Navigation path

Left navigation

Additional tools

Ir-rapport tal-OECD jikkonferma li l-investiment tal-UE għall-edukazzjoni u l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ jagħti r-riżultati

European Commission - IP/13/603   25/06/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-Istampa

Brussell, 25 ta' Ġunju 2013

Ir-rapport tal-OECD jikkonferma li l-investiment tal-UE għall-edukazzjoni u l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ jagħti r-riżultati

Il-Kummissjoni Ewropea illum laqat il-varar ta' rapport annwali mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD) Education at a Glance 2013, li janalizza s-sistemi tal-edukazzjoni tal-34 pajjiż membru tal-OECD, li jinkludu 21 Stat Membru tal-UE, kif ukoll l-Arġentina, il-Brażil, iċ-Ċina, l-Indja, l-Indoneżja, ir-Russja, is-Sawdi Arabja u l-Afrika t'Isfel. Ir-rapport jidentifika l-isfidi għas-sistemi tal-edukazzjoni Ewropej li jridu jiġu indirizzati mill-UE u l-Istati Membri tagħha f'ħidma flimkien, u jikkonferma l-importanza ta' politiki mmirati lejn l-immodernizzar ta' sistemi tal-edukazzjoni u iktar opportunitajiet għaż-żgħażagħ biex jistudjaw jew jitħarrġu barra minn pajjiżhom.

"Dan ir-rapport huwa sors kbir ta' għarfien u evidenza għal dawk li jfasslu l-politika, u jgħin iżid il-fehim tagħna tal-isfidi li qed naffaċċaw. L-investiment fl-edukazzjoni dejjem jagħti r-riżultati fit-terminu twil u l-Istati Membri ma humiex f'pożizzjoni li jistgħu jinsew dan meta jiġu biex jallokaw il-baġits pubbliċi. Hekk kif jikkonferma r-rapport, it-tnaqqis fl-infiq fuq l-edukazzjoni b'mod ġenerali, u s-salarji tal-għalliema, jista' jfixkel l-għan tagħna li nipprovdu sistemi edukattivi effiċjenti u ta' kwalità għolja" qalet Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwaliżmu u ż-Żgħażagħ.

"Dak li għandna bżonn huwa li niżguraw li ż-żgħażagħ ikunu motivati u mgħammra bil-ħiliet tal-21 seklu, bl-ispirtu imprenditorjali biex l-Ewropa terġa' tmur fid-direzzjoni tat-tkabbir. Irridu nkunu lesti li nimplimentaw ir-riformi sabiex is-sistemi edukattivi tagħna jkunu bħall-aqwa tad-dinja u dan iffisser li rridu ninvestu. Madankollu, kif dan ir-rapport juri b'mod ċar, xi Stati Membri sejrin aħjar minn oħrajn fiż-żamma tal-livelli tal-infiq fl-edukazzjoni."

L-investiment f'edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità, b'mod partikolari fil-kuntest tar-rata għolja ta' qgħad taż-żgħażagħ, huwa fil-qalba tal-aġenda tal-politika tal-UE. Il-Kunsill Ewropew li jmiss fis-27-28 ta' Ġunju se jiffoka fuq miżuri biex iħeġġu l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ. Bħala parti mill-kontribuzzjoni tagħha għal-laqgħa tal-ġimgħa d-dieħla, il-Kummissjoni varat inizjattiva ġdida, "Naħdmu flimkien għaż-żgħażagħ tal-Ewropa". Din tiffissa l-azzjonijiet li ttieħdu jew se jittieħdu mill-UE biex tgħin lill-Istati Membri jimmodernizzaw u jtejbu s-sistemi edukattivi tagħhom - approċċ li jaqbel mas-sejbiet ta' Education at a Glance 2013.

Education at a Glance 2013 ġie ppreżentat fi Brussell illum minn Andreas Schleicher, Viċi Direttur għall-Edukazzjoni u l-Ħiliet tal-OECD; Xavier Prats Monné, Viċi Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għall-Edukazzjoni u l-Kultura, se jikkumenta dwar ir-rilevanza tas-sejbiet tar-rapport għall-UE.

X'jgħid Education at a Glance 2013 dwar l-Ewropa:

Education at a Glance jiġi ppubblikat kull sena mill-OECD u jieħu mid-dejta miġbura mill-Eurostat, l-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea, u mill-UNESCO - l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura. Ir-rapport fih dejta dwar l-edukazzjoni mill-34 pajjiż tal-OECD, li jinkludu 21 Stat Membru tal-UE. Sitt Stati Membri tal-UE mhumiex parti mill-OECD (il-Bulgarija, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, Malta u r-Rumanija) u għalhekk mhumiex inklużi fir-rapport.

Il-Kummissjoni tilqa' r-rapport fil-kuntest ta' tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn id-Dipartiment tal-Edukazzjoni tal-OECD u d-Direttorat Ġenerali għall-Edukazzjoni u l-Kultura tal-Kummissjoni fl-analiżi tas-sistemi edukattivi. Ir-rapport jikkonferma l-analiżi tal-Kummissjoni stess dwar ix-xejriet li jikkaratterizzaw is-sistemi edukattivi Ewropej, filwaqt li fl-istess ħin jirrifletti s-sitwazzjonijiet diversi ħafna li jeżistu bejn l-Istati Membri.

