Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-Impjiegi u l-Qagħda Soċjali fl-UE: Ir-Reviżjoni Trimestrali tenfasizza l-vantaġġi tat-traineeships; l-aħħar xejriet migratorji

European Commission - IP/13/601   25/06/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-25 ta’ Ġunju 2013

L-Impjiegi u l-Qagħda Soċjali fl-UE: Ir-Reviżjoni Trimestrali tenfasizza l-vantaġġi tat-traineeships; l-aħħar xejriet migratorji

Il-kuntratti temporanji jistgħu jkunu opportunità tajba għal persuna żagħżugħa biex din tidħol fil-forza tax-xogħol b’mod partikolari jekk dawn il-kuntratti jkunu marbuta mal-edukazzjoni jew it-taħriġ (kif inhu komuni fil-Ġermanja u fl-Awstrija), skont l-aktar Reviżjoni Trimestrali riċenti tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-Sitwazzjoni Soċjali. Madankollu, meta l-ħaddiema temporanji żgħażagħ ikollhom kuntratti b'terminu ta' żmien qasir involontarjament (pereżempju fi Spanja u fil-Polonja) hemm ir-riskju li jibqgħu maqbuda f’kundizzjonijiet ta’ xogħol li ma jkunux sikuri. Fil-kuntest tad-diverġenza fil-livelli tal-qgħad bejn l-Istati Membri, li dejjem qed tiżdied, l-għadd ta’ persuni li jixtiequ jiċċaqalqu lejn pajjiż ieħor żdiedet sostanzjalment iżda dawn għadhom qed iħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet. Ir-reviżjoni tinnota wkoll l-importanza ta’ servizzi ta’ kwalità għall-indukrar tat-tfal biex jittaffew l-inugwaljanzi fi stadju bikri tal-ħajja.

László Andor, il-Kummissarju Ewropew għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, qal: “Il-kriżi tal-euro wasslet għal reċessjoni doppja b’effetti soċjali devastanti, partikolarment għall-pajjiżi 'periferali' u għall-ġenerazzjoni żagħżugħa. Iżda l-aktar analiżi riċenti tagħna tikkonferma l-vantaġġi tal-apprentistati u t-traineeships f’termini ta' għajnuna biex iż-żgħażagħ isibu impjieg ta’ kwalità. Dan jenfasizza l-urġenza li l-Istati Membri kollha jagħmlu l-Garanzija għaż-Żgħażagħ realtà qabel tmiem l-2013.”

F’pajjiżi bl-ebda tnaqqis jew inkella bi tnaqqis żgħir fir-rata tal-impjiegi taż-żgħażagħ (eż. il-Ġermanja u l-Awstrija), il-biċċa l-kbira tal-kuntratti temporanji għall-ħaddiema żgħażagħ huma marbuta ma’ edukazzjoni jew taħriġ, ħaġa li tirrifletti s-sistemi tajbin ta' apprentistat f’dawn il-pajjiżi. Kuntratti bħal dawn ta' apprentistat/taħriġ normalment idumu aktar u ta’ spiss ikunu skaluni għal kuntratti permanenti. Madankollu, f’pajjiżi fejn il-waqgħa fir-rata tal-impjieg taż-żgħażagħ kienet kbira (eż. Spanja u l-Polonja), il-parti l-kbira tal-ħaddiema temporanji żgħażagħ huma fuq kuntratti b'terminu ta' żmien qasir involontarjament, u t-tul ta’ dawn il-kuntratti huwa iqsar. Dan jirrifletti problemi ta’ segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol, fejn ħaddiema li ilhom stabbiliti jgawdu minn livelli għoljin ħafna ta' ħarsien tal-impjiegi filwaqt li min għadu ġdid jew jibqa' mingħajr impjieg jew ikollu kuntratti temporanji għal terminu qasir.

