Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

L-edukazzjoni għolja: pont bejn iż-żewġt ixtut tal-Mediterran

Commission Européenne - IP/13/582   20/06/2013

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-Istampa

Nikożija/Brussell, l-20 ta' Ġunju 2013

L-edukazzjoni għolja: pont bejn iż-żewġt ixtut tal-Mediterran

Aktar studenti minn pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran se jibbenefikaw mill-programm ġdid tal-UE għall-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ: dan kien il-messaġġ mingħand il-Kummissarju Ewropew Androulla Vassiliou illum, f’summit universitarju f’Nikożija. Il-Kummissarju qalet li l-Programm il-ġdid, li se jitnieda f’Jannar 2014, se jibni fuq is-suċċess tal-Programmi Tempus u Erasmus Mundus eżistenti. Mill-2007, ġew allokati aktar minn EUR 140 miljun fi proġetti li jinvolvu universitajiet fin-Nofsinhar tal-Mediterran biex jiġu żviluppati kurrikuli ġodda, l-għalliema jitħarrġu mill-ġdid, jiġu appoġġati metodi ġodda ta’ tagħlim u jsir investiment fit-tagħmir. Barra minn hekk, ġew ipprovduti EUR 150 miljun f'għotjiet għal aktar minn 4 500 student mir-reġjun, biex iqattgħu parti mill-istudji tagħhom fl-UE. Aktar minn 750 persunal akkademiku wkoll ħadu sehem fi skambji organizzati ma’ universitajiet Ewropej.

Aktar minn 200 università fl-Afrika ta' Fuq, il-Lvant Nofsani u l-UE huma involuti fl-iskambji. L-aktar universitajiet attivi fl-iskema jinsabu fi Franza, l-Italja, Spanja, il-Ġermanja, l-Eġittu u l-Ġordan. Kważi 800 student u persunal min-Nofsinhar tal-Mediterran ilhom jibbenefikaw ukoll minn finanzjament għal programmi ta’ masters u dottorat konġunti mill-2004.

“Sa mit-tnedija tiegħu fl-2004, il-programm Erasmus Mundus kien ta’ suċċess kbir, u bi pjaċir ngħid li saħansitra taħt il-programm il-ġdid tagħna se nkunu kapaċi nappoġġaw aktar skambji. L-investiment fiż-żgħażagħ huwa l-aħjar investiment, fl-Ewropa u l-Mediterran tan-Nofsinhar. Irridu nappoġġaw liż-żgħażagħ li huma l-muftieħ għall-bidla soċjali u politika, kif ukoll għall-prosperità futura tar-reġjun, "qalet il-Kummissarju.

L-avveniment “jum ta' tagħrif” fl-Università ta' Nikożija kienet opportunità għall-Kummissjoni biex tiddiskuti l-pjanijiet futuri tagħha ma’ rappreżentanti tal-komunità akkademika fir-reġjun tan-Nofsinhar tal-Mediterran. “Nixtiequ nuru l-impenn tagħna lejn kooperazzjoni dejjiema mal-ġirien tagħna fil-qasam tal-edukazzjoni għolja,” żiedet tgħid il-Kummissarju Vassiliou. L-avveniment laqqa’ flimkien aktar minn 150 uffiċjal tal-gvern, persunal tal-edukazzjoni għolja u partijiet interessati mill-Marokk, l-Alġerija, it-Tuneżija, il-Libja, l-Eġittu, il-Palestina, il-Ġordan, l-Iżrael u l-Libanu u l-Istati Membri tal-UE.

Sfond

Il-programm Erasmus Mundus għandu l-għan li jtejjeb il-kwalità fl-edukazzjoni għolja permezz ta' boroż ta' studju u kooperazzjoni akkademika bejn l-Ewropa u l-bqija tad-dinja. Il-programm joffri appoġġ finanzjarju għall-istituzzjonijiet u boroż ta’ studju għal individwi. Il-finanzjament huwa disponibbli għal:

  • Masters u Dottorati konġunti Ewropej (inklużi boroż ta' studju)

  • Sħubijiet ma' istituzzjonijiet mhux Ewropej tal-edukazzjoni għolja u boroż ta' studju għall-istudenti u l-akkademiċi

  • Proġetti li jippromwovu l-edukazzjoni għolja Ewropea madwar id-dinja

Il-programm Tempus jippromwovi l-kooperazzjoni istituzzjonali għar-riforma u l-modernizzazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni għolja fil-pajjiżi ġirien, inklużi dawk fin-Nofsinhar tal-Mediterran. Il-proġetti tipikament ikollhom baġit ta’ mhux aktar minn EUR 1.5 miljun u jiffokaw fuq oqsma bħall-iżvilupp ta’ kurrikuli ġodda, il-modernizzazzjoni tal-istruzzjoni u t-tagħlim, it-titjib ta’ sħubijiet man-negozji u t-titjib ta’ governanza fl-edukazzjoni għolja. Mill-2003 madwar EUR 220 miljun ġew allokati permezz ta' Tempus biex isostnu l-immodernizzar tal-edukazzjoni għolja fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran. 110 proġetti, li jinvolvu kważi 200 istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja ilhom jirċievu finanzjament permezz ta' Tempus mill-2007.

Wara r-Rebbiegħa Għarbija, il-finanzjament għal Erasmus Mundus u Tempus żdied ħafna. Fl-2011, ammont addizzjonali ta’ EUR 20 miljun għal Tempus sostnew il-ħolqien ta' erba’ sħubijiet ġodda ma' universitajiet u kważi 560 borża ta’ studju aktar fuq il-525 li inizjalment kienu ppjanati għall-kandidati tan-Nofsinhar tal-Mediterran. Fl-2012, il-baġit tal-Erasmus Mundus ġie rduppjat, u dan ifisser li aktar minn EUR 35 miljun kienu disponibbli biex jiġu ffinanzjati 10 sħubijiet. Grazzi għal dan il-finanzjament, kważi 1 500 student mhux tal-UE u 400 ċittadin tal-UE se jirċievu għotjiet biex jistudjaw jew jitgħallmu barra minn pajjiżhom.

Il-programm il-ġdid għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport, se jkompli jippromwovi l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Mediterran tan-Nofsinhar. Apparti appoġġ kontinwu għal gradi universitarji konġunti, studenti minn pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran se jibbenefikaw ukoll minn boroż ta' studju biex jipparteċipaw fi programmi ta' Masters konġunti eċċellenti. Id-dottorati se jkunu ffinanzjati bil-programm ta' Azzjonijiet futur Marie Sklodowska Curie.

L-Erasmus għall-ewwel darba se jiġi estiż għal universitajiet li mhumiex fl-UE.

Għal aktar informazzjoni:

Studju li jiddeskrivi l-kisbiet prinċipali tal-programm Tempus fin-Nofsinhar tal-Mediterran

Erasmus Mundus

Aktar dwar il-programm Erasmus għal kulħadd

Is-sit elettroniku tal-Kummissarju Vassiliou

Il-Kummissjoni Ewropea: Is-sit elettroniku tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ

Segwi lil Androulla Vassiliou fuq Twitter @VassiliouEU

Kuntatti :

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58); Twitter: @DennisAbbott

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site