qal: “Jeħtieġ nassiguraw finanzjament fit-tul fl-ekonomija reali tal-Ewropa. Bħalissa, il-finanzjament spiss huwa skars u fejn jeżisti, huwa ffukat wisq fuq għanijiet b'termini qosra. Il-Fond Ewropew ta' Investiment fuq Terminu Twil huwa mezz ta' investiment li jippermetti lil investituri professjonali u individwi jinvestu fuq terminu twil f'kumpaniji Ewropej mhux ikkwotati u f'assi fuq terminu twil bħal proprjetà immobbli u proġetti ta' infrastruttura. Li l-ELTIFs isiru disponibbli għat-tipi kollha ta’ investituri fl-Unjoni Ewropea huwa vitali biex jiġi sfruttat bi sħiħ il-pool ta’ kapital disponibbli għal kumpaniji Ewropej. Nittama li l-ħolqien ta’ marka ġdida ta’ investiment tal-UE jikseb il-fiduċja tal-investituri u l-kumpaniji bl-istess mod.”

Skont il-proposta, ELTIFs iridu jkunu konformi ma' sett ta’ regoli komuni sabiex:

  • dejjem ikollhom depożitarju li jipproteġi l-assi;

  • jikkonformaw mar-regoli dwar tixrid ta’ assi biex ma jiġrix li jiġu investit wisq flus f'ass wieħed;

  • jużaw biss derivattivi biex jimmaniġġjaw ir-riskji tal-kambju fir-rigward tal-assi li għandhom, u mhux għal spekulazzjoni;

  • u jobdu limiti fuq l-ammont li jkunu jistgħu jissellfu.

ELTIFs se jinvestu f’assi illikwidi li huma diffiċli biex jinxtraw u jinbiegħu. Barra minn hekk, id-ditti jeħtieġ li jkunu kunfidenti li l-flus investiti fihom se jkunu hemm matul iż-żmien li qalu lill-investituri li se jkollhom bżonnhom. Dan ma jkunx tassew possibbli jekk l-investituri jitħallew jieħdu flushom fi kwalunkwe mument. Għalhekk l-investituri mhux se jkunu jistgħu joħorġu l-flus sad-data speċifikata tat-tmiem tal-investiment tagħhom (din tista’ tkun data għaxar snin jew aktar wara li l-flus jiġu investiti). Dan għandu jintwera b’mod ċar bil-quddiem. Bi tpattija għall-paċenzja tagħhom, l-investituri jibbenefikaw minn fluss ta' introjtu regolari prodott mill-investiment tal-assi u possibbilment jiġbru primjum ta’ illikwidità.

Sfond

Din il-miżura ġiet imħabbra mill-Kummissjoni Kommunikazzjoni dwar is-Suq Uniku II f'Ottubru 2012 u fil- Green paper dwar Finanzjament fuq Terminu Twil tal-Ekonomija Ewropea.

Il-Kumissjoni wettqet konsultazzjoni diretta estensiva u taħdidiet ma' firxa wiesgħa ta' organizzazzjonijiet, kif ukoll permezz ta' konsultazzjoni pubblika dwar ġestjoni ta' investiment. Kien hemm aktar konsultazzjoni permezz ta’ kwestjonarju bil-miktub immirat lil parteċipanti fis-suq, li tibni fuq l-informazzjoni dwar investimenti fit-tul miġbura mill-konsultazzjoni pubblika. Fl-2013 ġiet konkuża Valutazzjoni tal-Impatt fejn tqisu għażliet ta’ politika differenti sabiex jiġi massimizzat il-finanzjament fit-tul filwaqt li jiġi żgurat qafas robust ta’ miżuri ta’ protezzjoni tal-investitur.

L-ELTIFs huma mfassla biex jissodisfaw il-bżonnijiet ta’ investituri istituzzjonali u dawk privati li huma lesti li jkollhom flushom marbuta f’assi fit-tul, bħal proġetti ta’ infrastruttura, bi skambju ta' dħul fiss. Fondi tal-pensjoni u kumpaniji tal-assigurazzjoni huma mistennija li jkunu partikolarment interessati f’ELTIFs flimkien ma’ investituri privati li jistgħu jaffordjaw li jkollhom it-tfaddil tagħhom impenjati għal perjodu ta’ żmien twil.

Ara MEMO/13/611

Aktar informazzjoni

http://ec.europa.eu/internal_market/investment/long-term/index_en.htm

Kuntatti :

Chantal Hughes (+32 2 296 44 50)

Audrey Augier (+32 2 297 16 07)

Carmel Dunne (+32 2 299 88 94)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site