Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-25 ta’ Ġunju 2013

Ngħinu lin-negozji jaċċessaw il finanzjament tal-UE: il-portal uniku issa jinkludi l-Fondi Strutturali

Mil-lum in-negozji madwar l-Ewropa se jkollhom aċċess aktar faċli għall-finanzi meħtieġa ħafna hekk kif il-Kummissjoni Ewropea tespandi l-portal uniku dwar il-finanzjament tal-UE, li jinkludi l-Fondi Strutturali tal-UE: Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond Soċjali Ewropew (FSE). Il-portal uniku ġdid dwar il-finanzjament tal-UE li tnieda x-xahar li għadda jipprovdi informazzjoni faċli, sħiħa u aġġornata dwar kif l-imprendituri u l-SMEs jistgħu jaċċessaw ‘l fuq minn EUR 100 biljun ta’ finanzjament mill-UE minn diversi programmi ta' bejn l-2007-2013. Iż-żidiet tal-lum se jirdoppjaw l-għadd ta’ banek u fondi msieħba għal aktar minn 1 000., filwaqt li jsaħħu ulterjorment sors ta’ informazzjoni vitali għall-finanzjament tal-SMEs permezz ta’ garanziji, self u kapital tar-riskju (MEMO/13/606).

L-aċċess għall-finanzi huwa wieħed mill-iżjed problemi urġenti li qed jiffaċċjaw l-SMEs fl-Ewropa. Fl-aħħar sentejn kważi terz tal-SMEs li applikaw għal self bankarju ġew miċħuda jew spiċċaw jieħdu inqas milli talbu. Il-finanzjament European Small Business Finance Outlook ta' dan ix-xahar għall-intrapriżi ż-żgħar Ewropej jikkonferma li l-ambjent tan-negozju għall-SMEs Ewropej qed jiggrava u l-banek fiż-żona tal-ewro rrestrinġew l-istandards tal-kreditu. L-informazzjoni u l-aċċess għall-fondi tal-UE huma aktar importanti għan-negozji minn qatt qabel. Il-fondi strutturali diġà qed jipprovdu għajnuna finanzjarja għall-SMEs ta’ madwar EUR 70 biljun għall-perjodu 2007-13.

Fl-okkażjoni tal-konferenza Sostenn Ewropew għall-SMEs għall-perjodu 2014-2020, fi Brussell illum, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Antonio Tajani, il-Kummissarju għall-Industrija u l-Intraprenditorija u l-Kummissarju Ewropew għall-Politika Reġjonali, Johannes Hahn ikkummentaw: "Il-portal uniku dwar il-finanzjament tal-UE se jgħin lill-SMEs isibu l-finanzjament tant meħtieġ faċilment u malajr. Waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-Kummissjoni hija li tissimplifika u tnaqqas l-ostakli li jaffaċċa n-negozju. Iż-żieda tal-fondi strutturali tal-UE għal portal uniku tirrappreżenta kisba importanti. Fl-istess ħin nixtieq ukoll inħeġġeġ lill-Istati Membri u r-reġjuni biex jużaw l-istrumenti finanzjarji tal-UE billi dawn jistgħu jtejbu l-impatt tal-politika ta’ koeżjoni. Dawn huma l-katalisti għall-investimenti kruċjali meħtieġa biex jagħtu spinta vitali lill-ekonomija Ewropea u joħolqu l-impjiegi.”

IP/13/387 - MEMO/13/393 - it-titjib tal-aċċess għall-finanzi għall-SMEs: huwa l-qofol tal-irkupru ekonomiku

The new single access point to all EU financial instruments for SMEs

Informazzjoni dwar strumenti finanzjarji disponibbli tal-UE

L-istrumenti finanzjarji tal-UE għall-SMEs koperti mill-websajt jinkludu l-Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP), il-Mikrofinanzjament għall-Progress, l-Istrument ta’ Kondiviżjoni tar-Riskju (FP7), self tal-BEI għall-SMEs u issa l-programmi operattivi nazzjonali u reġjonali tal-Istati Membri li jimplimentaw l-objettivi tal-politika ta’ koeżjoni.

Websajt faċli għall-użu tal-SMEs

Portal uniku jipprovdi informazzjoni dettaljata dwar kif l-SMEs jistgħu japplikaw għal finanzjament mill-UE, permezz ta’ wieħed minn madwar 1000 bank u istituzzjoni finanzjarji oħra.

Portal uniku dwar l-finanzjament tal-UE jippermetti l-intraprendituri u l-kumpaniji biex isibu finanzjament imfassal apposta skont il-ħtiġijiet finanzjarji speċifiċi tagħhom bħad-daqs ta’ kumpanija, it-tip ta’ finanzjament u l-fokus tal-investiment. Il-portal huwa aċċessibbli f’diversi lingwi tal-UE u għall-pajjiżi u l-pajjiżi kandidati kollha tal-UE.

Aċċess għall-finanzjament fir-reġjuni - Kruċjali biex nirritornaw għat-tkabbir

L-istrumenti finanzjarji saru għodda dejjem iktar importanti għat-twassil tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE matul 2007-2013. Fi tmiem l-2011, aktar minn EUR 3,6 biljun diġà ġew investiti f’intrapriżi permezz ta' kważi 68 000 self, garanzija, kapital ta’ riskju/ekwità u prodotti finanzjarji oħra.

Sa tmiem l-2011, b'kollox ġew stabbiliti 484 fond speċifiku għan-negozji (self, garanzija, ekwità/kapital ta’ riskju u oħrajn) f’25 Stat Membru u reġjun wieħed ta' kooperazzjoni transkonfinali. B'kollox, fil-perjodu bejn l-2007-14, ingħataw EUR 69,7 biljun mill-FEŻR u FSE bħala appoġġ finanzjarju lill-SMEs - li magħhom wieħed jista' jżid minn talanqas EUR 95.4 biljun rispettivament jekk jitqies il-kofinanzjament nazzjonali. Sal-aħħar ta’ Diċembru 2012, l-istrumenti finanzjarji tal-Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) immobilizzaw kważi EUR 13-il biljun ta’ garanziji u aktar minn EUR 2.3bn ta' kapital ta’ riskju. Iktar minn 220 000 SME kienu diġà bbenefikaw mill-programm madwar l-Ewropa. Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Antonio Tajani talab biex jiżdied il-baġit tal-istrumenti finanzjarji tas-CIP b’EUR 19-il miljun bħala għajnuna lill-SMEs li qed isibu diffikultà biex ikollhom aċċess għall-finanzjament.

Kuntatti:

Carlo Corazza (+32 2 295 17 52) @ECspokesCorazza

Sara Tironi (+32 2 299 04 03)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website