Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, 21 ta’ Ġunju 2013

Il-Kummissjoni tfittex esperti biex jidentifikaw termini kuntrattwali sikuri u ġusti biex tingħata spinta lill-cloud computing

Il-Kummissjoni Ewropea llum nediet sejħa għal applikazzjonijiet għal esperti biex jaħdmu fuq l-identifikazzjoni ta' termini kuntrattwali sikuri u ġusti għas-servizzi tal-cloud computing. L-esperti se jgħinu fl-identifikazzjoni tal-għażliet biex jiġi indirizzat it-tħassib tal-konsumaturi u l-kumpaniji, li ta' spiss jidhru li ma tantx għandhom ħajra jużaw is-servizzi tal-cloud computing minħabba li l-kuntratti jew ma jkunux ċari jew żbilanċjati favur il-fornituri tas-servizz. Din iċ-ċaqliqa hija parti mill-kampanja tal-Kummissjoni biex tissaħħaħ il-fiduċja fis-servizzi tal-cloud computing u jintuża l-potenzjal tagħhom biex tikber il-produttività ekonomika fl-Ewropa u hija azzjoni prinċipali fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Cloud Computing li ġiet adottata s-sena l-oħra. (IP/12/1025, MEMO/12/713).

"Il-liġi tal-kuntratti hija parti importanti mill-istrateġija tagħna tal-cloud computing. L-użu sħiħ tal-cloud jista’ jirriżulta f’żieda ta’ 2.5 miljuni impjiegi addizzjonali fl-Ewropa, u jżid madwar 1 % fis-sena il-PDG tal-UE sal-2020,” qalet il-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja. “L-inċertezza marbuta mal-kuntratti tal-cloud computing tista' xxekkel il-kummerċ transfruntier. Peress li dan huwa qasam kumpless ħafna, aħna qegħdin nitolbu lill-esperti għal parir qabel niddeċiedu dwar il-passi li jmiss.”

Is-sejħa tal-lum għal esperti se tgħin lill-Kummissjoni tidentifika l-aħjar prassi u termini u kundizzjonijiet għall-kuntratti tal-cloud computing. Grupp ta’ esperti fil-futur f’dan il-qasam jista’ wkoll jaħdem fuq l-aspetti tal-protezzjoni tad-dejta personali rilevanti għall-kuntratti tal-cloud computing.

L-esperti se jirrappreżentaw lill-fornituri tas-servizzi tal-cloud, lill-konsumaturi u l-kumpaniji żgħar, lill-akkademiċi u l-professjonisti legali. Ix-xogħol tagħhom se jikkontribwixxi għall-Istrateġija tal-Cloud Computing tal-Kummissjoni bil-għan li jiġi ffaċilitat l-użu u l-iżvilupp tas-servizzi tal-cloud computing fl-UE — settur li għandu potenzjal ekonomiku sinifikanti.

Sfond

Fis-27 ta’ Settembru 2012, il-Kummissjoni Ewropea adottat strateġija għall-“Isfruttar tal-potenzjal tal-cloud computing fl-Ewropa” (IP/12/1025, MEMO/12/713). L-istrateġija hija mfassla biex jiżdied l-użu tal-cloud computing fl-ekonomija kollha.

Il-"cloud computing" jirreferi għall-ħżin tad-dejta (bħal fajls testwali, stampi u vidjows) u softwer fuq kompjuters remoti, li l-utenti jaċċessaw mill-internet permezz ta' apparat tal-għażla tagħhom. Dan jgħaġġel aktar, orħos, aktar flessibbli u potenzjalment aktar sikur minn soluzzjonijiet tal-IT fuq il-post. Bosta servizzi popolari bħal Facebook, Spotify u posta elettronika bbażata fuq l-internet jużaw teknoloġiji ta’ cloud computing iżda l-benefiċċji ekonomiċi reali jirriżultaw mill-użu mifrux ta’ soluzzjonijiet cloud min-negozji u s-settur pubbliku.

L-istrateġija tal-Kummissjoni tinkludi tliet azzjonijiet ewlenin, li waħda minnhom għandha l-għan li tidentifika termini kuntrattwali sikuri u ġusti għal kuntratti tal-cloud computing. Termini ta’ kuntratt li jservu bħala mudell jistgħu jgħinu biex jiġu ffaċilitati arranġamenti kuntrattwali bejn il-fornituri tas-servizzi tal-cloud computing u l-konsumaturi u l-kumpaniji żgħar. Dawn jistgħu wkoll jiffaċilitaw l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-UE dwar il-Protezzjoni tad-Dejta (95/46/CE) sal-punt li tkun rilevanti għall-kuntratti tal-cloud computing.

Għal aktar tagħrif

Il-Kummissjoni Ewropea — il-liġi kuntrattwali:

http://ec.europa.eu/justice/newsroom/contracts/2013_cloud-computing_en.htm

Il-Kummissjoni Ewropea — Cloud computing:

https://ec.europa.eu/digital-agenda/en/telecoms-and-internet/cloud-computing

Il-paġna ewlenija tal-internet tal-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza:

http://ec.europa.eu/reding

Segwi lill-Viċi President fuq Twitter: @VivianeRedingEU

Hash Tags: #cloudstrategy

#da13cloudbb

Kuntatti:

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)

Natasha Bertaud (+32 2 296 74 56)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site