Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-Impjieg u l-Iżviluppi Soċjali: aktar diverġenza u riskji akbar ta’ esklużjoni fit-tul

European Commission - IP/13/5   08/01/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-8 ta' Jannar 2013

L-Impjieg u l-Iżviluppi Soċjali: aktar diverġenza u riskji akbar ta’ esklużjoni fit-tul

Wara ħames snin ta’ kriżi ekonomika, u bir-ritorn tar-riċessjoni fl-2012, il-qgħad qiegħed jilħaq qċaċet ġodda li ilna ma naraw bħalhom kważi għoxrin sena. Id-dħul tal-familji baqa' jonqos u r-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni qiegħed jiżdied, speċjalment fl-Istati Membri tan-Nofsinhar u l-Lvant tal-Ewropa. Dan kollu skont l-edizzjoni tal-2012 tal-pubblikazzjoni Employment and Social Developments in Europe Review (Analiżi tal-Impjieg u l-Iżviluppi Soċjali fl-Ewropa). L-impatt tal-kriżi fuq is-sitwazzjoni soċjali sar iktar qawwi, hekk kif iddgħajfu l-effetti inizjali tal-protezzjoni permezz ta’ inqas dħul mit-taxxa u livelli ogħla ta’ nfiq fuq il-benefiċċji soċjali (l-hekk imsejħa "stabbilizzaturi awtomatiċi"). Qiegħda titfaċċa qasma ġdida bejn dawk il-pajjiżi li donnhom weħlu f'belliegħa ta’ tnaqqis fil-produzzjoni, qgħad jikber b'mod mgħaġġel, u introjtu disponibbli li jibqa' jitnaqqar, u bejn dawk il-pajjiżi li wrew li s'issa, sa ċertu punt, żammew il-kolp. Ix-xejra ta’ dawn tal-aħħar hija li għandhom swieq tax-xogħol li jaħdmu aħjar, u sistemi aktar b'saħħithom ta’ servizzi soċjali.

László Andor, il-Kummissarju Ewropew għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, ikkummenta: "L-2012 kienet sena ħażina oħra għall-Ewropa fejn jidħlu l-qgħad u s-sitwazzjoni soċjali li baqgħet tmur lura. Madankollu, l-analiżi tagħna turi kif riformi fis-swieq tax-xogħol, flimkien ma' titjib fl-istruttura tas-sistemi tas-servizzi soċjali, jistgħu jżidu l-kapaċità tal-Istati Membri biex iżommu l-kolp meta jinqabdu minn skossi ekonomiċi, u jistgħu jmexxuhom lejn ħruġ iktar malajr mill-kriżi. Barra minn hekk, ma tantx hemm ċans li l-Ewropa tara wisq titjib soċjoekonomiku fl-2013, sakemm ma tiksibx iktar progress ukoll fis-soluzzjoni kredibbli tal-kriżi tal-ewro, fl-iffinanzjar effettiv tal-ekonomija reali, u fit-tiftix ta' riżorsi għal investiment tassew meħtieġ, inkluż fil-ħiliet tan-nies, il-kapaċità li jiġu impjegati, l-inklużjoni soċjali, u t-tħaddim tajjeb tal-finanzi għall-ekonomija reali."

Tikber id-diverġenza fiż-żona tal-ewro

Ir-rata medja tal-qgħad fl-UE telgħet għal ftit inqas minn 11 %. Ir-rapport jikkonferma xejra ġdida ta’ diverġenza, li ssir l-iktar sorprendenti bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar taż-żona tal-ewro. Il-qasma bejn ir-rati tal-qgħad ta’ dawn iż-żewġ reġjuni kienet ta’ 3.5 punt fis-sena 2000, fl-2007 niżlet sa żero, iżda minn dakinhar 'l hawn kibret malajr, sakemm laħqet 7.5 punt fl-2011. Barra miż-żona tal-ewro, id-diverġenza hija ferm iżgħar, għalkemm qiegħda tikber ukoll. Din ix-xejra preokkupanti tindika ħtieġa urġenti li jinstabu mekkaniżmi aktar effettivi ta’ aġġustament makroekonomiku, kif jirrifletti wkoll id-dibattitu li għaddej dwar Unjoni Ekonomika u Monetarja profonda u ġenwina. L-analiżi turi wkoll li, fl-Istati Membri li kienu għaddew minn riformi sostanzjali biex is-swieq tax-xogħol tagħhom isiru aktar dinamiċi, il-qiegħda baqa' jkollhom opportunitajiet aħjar biex isibu xogħol ġdid tul is-snin tal-kriżi. Tali riformi diġà sejħu għalihom il-Pakkett tal-Impjieg tal-Kummissjoni ta’ April 2012 u l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir għall-2013, u se jiġu studjati fid-dettall fil-qafas tas-Semestru Ewropew tal-2013 u r-rakkommandazzjonijiet tiegħu speċifiċi għal kull pajjiż.