Il-Kummissjoni qed tħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex mill-aktar fis possibbli jibdew iħaddmu Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ, proposta mill-Kummissjoni bħala parti mill-Pakkett tal-Impjiegi għaż-Żgħażagħ f'Diċembru tal-2012 (ara IP/12/1311 u MEMO/12/938) u adottata mill-Kunsill f'April tal-2013. Skont il-Garanzija għaż-Żgħażagħ, żgħażagħ taħt il-25 sena li ma jistgħux isibu impjieg ta’ kwalità għandhom jiġu offruti apprentistat, taħriġ jew edukazzjoni avvanzata fi żmien erba’ xhur minn meta jitilqu mill-iskola jew mit-telf ta’ impjieg.

Il-Kummissjoni se tniedi l-Alleanza Ewropea għall-Apprentistati f'Leipzig fit-2 ta' Lulju sabiex tlaqqa' partijiet interessati mill-awtoritajiet governattivi, tan-negozju u sħab soċjali, riċerkaturi u nies midħla tat-taħriġ u tal-edukazzjoni vokazzjonali u rappreżentanti taż-żgħażagħ. Se tikkoordina azzjonijiet eżistenti taħt umbrella waħda u se tippromwovi l-benefiċċji ta' skemi ta' apprentistati ta’ suċċess flimkien ma' metodi kif dawn jistgħu jinbnew.

Fir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi (CSRs) tal-2013 li kienu proposti mill-Kummissjoni fid-29 ta' Mejju (ara IP/13/463), 16-il Stat Membru ngħataw il-parir li jiffukaw fuq ir-riformi fit-taħriġ fl-edukazzjoni u vokazzjonali biex jinkludu komponent akbar ta' tagħlim abbażi tax-xogħol. Il-Kummissjoni pproponiet ukoll li seba' Stati Membri (Franza, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, Spanja u s-Slovenja) għandhom jimplimentaw miżuri ulterjuri sabiex jiġu indirizzati s-swieq tax-xogħol segmentati.

Aktar ċittadini minn naħa t'isfel tal-Ewropa jixtiequ jsibu xogħol barra minn pajjiżhom

Il-mobilità fl-UE rkuprat xi ftit f’dawn l-aħħar snin wara t-tnaqqis fil-bidu tal-kriżi. Ħaddiema minn Stati Membri fil-Lvant u ċ-Ċentru tal-UE għadhom jikkostitwixxu l-parti l-kbira ta’ dawk li jiċċaqalqu lejn pajjiż ieħor tal-UE iżda l-ħiliet tagħhom ta’ spiss jibqgħu ma jintużawx: ħafna minnhom huma kkwalifikati aktar milli jirrikjedi l-impjieg li għandhom. L-għadd ta' ħaddiema li jiċċaqalqu min-naħa t'isfel tal-Ewropa għan-naħa ta' fuq qed jiżdied aktar minn dak li jmorru min-naħa ta' fuq għan-naħa t'isfel. Il-proporzjon ta’ persuni li għandhom "intenzjonijiet sodi” ta' emigrazzjoni fit-12-il xahar li ġejjin żdied b’aktar mid-doppju, minn 0.5 % għal 1.2 %, jiġifieri minn żewġ miljuni għal ħames miljuni, bl-ogħla numru jkun fil-Greċja. Ir-rata ta' emigrazzjoni fost iċ-ċittadini tal-UE ilha tiżdied, notevolment fl-Irlanda, il-Greċja u l-Portugall, filwaqt li fi Spanja jew l-Italja baqgħet baxxa. Madankollu, b’mod ġenerali, jidher li s-suq tax-xogħol qed jaġġusta għal kundizzjonijiet tal-kriżi mhux daqstant minħabba n-nies li jħallu pajjiżhom biex ifittxu x-xogħol f’pajjiż ieħor, iżda permezz tat-tnaqqis fl-influss u ż-żieda fit-tluq ta’ ħaddiema migranti (li jħallu l-pajjiż ospitanti tagħhom biex jirritornaw lejn pajjiżhom) speċjalment fil-każ ta’ Spanja. Madankollu, setgħu jiġu osservati flussi kbar ta’ ħruġ ta’ ċittadini fost il-ġenerazzjoni żagħżugħa bejn l-2007 u l-2012, notevolment mil-Litwanja u l-Latvja, kif ukoll mill-Bulgarija, il-Polonja, l-Estonja jew l-Irlanda. B’kuntrast, il-ħruġ ta’ ċittadini żgħażagħ mill-Italja, Spanja u l-Greċja baqa' limitat.

