Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Viċi President Kallas iniedi kampanja ta' informazzjoni ġdida dwar id-drittijiet tal-passiġġieri

European Commission - IP/13/595   25/06/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-25 ta’ Ġunju 2013

Il-Viċi President Kallas iniedi kampanja ta' informazzjoni ġdida dwar id-drittijiet tal-passiġġieri

Għall-ewwel darba, miljuni ta' turisti li jivvjaġġaw fl-UE dan is-sajf se jkollhom il-protezzjoni ta' sett komprensiv ta' drittijiet tal-passiġġieri, ikun liema jkun il-mezz ta' trasport li jużaw (bl-ajru jew bil-ferrovija, u issa anke bil-vapur, b'xarabank jew bil-kowċ). Madankollu, ir-riċerka turi li żewġ terzi tal-passiġġieri ma jafux x'inhuma d-drittijiet tagħhom. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni qiegħda tniedi kampanja ġdida biex tgħarraf lil dawk il-bosta nies li qed iħejju vjaġġi għal dan is-sajf dwar id-drittijiet tagħhom, u dwar kif jistgħu jużawhom f'każ li jiġu bżonnhom.

Bejn il-25 u t-28 ta' Ġunju, se jiġu organizzati avvenimenti ta' tnedija fi Brussell, f'Ateni-Piraeus u f'Sofia, waqt li f'Varsavja se jkun hemm jum ta' tagħrif dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni, Siim Kallas, responsabbli mill-mobilità u t-trasport, qal: "Għal miljuni ta' ċittadini Ewropej, il-btajjel huma żmien ta' mistrieħ mistħoqq, u fil-parti l-kbira tagħhom ma jiltaqgħux ma problemi meta jivvjaġġaw. Iżda xi kultant l-affarijiet jistgħu jmorru żmerċ. Għall-ewwel darba, dan is-sajf it-turisti jistgħu jivvjaġġaw fl-Ewropa - minn Londra sa Liżbona jew Ljubljana - b'moħħhom mistrieħ li huma koperti bi drittijiet tal-passiġġieri skont il-liġi tal-UE kull fejn u bi kwalunkwe mod li jivvjaġġaw. Iżda biex jużaw id-drittijiet tagħhom, il-passiġġieri jridu jkunu jafu dawn x'inhuma. Din il-kampanja se tipprovdilhom ħafna aktar informazzjoni."

It-tnedija tal-kampanja

Bħala parti minn kampanja ġdida ta' sentejn, fl-ajruporti, fil-portijiet, u fl-istazzjonijiet tax-xarabanks u tal-ferroviji madwar l-Ewropa se jitqiegħdu posters li jolqtu l-għajn, kif ukoll fuljetti u tagħrif onlajn li jkunu disponibbli bil-lingwi kollha tal-UE. Din il-kampanja l-ġdida tkompli fuq dik eżistenti, u se tkun iffokata l-aktar biex trawwem l-għarfien dwar dak li huwa ġdid fir-rigward ta' drittijiet tal-passiġġieri bil-baħar, u drittijiet tal-passiġġieri bix-xarabanks u l-kowċis.

Il-Viċi President Kallas se jniedi l-kampanja l-ġdida uffiċjalment fl-istazzjon tal-ferrovija ta' Zuid/Midi ta' Brussell fit-tlieta ta' wara nofsinhar tas-26 ta' Ġunju, fl-istand taċ-Ċentru Ewropew tal-Konsumaturi (quddiem l-uffiċċju ta' Informazzjoni dwar il-Linji Nazzjonali "Info Point Domestics"). Wara t-tnedija se ssir laqgħa mal-partijiet interessati u l-ġurnalisti fis-"Salon de District (Terminal 22). Matul il-jum kollu, il-passiġġieri se jkunu mistiedna jipparteċipaw fi kwiżż qasir bil-possibbiltà li jirbħu xi gadgets. Għal dan l-avveniment se jattendu:

  1. Is-Sur Melchior Wathelet, Segretarju tal-Istat għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Mobbiltà

  2. Is-Sur Jannie Haeck, CEO ta' SNCB/NMBS Holding

  3. Is-Sur Luc Lallemand, CEO ta' Infrabel

  4. Is-Sur Marc Descheemaecker, CEO ta' SNCB/NMBS

  5. Is-Sur Libor Lochman, Direttur Eżekuttiv tal-Komunità tal-Ferroviji Ewropej

Matul dik il-ġimgħa, il-kampanja se tiġi mnedija wkoll permezz ta' kelliema ewlenin fi tliet lokalitajiet oħra fl-Ewropa.

