Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-21 ta’ Ġunju 2013

Tgħid il-belt tiegħek se tkun il-Belt Kapitali Ekoloġika Ewropea tal-2016?

Il-Kummissjoni nediet it-tiftixa tagħha għall-Belt Kapitali Ekoloġika Ewropea tal-2016. Il-premju prestiġjuż tal-Kapitali Ekoloġiċi Ewropej (European Green Capital Award ) jirrikonoxxi bliet li jinsabu fuq quddiem nett tal-għixien urban ekoloġiku. Il-premju annwali għandu l-għan inebbaħ lill-bliet Ewropej jieħdu azzjoni biex isiru postijiet aktar attraenti u sani biex wieħed iżurhom u jgħix u jaħdem fihom — bliet li huma “tajbin għall-ħajja”.

Għall-ewwel darba, l-ibliet madwar l-Ewropa b’aktar minn 100 000 ruħ jistgħu japplikaw għat-titlu. Qabel kienu biss eliġibbli l-ibliet b’popolazzjoni ta’ 200,000 jew iktar. Il-bidla tfisser li l-premju issa huwa aċċessibbli għal aktar minn 400 belt madwar l-Ewropa.

Il-benefiċċji ta' Belt Kapitali Ewropea ekoloġika jibdew b’ambjent aktar nadif, impjiegi u investimenti ġodda, u jinkludu żieda fit-turiżmu, b’benefiċċji minn kopertura medjatika internazzjonali pożittiva u aktar sponsorizzazzjoni għal proġetti ambjentali.

Il-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent, Janez Potočnik, qal: “Il-Premju tal-Belt Kapitali Ekoloġika Ewropea jservi ta' vetrina għall-isforzi lokali li jtejbu l-ambjent urban u jippromwovu t-tkabbir sostenibbli. Issa li qegħdin inniedu l-kompetizzjoni għas-seba' Belt Kapitali Ekoloġika Ewropea, għas-sena 2016 nixtieq inħeġġeġ lill-ibliet iressqu l-kandidatura tagħhom, u jinqdew b'din l-opportunità biex jirrevedu u jitfgħu dawl fuq il-kisbiet ambjentali tagħhom, filwaqt li jippjanaw ġejjieni sostenibbli għaċ-ċittadini tagħhom.”

Il-premju għandu l-għan li:

  1. Jirrikonoxxi l-ibliet li għandhom rekord stabbilit sew fil-kisba ta' miri ambjentali

    għoljin

  1. Iħeġġeġ lill-ibliet jimpenjaw irwieħhom favur għanijiet ambizzjużi għal titjib ambjentali u żvilupp sostenibbli fil-ġejjieni, u

  2. Jispira lil bliet oħra permezz ta’ ideat ġodda u l-aħjar prattiki u esperjenzi.

L-applikazzjonijiet se jiġu eżaminati abbażi ta’ tnax-il indikatur: il-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima it-trasport lokali. żoni urbani ekoloġiċi li jintegraw l-użu sostenibbli tal-art; in-natura u l-bijodiversità; il-kwalità tal-arja tal-inħawi: il-kwalità tal-ambjent akustiku; il-produzzjoni u l-ġestjoni tal-iskart; il-ġestjoni tal-ilma; it-trattament tad-dranaġġ; l-innovazzjoni ekoloġika u l-impjiegi sostenibbli; il-prestazzjoni fl-użu tal-enerġija; ġestjoni ambjentali integrata.

Il-premju huwa miftuħ għall-Istati Membri tal-UE, il-pajjiżi aderenti u kandidati, (il-Kroazja, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, l-Iżlanda, il-Montenegro, is-Serbja u t-Turkija) u għall-pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea. L-ibliet jistgħu japplikaw online fuq www.europeangreencapital.eu. Id-data ta’ skadenza għall-applikazzjonijiet għat-titlu tal-2016 hija s-17 ta’ Ottubru 2013. It-titlu jingħata minn ġurija Ewropea megħjuna minn bord ta’ esperti magħrufin ġejjin minn oqsma ambjentali differenti. Il-belt rebbieħa titħabbar f’Ġunju tal-2014.

Sfond

Il-Premju għall-Belt Kapitali Ekoloġika Ewropea huwa frott ta’ inizjattiva li ttieħdet minn bliet b'viżjoni ekoloġika. Il-kunċett oriġinali tfassal waqt laqgħa li saret fil-15 ta’ Mejju 2006 f’Tallinn, l-Estonja, fuq inizjattiva tas-Sur Jüri Ratas, l-ex Sindku ta’ Tallinn. Dakinhar, ħmistax-il belt Ewropea flimkien mal-Assoċjazzjoni tal-Bliet Estonjani ffirmaw Memorandum konġunt ta’ Ftehim dwar il-ħolqien ta’ dan il-premju.

S’issa, sitt ibliet, - Stokkolma, Ħamburg, Vitoria-Gasteiz, Nantes, kopenħagen u Bristol - ingħataw dan it-titlu, mill-2010 sal-2015 rispettivament. Bristol, il-Kapitali Ekoloġika tal-2015, tħabbret nhar il-Ġimgħa li għadda f’Nantes fiċ- ċerimonja annwali tal-għoti tal-premjijiet.

Illum il-ġurnata, l-Ewropa hija soċjetà essenzjalment urbana, bi tliet Ewropej minn erbgħa jgħixu f'ibliet kbar jew żgħar. Ħafna mill-isfidi ambjentali li qed tħabbat wiċċha magħhom is-soċjetà tagħna ġejjin miż-żoni urbani, iżda fl-istess ħin huma dawn l-istess żoni urbani li jiġbru flimkien l-impenn u l-innovazzjoni meħtieġa biex dawk l-isfidi jingħelbu. Il-Premju għall-Belt Kapitali Ekoloġika Ewropea nħoloq bħala inizjattiva biex jitħeġġu u jkunu ppremjati l-isforzi tal-ibliet favur l-ambjent, kif ukoll biex l-ibliet ikomplu jimpenjaw ruħhom għal aktar azzjoni. Barra minn hekk, il-Premju jippromwovi u jitfa' dawl fuq l-iskambju tal-aqwa prassi ma' bliet Ewropej oħra.

Minbarra li jispira bliet oħrajn, dan il-profil akbar iservi biex isaħħaħ ir-reputazzjoni u l-faxxinu tal-belt rebbieħa bħala destinazzjoni li tħajjar lin-nies jżuruha u jaħdmu u jgħixu fiha.

Għal aktar tagħrif:

www.europeangreencapital.eu

Facebook: http://www.facebook.com/EuropeanGreenCapitalAward

Twitter: http://twitter.com/EU_GreenCapital or tweet us @EU_GreenCapital

Persuni ta’ kuntatt:

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website