In-nefqa fuq l-edukazzjoni għal kull student qed tieħu xejra l'isfel f'ħafna mill-pajjiżi tal-UE, għalkemm hija kemmxejn ogħla mill-medja tal-OECD. Fl-2010, in-nefqa għal kull student fil-livelli kollha tal-edukazzjoni fil-21 membru tal-UE fl-OECD kienet EUR 7 200 meta mqabbla ma' EUR 6 900 fl-OECD globalment. Dan huwa fattur inkwetanti; barra minn hekk, id-dejta tal-UE stess dwar in-nefqa tal-gvern fl-edukazzjoni bħala perċentwal tal-PDG turi li ħames pajjiżi tal-UE (il-Bulgarija, il-Greċja, l-Italja, ir-Rumanija u l-Islovakkja) jikkombinaw kemm f'livell baxx ta' investiment f'termini assoluti kif ukoll xejra ta' nfiq li qed jonqos sa mill-2008/9.

Bħala medja, 15% taż-żgħażagħ ta' bejn il-15-29 sena la kienu qed jaħdmu u lanqas ma kienu qed jiġu edukati jew mħarrġa (NEET) fl-2011, kemmxejn aħjar mill-medja globali ta' 16% tal-OECD. Madankollu, fil-Greċja, l-Irlanda, l-Italja u Spanja, iktar minn 20% taż-żgħażagħ kienu f'din is-sitwazzjoni. Ċifri riċenti tal-UE juru li din marret għall-agħar fl-2012 għat-tliet pajjiżi tan-Nofsinhar tal-UE. Programmi apposta tal-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż apprentistati jew skemi ta' taħriġ ta' kwalità għolja, fi ħdan l-inizjattiva tal-garanzija taż-żgħażagħ tal-UE, għandhom rwol maġġuri biex nevitaw 'ġenerazzjoni mitlufa'.

Il-pajjiżi tal-UE għandhom sehem kbir ta' studenti fi programmi vokazzjonali fil-livell tal-edukazzjoni ta' sekondarja għolja, sinifikament iktar mill-medja tal-OECD. Madankollu, is-sitwazzjoni tvarja b'mod sinifikanti bejn l-Istati Membri: Fl-2011, dan il-porzjon kien iktar minn 70% fl-Awstrija, il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, il-Finlandja u r-Repubblika Slovakka. Iżda l-Estonja, l-Irlanda, il-Greċja, l-Ungerija, il-Portugall u r-Renju Unit ma kellhomx iktar minn 40% tal-istudenti fi programmi bħal dawn; dan kien il-każ ukoll għall-pajjiżi mhux tal-UE bl-eċċezzjoni tal-Awstralja. Il-Kummissjoni Ewropea qed tħeġġeġ lill-Istati Membri jimmassimizzaw il-benefiċċji ta' tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol biex jiffaċilitaw it-tranżizzjoni taż-żgħażagħ mill-iskola għax-xogħol. Fit-2 ta' Lulju, il-Kummissarji Androulla Vassiliou u László Andor se jvaraw f'Leipzig l-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati, biex isaħħu l-kwalità, il-provvista u l-immaġni tal-apprendistati u l-edukazzjoni vokazzjonali madwar l-UE.

Bħala medja, l-għalliema fil-pajjiżi tal-UE jaqilgħu bejn 77% u 89% tal-ħaddiema edukati bl-istess mod li jaħdmu full time; is-salarji tagħhom naqsu għal madwar 4% bejn l-2009 u l-2013 f'termini reali. jekk din ix-xejra tkompli, tista' taggrava r-reklutaġġ ta' ġenerazzjoni ġdida ta' għalliema motivati biex jieħdu post dawk l-għalliema li qed javvanzaw fl-età u li fil-futur qrib se jirtiraw.

Id-distribuzzjoni bejn is-sessi fl-edukazzjoni terzjarja fil-pajjiżi tal-UE qed titjieb, minkejja li mhux b'mod ekwu fl-oqsma kollha. Kif juri r-rapport, għal ċertu żmien issa fl-Ewropa kien hemm iktar nisa minn irġiel li ggradwaw Baċellerat/Masters u s-sehem tagħhom qed jiżdied (60% tal-gradwati kollha fil-21 membru tal-UE tal-OECD fl-2011, meta mqabbla ma' 55% fl-2000). Madankollu, fis-suġġetti ewlenin tal-matematika, ix-xjenza u t-teknoloġija s-sehem tagħhom żdied biss ftit minn 40 għal 42% (bl-eċċezzjoni tar-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja u s-Slovakkja, fejn żiedu b'iktar minn 10 punti perċentwali) filwaqt li fl-inġinerija s-sehem huwa ta' 28% (minn 23%). L-opportunitajiet tax-xogħol baqgħu ħafna aħjar għal nisa u irġiel li għandhom livell terzjarju ta' edukazzjoni meta mqabbla ma' kwalunkwe livell edukattiv ieħor; madankollu, il-lakuna bejn ir-rati ta' impjiegi bejn il-gradwati terzjarji nisa u irġiel li għandhom bejn 25-64 kien għoli fuq mejda ta' 7 punti perċentwali għall-UE 21 (9 punti perċentwali għall-OECD globalment).

Għal aktar informazzjoni

Kelmtejn minn Andreas Schleicher u Xavier Prats Monné web streamed

Ir-rapport komplut Education at a Glance 2013 huwa disponibbli fuq website

Indikaturi ta' Education at a Glance 2013: OECD Indicators

European Alliance for Apprenticeships

Miri fl-edukazzjoni u t-taħriġ tal-UE tal-Kummissjoni Ewropea

Education and Training Monitor 2012 tal-Kummissjoni Ewropea

Fuljett tal-valur referenzjarju dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ

Rapport tal-Eurydice dwar Funding of Education in Europe

Rapport tal-Eurydice dwar Key data on teachers in Europe

Kuntatti:

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58) Twitter: @DennisAbbott

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)

Anness 1: Nefqa pubblika annwali fuq l-edukazzjoni għal kull student (2010)

Anness 2: Żgħażagħ li la huma qed jaħdmu u lanqas ma huma f'edukazzjoni jew taħriġ (2008 u 2011)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website