Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-Istampa

Brussell, l-24 ta’ Ġunju 2013

L-Aġenda Diġitali: Regoli speċifiċi ġodda għall-konsumaturi meta dejta personali tat-telekomunikazzjonijiet tintilef jew tinsteraq fl-UE

Il-Kummissjoni Ewropea qed tqiegħed fis-seħħ regoli ġodda dwar dak li għandhom jagħmlu eżattament l-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet u l-fornituri tas-servizzi tal-Internet (ISPs) jekk dejta personali tal-konsumaturi tagħhom tintilef, tinsteraq jew inkella tiġi kompromessa. L-għan ta’ dawn il-“miżuri ta' implimentazzjoni tekniċi” huwa li jiġi żgurat li f'każ ta' ksur tad-dejta l-klijenti jiġu trattati bl-istess mod mal-UE kollha, u li n-negozji jkunu jistgħu jieħdu approċċ pan-Ewropew għal dawn il-problemi jekk ikunu joperaw f’aktar minn pajjiż wieħed.

L-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet u l-ISPs għandhom firxa ta’ dejta dwar il-klijenti tagħhom, bħall-isem, l-indirizz u d-dettalji tal-kont bankarju, minbarra l-informazzjoni dwar telefonati u websajts li jkunu żaru. Dawn il-kumpaniji ilhom joperaw mill-2011, bl-obbligu ġenerali li jinfurmaw lill-awtoritajiet u lill-abbonati f'każ ta' ksur ta' dejta personali (IP/11/622).

Grazzi għal Regolament tal-Kummissjoni, il-kumpaniji se jħossuhom anqas konfużi dwar kif għandhom jissodisfaw dawk l-obbligi, u l-klijenti se jħossuhom aktar moħħhom mistrieħ dwar kif il-problemi tagħhom se jiġu ttrattati. Pereżempju l-kumpaniji jridu:

  • Jinfurmaw lill-awtorità nazzjonali kompetenti bl-inċident fi żmien 24 siegħa wara li jiġi ndividwat il-ksur, sabiex il-konsegwenzi tiegħu jiġu llimitati kemm jista' jkun possibbli. Jekk id-divulgazzjoni sħiħa mhix possibbli f'dak il-perjodu, fi żmien 24 siegħa huma għandhom jipprovdu sett inizjali ta' informazzjoni, u jipprovdu l-bqija tal-informazzjoni fi żmien tlitt ijiem.

  • Jipprovdu sett inizjali ta’ informazzjoni fi żmien 24 siegħa jekk żvelar sħiħ f'24 siegħa ma jkunx possibbli, filwaqt li l-bqija tal-informazzjoni tintbgħat fi żmien tlett ijiem.

  • Meta jkunu qed jivvalutaw jekk jinnotifikawx lill-abbonati (jiġifieri billi japplikaw it-test dwar jekk hemmx probabbiltà li l-ksur jaffettwa b'mod negattiv id-dejta jew il-privatezza personali), il-kumpaniji għandhom jagħtu każ tat-tip ta' dejta kompromessa, b'mod speċjali fil-kuntest tas-settur tat-telekomunikazzjonijiet, informazzjoni finanzjarja, dejta dwar il-lok, fajls ta’ log tal-internet, kronoloġiji tal-ibbrawżjar, dejta tal-e-mail, u listi ta' telefonati dettaljati.

  • Jagħmlu użu minn format standardizzat (pereżempju formola onlajn li hija l-istess fl-Istati Membri kollha tal-UE) biex jinnotifikaw l-awtorità nazzjonali kompetenti.

Il-Kummissjoni tixtieq ukoll li tinċentiva l-kumpaniji biex dawn jikkriptjaw id-dejta personali. Għalhekk, flimkien mal-ENISA, il-Kummissjoni se tippubblika wkoll lista indikattiva ta' miżuri ta' protezzjoni teknoloġiċi, bħal tekniki ta' kkriptjar, li permezz tagħhom persuna li mhix awtorizzata li taqra d-dejta ma tkunx tista' taqraha. Jekk kumpanija tapplika tali tekniki iżda ġġarrab ksur ta' dejta, din ma jkollix għalfejn toqgħod tgħarraf lill-abbonat għaliex tali ksur ma jikxifx id-dejta personali tal-abbonat.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Neelie Kroes qalet: “Il-konsumaturi għandhom ikunu mgħarrfa meta d-dejta personali tagħhom tiġi kompromessa, sabiex ikunu jistgħu jieħdu azzjoni ta’ rimedju jekk tkun meħtieġa, u n-negozji jeħtieġu sempliċità. Dawn il-miżuri prattiċi ġodda jipprovdu kundizzjonijiet ekwi.”

