Navigation path

Left navigation

Additional tools

Jum Internazzjonali Kontra l-Abbuż mid-Droga u t-Traffikar Illeċitu Il-Kummissjoni Ewropea tappella għal projbizzjoni mal-UE kollha kemm hi tad-droga sintetika "5-IT"

European Commission - IP/13/604   25/06/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-25 ta’ Ġunju 2013

Jum Internazzjonali Kontra l-Abbuż mid-Droga u t-Traffikar Illeċitu Il-Kummissjoni Ewropea tappella għal projbizzjoni mal-UE kollha kemm hi tad-droga sintetika "5-IT"

Qabel il-Jum Internazzjonali Kontra l-Abbuż mid-Droga u t-Traffikar Illeċitu, il-Kummissjoni Ewropea llum ipproponiet projbizzjoni mal-UE kollha kemm hi tal-“5-IT”, sustanza sintetika b’effetti alluċinoġeniċi u stimulanti. Il-Kummissjoni talbet lill-Istati Membri tal-UE biex jipprevjenu li din droga tinxtered liberament madwar l-Ewropa billi jrażżnuha b'miżuri ta' kontroll.

Is-sustanza 5-(2-aminnopropil) indol (magħrufa wkoll bħala 5-IT) hija diġà soġġetta għal miżuri ta’ kontroll f’mill-inqas seba’ pajjiżi tal-UE (l-Awstrija, Ċipru, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Italja u l-Isvezja) u fin-Norveġja. Fl-2012 biss ġiet assoċjata ma' 24 mewta f'erba' pajjiżi tal-UE bejn April u Awwissu.

5-IT hija sustanza psikoattiva ta’ ħsara u hija magħrufa li toqtol,” qalet il-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja. “Inħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jadottaw malajr il-proposta tal-Kummissjoni biex jagħmluha soġġetta għal miżuri tal-liġi kriminali.”

Sa issa ġew irrappurtati mill-inqas 24 fatalità f'erba' Stati Membri (il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Isvezja u r-Renju Unit) fejn il-5-IT instabet f'kampjuni post mortem, waħidha jew f'taħlita ma' sustanzi oħra. Ġew irrapportati madwar 21 intossikazzjoni mhux fatali assoċjati ma’ din is-sustanza psikoattiva ġdida.

Il-proposta tal-Kummissjoni adottata l-lum tipprojbixxi l-manifattura u l-kummerċjalizzazzjoni tal-5-IT u tagħmilha soġġetta għal sanzjonijiet kriminali mal-Ewropa kollha. Il-gvernijiet tal-UE issa jridu jiddeċiedu dwar jekk idaħħlux dawn il-miżuri fis-seħħ, b'votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill.

Leġiżlazzjoni Ġdida dwar Sustanzi Psikoattivi

Sustanzi psikoattivi ġodda feġġew b’rata mgħaġġla bħal qatt qabel f’dawn l-aħħar snin: Is-sena l-oħra kienu nnotifikati 73 tali sustanza, dan huwa tliet darbiet iktar min-numru ta’ sustanzi notifikati fl-2009.

"Il-firxa rapida ta' sustanzi psikoattivi ġodda hija waħda mill-akbar sfidi fil-politika dwar id-drogi. B'suq intern mingħajr fruntieri, neħtieġu regoli komuni tal-UE biex niffaċċjaw din il-problema." żiedet tgħid il-Viċi President Reding. "Qed nippjana li, fix-xhur li ġejjin, nippreżenta leġiżlazzjoni aktar b'saħħitha tal-UE dwar sustanzi psikoattivi ġodda sabiex l-UE tkun tista' tipprovdi reazzjoni iktar rapida u iktar effettiva."

Sadanittant, madwar 40 organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili attivi fil-qasam tad-drogi ltaqgħu mal-Kummissjoni fl-24 u l-25 ta’ Ġunju biex jiddiskutu kif se jirreaġixxu għall-isfidi ġodda fil-ġlieda kontra d-drogi. Il-Forum tas-Soċjetà Ċivili tal-UE dwar id-Droga jipprovdi input lill-Kummissjoni dwar kwistjonijiet ewlenin fil-politika dwar id-drogi, inkluż kif titnaqqas id-domanda għad-droga, u d-dibattitu internazzjonali dwar l-effikaċja tas-sistema tal-kontroll globali tad-drogi.