  1. Fit-Terminal tal-Port ta' Ateni-Piraeus: minn Fotis Karamitsos, Direttur fid-Direttorat-Ġenerali għall-Mobilità u t-Trasport tal-Kummissjoni, nhar il-Ħamis, 27 ta' Ġunju minn 12:00 sa 14:00.

  1. Fl-Istazzjon tax-Xarabanks ta' Sofia, nhar il-Ġimgħa, 28 ta' Ġunju, minn 10am sa 3pm.

  1. Fil-Jum tad-Drittijiet tal-Passiġġieri tal-Ajru fl-ajruport ta' Varsavja, miċ-Ċentru Ewropew tal-Konsumaturi, il-Ġimgħa 28 ta' Ġunju, f'avveniment pubbliku bejn 10am u 4pm u avveniment għall-istampa minn 11am sa 1pm.

X'inhi r-raġuni għal din il-kampanja l-ġdida?

  1. 59 % tal-passiġġieri tal-ajru fl-UE ma jafux x'inhuma d-drittijiet tagħhom meta jivvjaġġaw, 34 % jafuhom u 7 % ma jafux li għandhom drittijiet.[2]

  2. 66 % taċ-ċittadini tal-UE ma jafux x'inhuma d-drittijiet kuntrattwali tagħhom meta jixtru biljetti tat-trasport u 34 % jafuhom.[3]

  3. Wieħed minn kull sitt ċittadini Ewropej ibati b'xi forma ta' diżabbiltà. Barra minn hekk, peress li l-popolazzjoni Ewropea qiegħda dejjem tixjieħ, se jkompli jiżdied ukoll l-għadd ta' passiġġieri li jkollhom bżonn assistenza speċjali minħabba f'xi diżabbiltà jew mobbiltà mnaqqsa. Wieħed mill-għanijiet tal-leġiżlazzjoni tad-drittijiet tal-passiġġieri huwa dak li tippermetti lill-persuni b'diżabbiltà jew mobbiltà mnaqqsa l-possibbiltà li jkunu jistgħu jivvjaġġaw bħall-persuni l-oħra.

  4. L-UE hija l-ewwel parti tad-dinja li għandha sett komprensiv ta' drittijiet tal-passiġġieri applikabbli għall-mezzi kollha tat-trasport (bl-ajru, bil-ferrovija, fuq l-ilma, b'xarabank u bil-kowċ). Jeħtieġ li n-nies isiru jafu aktar dwar id-drittijiet li kisbu issa permezz tal-leġiżlazzjoni tal-UE.

Kif issir taf x'inhuma d-drittijiet tiegħek bħala passiġġier?

Tnediet websajt għall-kampanja li tkopri l-mezzi kollha tat-trasport. Din il-websajt hija disponibbli bil-lingwi uffuċjali tal-UE kollha.

Vidjows u posters dwar il-kampanja

http://ec.europa.eu/transport/passenger-rights/mt/32-campaign.html

Għal iktar tagħrif ara: http://ec.europa.eu/transport/passengers/index_en.htm

Żur il-websajt Id-drittijiet tiegħek bħala passiġġier disponibbli għalik tal-Kummissjoni.

Hija disponibbli app tal-mowbajl li tkopri l-mezzi tat-trasport kollha u erba' pjattaformi tal-mowbajl: l-Apple iPhone u iPad, il-Google Android, l-RIM Blackberry u l-Microsoft Windows Phone 7. L-app hija disponibbli fi 22 lingwa tal-UE. Għal kull problema li tista' tinqala', l-app tispjega d-drittijiet tal-passiġġier u tipprovdi informazzjoni dwar lil min wieħed jista' jikkuntattja f'każ ta' lment.

Niżżel smart phone application for passenger rights, li hija disponibbli għal kull pjattaforma.

MEMO/13/608

Persuni ta' kuntatt:

Helen Kearns (+32 2 298 76 38)

Dale Kidd (+32 2 295 74 61)

[ :

2] Rapport tal-Ewrobarometru tal-2009 dwar id-Drittijiet tal-Passiġġieri tal-Ajru

[ :

3] Rapport tal-Ewrobarometru tal-2009 dwar id-Drittijiet tal-Passiġġieri tal-Ajru


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website