Tnaqqis fid-dħul tal-familji u riskji ta’ esklużjoni fit-tul

Ir-riskji li wieħed jidħol fil-faqar, u l-opportunijiet biex wieħed joħroġ minnu, ivarjaw ħafna fost l-Istati Membri. Ċerti sezzjonijiet tal-popolazzjoni jintlaqtu aktar minn oħrajn: l-adulti żgħażagħ, in-nisa qiegħda u l-ommijiet singoli huma fost dawk li qed iħabbtu wiċċhom mal-ogħla riskji ta’ faqar fit-tul. In-nuqqas ta’ rkupru tanġibbli qed jagħfas ħafna fuq id-dħul tal-familji fil-parti l-kbira tal-Istati Membri, filwaqt li żied ir-riskji tal-esklużjoni fit-tul. Bejn l-2009 u l-2011, l-introjtu disponibbli gross reali tal-familji niżel f'żewġ terzi mill-pajjiżi tal-UE li għalihom hemm dejta disponibbli, bl-akbar tnaqqis iddokumentat fil-Greċja (17 %), fi Spanja (8 %), f'Ċipru (7 %), fl-Estonja u fl-Irlanda (5 %). Din l-evoluzzjoni tinsab f'kuntrast sorprendenti mas-sitwazzjoni osservata fil-pajjiżi Nordiċi, fil-Ġermanja, fil-Polonja u fi Franza, fejn permezz tas-sistemi tas-servizzi soċjali, kif ukoll tas-swieq tax-xogħol iktar f'saħħithom, id-dħul globali baqa' jiżdied matul il-kriżi. Madankollu, it-tkomplija tal-kriżi qiegħda żżid ir-riskji tal-esklużjoni fit-tul kullimkien.

Biex iż-żieda fil-faqar u l-esklużjoni fit-tul ma jsirux irriversibbli, jeħtieġ li jitfasslu politiċi skont is-sitwazzjoni partikulari ta’ kull pajjiż u kull sezzjoni tal-popolazzjoni li jinsabu l-iktar fil-periklu. Kmieni fl-2013, il-Kummissjoni ser toħroġ Pakkett ta’ Investiment Soċjali, b'linjigwida biex l-Istati Membri jimplimentaw politiki soċjali adegwati, sostenibbli u effettivi, li jseddqu l-kapital uman u l-koeżjoni soċjali bħala soluzzjoni kontra l-pressjoni tiżdied fuq ir-riżorsi privati u pubbliċi għall-indirizzar tal-istess sfidi.

Ir-rwol fundamentali tas-servizzi soċjali u t-tfassil tas-sistema fiskali

F'dak li jirrigwarda l-effettività tagħhom fil-ġlieda kontra l-faqar, it-tfassil tas-sistemi nazzjonali ta' servizzi soċjali huwa tal-istess importanza bħad-daqs tagħhom: livelli simili ta’ nfiq soċjali mill-Istati Membri jissarrfu f'rati differenti ħafna ta’ tnaqqis tal-faqar. Sistemi ta’ benefiċċji tat-taxxa jistgħu jinfluwenzaw sew il-ħolqien tal-impjiegi, bis-saħħa ta’ benefiċċji partikulari, bħal ngħidu aħna l-forniment ta’ servizzi ta’ kura tat-tfal, li huwa fattur importanti biex in-nies jieħdu postijiet tax-xogħol, partikularment fil-każ tan-nisa. It-tfassil tan-naħa tad-dħul fil-qafas tal-istat soċjali għandu rwol daqstant ieħor importanti. Jekk il-piż tat-taxxa jitmexxa minn fuq ix-xogħol lejn sorsi oħra, bħall-emissjonijiet tas-CO2 jew il-konsum u l-proprjetà, kif ġie propost fil-Pakkett tal-Impjieg u fir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għhal kull Pajjiż tal-2012, ir-rata tal-impjieg tiġi xprunata. Madankollu, ċerti aspetti ta’ tqassim fit-tfassil mill-ġdid tat-taxxa jitolbu approċċ prudenti meta niġu biex infittxu sorsi alternattivi li jistgħu jagħmlu tajjeb għad-dħul mitluf minħabba inqas tassazzjoni fuq ix-xogħol. Skont ma sabet l-analiżi, filwaqt li, minn perspettiva ta’ politika integrata soċjali u tal-impjieg, ma hemm l-ebda soluzzjoni ottimali għat-trasferiment tal-intaxxar minn qasam għal ieħor, tfassil agedwat tas-sistemi tas-servizzi soċjali għandu jżid ix-xewqa għal ċerti trasferimenti tal-intaxxar.