Sfond

Il-5-(2-aminnopropil)indol (5-It) hija sustanza sintetika li jidher li għandha effetti alluċinoġeniċi u stimulanti. Instabet l-aktar bħala trab, iżda wkoll f’pilloli u kapsuli, u hija kummerċjalment disponibbli fuq l-internet u minn “head shops”, normalment kummerċjalizzata bħala “kimika għar-riċerka”. Ġiet wkoll identifikata f’kampjuni ta’ prodott ta' “stimulant legali” imsejjaħ “Benzo Fury”, u f’pilloli li jixbħu lill-estasi.

Valutazzjoni tar-riskji mwettqa mill-Kumitat Xjentifiku taċ-Ċentru Ewropew ta' Monitoraġġ tad-Drogi u l-Vizzju tad-Droga (European Monitoring Centre on Drugs and Drug Addiction - EMCDDA) ibbażat f’Lisbona, uriet li l-5-IT jista' jkollha effetti ħżiena serji, bħal takikardija u ipertermija, u tista' tikkawża wkoll mydriasis, aġitazzjoni u tregħid. Il-5-IT ma għandha l-ebda valur mediku stabbilit jew skop leġittimu ieħor magħruf. Hija sustanza kkontrollata f’mill-inqas seba’ pajjiżi tal-UE (l-Awstrija, Ċipru, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Italja u l-Isvezja) u fin-Norveġja.

Il-proposta tal-Kummissjoni ssegwi proċedura għall-valutazzjoni tar-riskji u l-kontroll ta' sustanzi psikoattivi ġodda stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI. Il-Kunsill talab għall-valutazzjoni tar-riskji tal-5-IT fit-22 ta’ Jannar 2013.

Fl-2010, il-Kummissjoni proponiet u kisbet projbizzjoni madwar l-UE kollha kemm hi tad-droga li tixbaħ l-estasi, mephedrone (MEMO/10/646) u fil-bidu tal-2013 fuq id-droga li tixbah l-amfetamina, 4-MA (IP/13/75). Fil-25 ta' Ottubru 2011, il-Kummissjoni Ewropea ħabbret reviżjoni sħiħa tar-regoli tal-UE dwar sustanzi psikoattivi ġodda, li jimitaw l-effetti ta' drogi perikolużi bħall-estasi jew il-kokaina, li qed jikkawżaw tħassib dejjem jikber madwar l-Ewropa (IP/11/1236). Matul l-2013 hija mistennija proposta leġiżlattiva.

L-UE identifikat għadd rekord ta' 73 tali sustanza fl-2012, żieda minn 24 fl-2009. Dawn id-drogi qed ikunu dejjem aktar disponibbli fuq l-internet u nfirxu malajr f’ħafna Stati Membri, li qed ikollhom diffikultà biex jimpedixxu l-bejgħ tagħhom.

Skont stħarriġ tal-Ewrobarometru fl-2011, sostanzi ġodda li jimitaw l-effetti ta' drogi illeċiti qed isiru dejjem iktar popolari b’5% taż-żgħażagħ Ewropej jammettu li użawhom. Iċ-ċifri huma l-ogħla fl-Irlanda (16%), segwiti mill-Polonja (9%), il-Latvja (9%), ir-Renju Unit (8%) u l-Lussemburgu (7%). L-Ewrobarometru jiżvela li madwar is-27 Stat Membru, maġġoranza kbira ta’ dawk bejn il-15 u l-24 sena huma favur il-projbizzjoni ta’ dawn is-sostanzi.

Għal aktar informazzjoni:

Il-Kummissjoni Ewropea - Politika dwar il-kontroll tad-droga:

http://ec.europa.eu/justice/anti-drugs/index_mt.htm

Il-paġna ewlenija tal-Viċi President u l-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, Viviane Reding:

http://ec.europa.eu/reding (EN, FR, DE)

Segwi lill-Viċi-President fuq Twitter: @VivianeRedingEU

Kuntatti :

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)

Natasha Bertaud (+32 2 296 74 56)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website