Il-Kummissjoni qed timplimenta dawn ir-regoli wara l-konsultazzjoni pubblika tagħha għall-2011, li turi appoġġ mifrux għall-partijiet interessati għal approċċ armonizzat f’dan il-qasam. Ir-regoli ntlaħaq qbil dwarhom minn kumitat ta' Stati Membri u ġew skrutinati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Huma ġew adottati fil-forma ta' Regolament tal-Kummissjoni, li għandu effett dirett u ma jeħtieġ l-ebda traspożizzjoni ulterjuri fil-livell nazzjonali, u se jidħol fis-seħħ xahrejn wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Sfond

Id-Direttiva dwar il-privatezza elettronika tal-2002 titlob li l-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet u l-fornituri tas-servizzi tal-Internet iżommu d-dejta personali kunfidenzjali u sigura. Madankollu, id-dejta ġieli tinsteraq jew tintilef jew tiġi aċċessata minn persuni mhux awtorizzati. Dawn il-każijiet huma magħrufa bħala "ksur tad-dejta personali”. Skont id-Direttiva riveduta dwar il-Privatezza Elettronika (2009/136/KE), meta jseħħ ksur tad-dejta personali, il-fornitur għandu jirrapporta dan lil awtorità nazzjonali speċifika, li normalment tkun l-awtorità nazzjonali tal-protezzjoni tad-dejta jew ir-regolatur tal-komunikazzjonijiet. Barra minn hekk, meta aktarx il-ksur ikun se jkollu effett negattiv fuq id-dejta jew il-privatezza personali tal-abbonat, il-fornitur għandu jinfurmah direttament. Biex id-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika tiżgura implimentazzjoni konsistenti tar-regoli dwar il-ksur tad-dejta mal-Istati Membri kollha, tippermetti lill-Kummissjoni li tipproponi “miżuri ta' implimentazzjoni tekniċi” — regoli prattiċi biex jikkumplementaw il-leġiżlazzjoni eżistenti — dwar iċ-ċirkustanzi, il-formati u l-proċeduri għar-rekwiżiti tan-notifika.

Biex tħejji l-miżuri, id-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika teħtieġ li l-Kummissjoni “tinvolvi lill-partijiet interessati rilevanti kollha”. Dan sar f’forma ta’ konsultazzjoni pubblika fl-2011. Waslu tweġibiet mingħand firxa wiesgħa ta’ dawk li wieġbu inklużi l-awtoritajiet nazzjonali, il-fornituri tas-servizzi u s-soċjetà ċivili. Ir-riżultati wrew appoġġ mifrux fost il-partijiet interessati għal regoli armonizzati u evidenza ta’ ċerti diverġenzi fl-approċċi nazzjonali. Il-Kummissjoni kkonsultat ukoll l-Aġenżija Ewropea tas-Sigurtà tan-Netwerk u l-Informazzjoni (ENISA), l-Artikolu 29 Il-Grupp ta' Ħidma dwar il-Protezzjoni tad-Dejta u l-Kontrollur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Dejta (EDPS) fit-tħejjija tal-miżuri.

Il-miżuri huma separati u distinti mir-reviżjoni proposta tal-qafas legali għall-protezzjoni tad-dejta tal-UE u l-Proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar is-sigurtà tan-netwerk u l-informazzjoni.

Links utli

Ir-Regolament tal-Kummissjoni dwar il-miżuri applikabbli għan-notifika ta' ksur tad-dejta personali skont id-Direttiva dwar il-Privatezza tad-Dejta Elettronika

Id-Direttiva dwar il-Privatezza tad-Dejta Elettronika.

Privatezza onlajn fl-Aġenda Diġitali

Id-Direttiva tal-UE dwar il-Privatezza tad-Dejta

Hash tags: #eprivacy

Esprimi l-opinjoni tiegħek

L-Aġenda Diġitali

Neelie Kroes

Segwi lil Neelie fuq Twitter

Kuntatti :

Ryan Heath (+32 2 296 17 16), Twitter: @RyanHeathEU

Linda Cain (+32 2 299 90 19)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website