Is-salarji mhumiex fattur li jolqot biss il-prezzijiet, iżda jipprovdu wkoll id-dħul biex in-nies ikunu jistgħu jixtru l-oġġetti u s-servizzi. It-tnaqqis fis-salarji jista' forsi jtejjeb il-kompetittività, iżda mbagħad inaqqas ukoll id-domanda domestika għall-produzzjoni tal-impriżi, li min-naħa tagħha tista' twassal għat-telf tal-impjiegi. Tul l-aħħar deċennju fl-Ewropa, is-sehem tal-impjegati fid-dħul totali ġġenerat mill-ekonomija niżel, filwaqt li twessgħet il-polarizzazzjoni bejn l-impjiegi ta’ dħul għoli u dawk ta’ dħul baxx. Qasma kbira tippersisti bejn is-salarji tal-irġiel u dawk tan-nisa (medja ta’ 16.4 fl-UE fl-2010), li għandha t-tendenza li tibqa' titwessa' mal-età tal-ħaddiema. L-analiżi tas-salarji minimi fir-rapport turi li, fil-pajjiżi bl-ogħla salarji minimi, mhux talli ma sarx telf tal-impjiegi fost l-inqas persuni kkwalifikati, talli r-rati ta’ impjieg ta’ dawn il-ħaddiema għandhom it-tendenza jkunu ogħla. Is-salarji minimi għandhom ukoll il-potenzjal li jnaqqsu l-qasma bejn is-salarji tal-irġiel u dawk tan-nisa. Huwa għalhekk li l-Pakkett tal-Impjieg saħaq li r-riformi strutturali tas-swieq tax-xogħol għandhom jimmiraw li jiżguraw salarji diċenti u sostenibbli, u li jevitaw n-nasab tas-salarji baxxi, inkluż billi jiġu ffissati salarji minimi f'livelli xierqa.

Ħiliet

In-nies jeħtieġu l-ħiliet adegwati skont ir-rekwiżiti ta’ kull impjieg. L-analiżi tar-rapport turi li f'ċerti pajjiżi, speċjalment fin-Nofsinhar tal-UE, hemm korrispondenza ħażina, f'ċerti każijiet anki agħar minn qabel, bejn il-ħiliet u l-impjiegi. Din il-problema hija partikularment akuta għall-għadd kbir, u li għadu jiżdied, taż-żgħażagħ qiegħda u li mhumiex qed isegwu xi forma ta’ edukazzjoni jew taħriġ (NEETs, "not in education, employment or training"). Il-proposti mfassla fil-Pakkett tal-Impjieg taż-Żgħażagħ (ara IP/12/1311 u MEMO/12/938) għandhom l-għan li jindirizzaw din il-problema billi jiġi żgurat li ż-żgħażagħ bla xogħol ikunu jistgħu jidħlu fl-edukazzjoni avvanzata, f'korsijiet ta’ taħriġ jew f'apprendistat ta’ kwalità, biex ikattru l-possibbiltajiet tagħhom fit-tiftix ta' xogħol.

Biex titnaqqas din l-inkorrispondenza bejn il-ħiliet u l-impjiegi, il-pajjiżi jridu jinvestu b'mod aktar effiċjenti fl-edukazzjoni u t-taħriġ, jonfqu aħjar fuq politiki attivi fis-suq tax-xogħol, u jappoġġjaw il-ħolqien ta’ impjiegi ta’ ħiliet għolja f'setturi li qegħdin jikbru, bħall-ekonomija u t-teknoloġija ekoloġiċi, l-informatika u t-telekomunikazzjonijiet, u l-kura tas-saħħa. Il-Panorama ta' Ħiliet tal-UE (ara IP/12/1329), li ġiet ippubblikata dan l-aħħar, tispjega fid-dettall fejn hemm domanda għal ħaddiema b'kull livell ta’ ħiliet. Fejn ma jkunx hemm postijiet tax-xogħol disponibbli f'pajjiżhom stess, ta’ sikwit ikun hemm postijiet disponibbli fi Stati Membri oħra, iżda l-ħaddiema aktarx isibuha bi tqila jsiru jafu bihom. Il-Kummissjoni adottat riċentement deċiżjoni biex timmodernizza u ttejjeb l-EURES, in-netwerk pan-Ewropew għat-tiftix tax-xogħol (ara IP/12/1262, MEMO/12/896, MEMO/12/897). L-għan huwa li jkun eħfef għal min qed ifittex xogħol jagħmel kuntatt mal-impjegaturi li jkunu qed ifittxu ħiliet partikulari mal-Istati Membri kollha, li jkun hemm enfażi fuq setturi u professjonijiet li jkunu għaddejjin minn nuqqas ta’ ħiliet disponibbli, u li jkun hemm appoġġ għal skemi ta' mobbiltà mmirati għaż-żgħażagħ.

Għal aktar tagħrif

MEMO/13/1

http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=738&langId=en&pubId=7315

Employment and Social Situation Yearly Review (Analiżi tal-Impjieg u l-Iżviluppi Soċjali fl-Ewropa)

Is-sit elettroniku tal-Analiżi tal-Impjieg u tal-Iżviluppi Soċjali

Is-sit elettroniku ta’ László Andor: http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/andor/

Segwi László Andor fuq Twitter: http://twitter.com/#!/LaszloAndorEU

Bullettin b'xejn bil-posta elettronika: http://ec.europa.eu/social/e-newsletter

Kuntatti:

Jonathan Todd (+32 2 299 41 07)

Nadège Defrère (+32 2 296 45 44)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website