Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

L-Aġenda Diġitali: Standards miftuħa jiffrankaw EUR 1 biljun kull sena lis-settur pubbliku

Commission Européenne - IP/13/602   25/06/2013

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, 25 ta’ Ġunju 2012

L-Aġenda Diġitali: Standards miftuħa jiffrankaw EUR 1 biljun kull sena lis-settur pubbliku

Il-Kummissjoni llum qed toħroġ b'politika ġdida biex tgħin lill-awtoritajiet pubbliċi jevitaw id-dipendenza fuq fornitur wieħed tal-ICT. Permezz tar-rakkomandazzjonijiet f’dan l-approċċ ġdid ta’ “kontra l-għeluq”, nistgħu niffrankaw aktar minn EUR 1.1 biljun fis-sena fis-settur pubbliku tal-UE. Pereżempju, il-proċeduri miftuħa tal-offerti jistgħu jattiraw żieda fl-għadd ta’ offerenti b’offerti ta' valur aħjar (l-irdoppjar tal-għadd ta’ offerenti tipikament inaqqas id-daqs tal-kuntratt b’9%).

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Neelie Kroes, qalet: “L-istandards miftuħa joħolqu l-kompetizzjoni, li twassal għall-innovazzjoni, u l-iffrankar tal-flus. Il-gwida maħruġa llum tinsab hawnhekk biex tgħin lill-awtoritajiet nazzjonali jaħtfu kull opportunità għall-innovazzjoni u l-effiċjenza."

Jiġu ffrankati flus il-kontribwenti meta naħdmu bl-istandards biex isir l-akkwist pubbliku tas-sistemi tal-ICT, minflok bl-ispeċifikazzjoni ta' ditta, għodda, sistema jew prodott wieħed tal-ICT. Madankollu, ħafna organizzazzjonijiet jew m’għandhomx biżżejjed għarfien biex jiddeċiedu liema standards huma rilevanti għall-ħtiġijiet tal-ICT tagħhom, jew inkella jibżgħu li se jkunu għoljin wisq l-ewwel spejjeż għall-bidla u li dan jista’ jwassal għal telf ta’ dejta. B'hekk, jibqgħu mwaħħlin bis-sistemi tal-ICT tagħhom jew f’relazzjoni ma’ fornitur wieħed biss.

Barra minn hekk, użu akbar tal-istandards jagħmilha ħafna aktar faċli għall-iskambju tad-dejta bejn is-sistemi pubbliċi, sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jipprovdu d-dejta tagħhom darba biss lil kull amministrazzjoni pubblika, u dan se jiffaċilita s-servizzi transkonfinali tal-Gvern elettroniku li ċ-ċittadini u n-negozji jkunu jeħtieġu meta jivvjaġġaw/jaħdmu/jistudjaw/jinnegozjaw ġewwa l-UE.

Il-gwida ppubblikata llum hija maħsuba biex tgħin l-uffiċjali responsabbli kemm fl-ippjanar kif ukoll fix-xiri ta' sistemi u servizzi tal-ICT għal organizzazzjonijiet pubbliċi. Tassisti l-pajjiżi, ir-reġjuni jew is-setturi ta’ applikazzjoni fl-iżvilupp ta’ strateġija globali tal-ICT, li tikkonsisti minn prinċipji ewlenin biex is-sistemi tal-ICT jaħdmu flimkien u biex jipprovdu servizz effiċjenti liċ-ċittadini. Barra minn hekk, tgħinhom jivvalutaw standards eżistenti b’mod ġust u trasparenti, sabiex jagħżlu dawk li jistgħu japppoġġaw bl-aħjar mod l-istrateġija tagħhom u jevitaw “l-għeluq”. Il-gwida tissuġġerixxi li l-ippjanar fit-tul jista' jgħin is-sostituzzjoni ta' sistemi li huma “magħluqin” bl-għajnuna ta' alternattivi bbażati fuq l-istandards; dan għandu jagħmel tajjeb għall-ispejjeż ogħla tal-bidu meta jiġu sostitwiti s-sistemi. Fl-aħħar nett, il-gwida toffri lill-uffiċjali inkarigati bix-xiri pubbliku, gwida prattika, “lesta biex tintuża” biex tgħinhom iniedu din l-inizjattiva l-ġdida.

Il-Kummissjoni Ewropea, bil-ħsieb li tappoġġa lill-awtoritajiet pubbliċi matul dan il-proċess ta’ tranżizzjoni, se torganizza laqgħat mal-awtoritajiet pubbliċi, l-industrija tal-provvista tal-ICT, l-organizzazzjonijiet tal-istandards u s-soċjetà ċivili, fejn l-organizzazzjonijiet pubbliċi se jitgħallmu minn xulxin, jadattaw għall-aħjar prattiki li jirriżultaw, jinvestigaw problemi komuni u jissuġġerixxu soluzzjonijiet komuni.

Sfond

L-Aġenda Diġitali tal-Ewropa identifikat “l-għeluq” bħala problema, u impenjat lilha nfisha li tipprovdi gwida dwar ir-rabta bejn l-istandardizzazzjoni tal-ICT u l-akkwist pubbliku biex tgħin lill-awtoritajiet pubbliċi jużaw l-istandards aħjar biex jippromwovu l-effiċjenza u jnaqqsu “l-għeluq”. Il-Kummissjoni illum qed tippubblika Komunikazzjoni, akkumpanjata minn Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li fih gwida prattika dwar kif isir użu aħjar tal-istandards fl-akkwist, b’mod partikolari fis-settur pubbliku.

Links utli

Standards mifutħa fl-Aġenda Diġitali

(https://ec.europa.eu/digital-agenda/en/open-standards )

Aġenda Diġitali Azzjoni 23: Tipprovdi gwida dwar l-istandardizzazzjoni tal-ICT u l-akkwist pubbliku

Prinċipji tal-istandards miftuħa fir-Renju Unit

Prinċipji tal-istandards miftuħa fl-Olanda

Hash Tags: #standards, #publicprocurement

Digital Agenda

Segwi lil Neelie fuq Twitter

Kuntatti:

Ryan Heath (+32 2 296 17 16), Twitter: @RyanHeathEU

Linda Cain (+32 2 299 90 19)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site