Navigation path

Left navigation

Additional tools

Dikjarazzjoni Konġunta għall-Jum Dinji għar-Refuġjat

European Commission - IP/13/583   20/06/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-20 ta’ Ġunju 2013

Dikjarazzjoni Konġunta għall-Jum Dinji għar-Refuġjat

mir-Rappreżentant l-Għoli/il-Viċi President tal-UE Catherine Ashton, il-Kummissarju għall-Affarijiet Barranin Cecilia Malmström, il-Kummissarju għall-Iżvilupp Andris Piebalgs u l-Kummissarju għall-Kooperazzjoni Internazzjonali, l-Għajnuna Umanitarja u r-Rispons f'każ ta' Kriżi Kristalina Georgieva

"Illum huwa l-Jum Dinji għar-Rifuġjat: jum ta' tħassib li qed dejjem jikber għall-komunità internazzjonali hekk kif l-għadd ta' persuni spostati madwar id-dinja qed jikber għal livell għoli drammatiku ġdid. Nistgħu ngħoddu l-għadd ta' rifuġjati – aktar minn 46 miljun, skont il-Kummissarju l-Għoli tan-NU għar-rifuġjati – iżda ma nistgħux nikkwantifikaw is-sofferenza tal-bniedem, il-familji, il-ħajjiet u l-esperjenzi tat-tfulija mkissra li jirriżultaw meta n-nies jaħarbu minn gwerra jew minn diżastru.

Fl-Ewropa, għandna raġuni partikolari biex naħsbu dwar ir-rifuġjati u l-persuni spostati issa li l-gwerra, fuq it-tarġa tad-dar tagħna, spustat aktar minn sitt miljun Sirjan, li 1.6 miljun minnhom huma rifuġjati. Flimkien mal-isforzi fuq il-front politiku, l-UE tipprovdi għajnuna umanitarja u għajnuniet oħrajn lis-Sirjani affettwati mill-konflitt, kemm dawk li baqgħu fis-Sirja, u kemm dawk li ħarbu mill-pajjiż. Konxji mill-pressjoni li qed tikber fuq il-komunitajiet ospitanti fil-Libanu, fil-Ġordan u fit-Turkija, qed infittxu wkoll biex ngħinuhom jittrattaw mar-rifuġjati. Sal-lum, ġew kommessi EUR 840 miljun f'għajnuna mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni Ewropea. Dan l-aħħar l-UE ħabbret ukoll li se talloka pakkett addizzjonali ta' EUR 400 miljun f'għajnuna għas-Sirjani.

Sinjal ieħor tal-impenn fit-tul tal-Ewropa fl-għajnuna lir-rifuġjati huwa l-adozzjoni tal-lum mill-UE tal-element finali tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil, ir-riżultat aħħari ta' ħafna snin ta' ħidma biex jiġi żgurat trattament aħjar u aktar uman għal dawk li qed ifittxu ħarsien.

Din se tipprovdi aċċess aħjar għall-proċedura dwar l-ażil għal dawk li qed ifittxu protezzjoni; se twassal għal deċiżjonijiet dwar l-ażil aktar ġusti, aktar rapidi u ta' kwalità aħjar; se tiżgura li n-nies li jibżgħu mill-persekuzzjoni mhumiex se jintbagħtu lura fil-periklu u se tiżgura kundizzjonijiet dinjitużi u diċenti għal dawk li qed ifittux kenn fl-UE.

Is-sistema komuni tagħna se ttemm id-differenzi kbar fir-riżultat tal-applikazzjonijiet għall-ażil madwar l-UE. Se ttejjeb il-kundizzjonijiet materjali li fihom dawk li qed ifittxu ażil jiġu akkoljati u tipprovdi drittijiet proċedurali komuni li jingħataw. Dawn il-miżuri se jkabbru bil-bosta l-kredibbiltà u l-effettività tas-sistema Ewropea għall-ażil.

Il-liġijiet il-ġodda tagħna jintroduċu garanziji għal dawk l-aktar vulnerabbli, b'mod partikolari għall-minuri u l-vittmi ta' tortura jew vjolenza; issa hemm qbil speċifiku li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi biex jevitaw id-detenzjoni lil dawk li qed ifittxu ażil.

U għal dawk li t-talba għall-ażil ġiet aċċettata u għalhekk ingħataw protezzjoni internazzjonali, ir-regoli l-ġodda jarmonizzaw il-benefiċċji li jmorru ma' tali status, speċjalment f'termini ta' drittijiet ta' residenza u aċċess aħjar għax-xogħol u għall-kura tas-saħħa.

Issa dawn il-bidliet jeħtieġu li jiġu implimentati madwar l-Unjoni biex jiżguraw li l-istandards komuni jiġu applikati fil-prattika.

L-Unjoni Ewropea hija unjoni mibnija fuq il-valuri. L-aktar wieħed prezjuż għaliha huwa s-solidarjetà lejn dawk li kienu inqas fortunati u li għandhom bżonn l-għajnuna tagħna biex jgħixu b'mod dinjituż. Din hija r-raġuni għaliex l-UE se tkompli tmexxi lill-komunità internazzjonali biex tgħin lill-persuni spostati madwar id-dinja u biex tilqa' dawk li qed ifittxu refuġju mill-persekuzzjoni u mill-konflitt. Dawk li qed ifittxu ażil intitolati għall-ħarsien għandhom jiġu offruti l-prospett ta' ħajja diċenti u l-opportunità biex jagħmlu kontribuzzjoni lis-soċjetajiet tagħna. Aħna kunfidenti li l-politika komuni Ewropea taħgna dwar l-ażil, li għadu kif kien hemm ftehim dwarha, se tgħin biex din l-aspirazzjoni ssir realtà."

Kuntatti:

Sebastien Brabant (+32 2 298 64 33)

Maja Kocijancic (+32 2 298 65 70)

Michael Mann (+32 2 299 97 80)

Eamonn Prendergast (+32 2 299 88 51)

Alexandre Polack (+32 2 299 06 77)

Irina Novakova (+32 2 295 75 17)

David Sharrock (+32 2 296 89 09)

Tove Ernst (+32 2 298 67 64)

Michele Cercone (+32 2 298 09 63)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website