Sabiex tiġi ffaċilitata l-mobbiltà tal-ħaddiema bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni qed tirriforma l-EURES, in-netwerk pan-Ewropew għat-tiftix tal-impjiegi, biex jgħin lil dawk li lesti jiċċaqalqu lejn pajjiż ieħor jidentifikaw fejn jeżistu postijiet tax-xogħol vakanti u sabiex jgħin lill-impjegaturi isibu ħaddiema bil-ħiliet adattati (ara IP/12/1262, MEMO/12/896, MEMO/12/897). Barra minn hekk, il-Kummissjoni pproponiet Direttiva biex tiffaċilita l-aċċess għad-dritt għall-moviment ħieles fost il-ħaddiema (ara IP/13/372).

Il-kwalità fis-servizzi tal-indukrar tat-tfal iwassal għal benefiċċji fit-tul għat-tfal

Skont riċerka akkademika analizzata fl-aħħar Reviżjoni Trimestrali, il-kwalità fis-servizzi tal-indukrar tat-tfal twassal għal benefiċċji fit-tul għat-tfal. L-impatti pożittivi huma l-aktar qawwija fost tfal l-aktar żvantaġġati, għaliex il-kwalità fis-servizzi tal-indukrar tat-tfal tista’ tgħin biex tnaqqas l-inugwaljanzi fi stadju bikri. Madankollu, tfal minn sfond żvantaġġat għandhom aċċess aktar limitat għas-servizzi tal-indukrar tat-tfal. Madwar l-UE, 23 % biss tat-tfal taħt it-tliet snin li jgħixu f’familji bi dħul baxx għandhom aċċess għal servizzi formali tal-indukrar tat-tfal, għall-kuntrarju ta' 41 % tat-tfal li jgħixu f’familji oħra. Bl-istess mod, 20 % tat-tfal li ommhom għandha biss edukazzjoni ta’ livell baxx huma rreġistrati għas-servizzi tal-indukrar tat-tfal meta mqabbla mal-40 % ta’ tfal b’ommijiet b’edukazzjoni għolja.

Ir-Rakkomandazzjoni dwar l-investiment fit-tfal, adottata fi Frar tal-2013 bħala parti mill-Pakkett ta' Investiment Soċjali (ara IP/13/125 u MEMO/13/117) iħeġġeġ lill-Istati Membri jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jiżguraw li l-familji kollha jkollhom aċċess effettiv għall-edukazzjoni u l-indukrar minn età żgħira. Din is-sejħa hija riflessa wkoll fir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi proposti fl-2013 u indirizzati lil 13-il pajjiż. Is-servizzi formali għall-indukrar tat-tfal jistgħu jkunu ta' għajnuna biex ġenituri joħorġu jaħdmu u jibqgħu fl-impjieg jekk ikunu affordabbli u ta’ kwalità tajba biss.

Aktar tagħrif

Ir-Reviżjoni Trimestrali dwar is-Sitwazzjoni Soċjali u l-Impjiegi

Ir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi - 2013

L-Impjiegi fost iż-Żgħażagħ

Il-Pakett għall-Investiment Soċjali

Il-paġna web dwar l-Analiżi Soċjali u l-Impjiegi

Il-website ta' László Andor

Segwi lil László Andor fuq Twitter

Il-bulettin elettroniku b'xejn

Kuntatti:

Jonathan Todd (+32 2 299 41 07)

Cécile Dubois (+32 2 295 18 83)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website