Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, 28 ta’ Jannar 2013

Jum Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta 2013: Veloċità qawwija ’l quddiem lejn liġijiet affidabbli u moderni tal-protezzjoni tad-dejta tal-UE

Sena ilu, qabel il-Jum Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta 2012, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet pjan ta’ riforma globali tar-regoli tal-protezzjoni tad-dejta tal-UE biex ikunu adattati għas-seklu 21 (IP/12/46). Sena wara, sar progress konsiderevoli u n-negozjati dwar ir-regoli l-ġodda qed jimxu ’l quddiem b’veloċità qawwija

Ir-raġunijiet huma ċari: Biex tiffjorixxi, l-ekonomija diġitali teħtieġ fiduċja. Ħafna nies mhumiex kunfidenti dwar l-għoti ta’ dejta personali tagħhom onlajn. Dan ifisser li huma inqas probabbli li jużaw servizzi onlajn u teknoloġiji oħrajn. Regoli b’saħħithom, affidabbli u applikati b’mod konsistenti se jwasslu għal ipproċessar ta’ dejta aktar sikur, irħas u jsaħħu l-fiduċja tal-poplu. Il-fiduċja twassal għal tkabbir. Xi stimi juru li l-PGD tal-UE jista’ jikber b’4 % aktar sal-2020 jekk l-UE tieħu l-passi meħtieġa biex jinħoloq suq uniku diġitali modern.

“Qegħdin ngħixu f’dinja diġitali li fiha d-dejta personali għandu valur ekonomiku enormi. Diġà, il-mudelli ta’ lok ta’ persuna jistgħu jinqabdu u jkunu segwiti. Fi ftit żmien, sensers se jgħidu lit-telefons jekk l-utenti tagħhom humiex waħedhom jew f’folla,” qalet il-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja. "In-negozji Ewropej jeħtiġilhom jieħdu vantaġġ minn dan il-pajsaġġ ġdid tal-kompjuters u tal-qsim tal-informazzjoni u l-konsumaturi Ewropej jeħtieġu li jkunu kapaċi jinnavigaw mingħajr periklu għalkemm fl-era diġitali. Liġi uniformi u moderna tal-protezzjoni tad-dejta għall-Unjoni Ewropea hija eżattament dak li neħtieġu biex niżguraw il-fiduċja u niġġeneraw tkabbir fis-suq uniku diġitali. Qed naħdem qatigħ biex niżgura li sal-Jum Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta tas-sena d-dieħla din ir-riforma se tkun fil-ktieb tal-istatut."

Fis-26 ta’ Ottubru 2012 (SPEECH/12/764) u t-18 ta’ Jannar 2013 (SPEECH/13/29), il-Ministri Ewropej tal-Ġustizzja għamlu diskussjonijiet iddettaljati dwar il-proposti tar-riforma, inklużi d-dritt li tintesa, multi għal organizzazzjonijiet li jimmaniġġjaw b’mod ineffiċjenti dejta personali u l-ispejjeż u l-benefiċċji tar-regoli l-ġodda għan-negozji. Sadanittant, fit-8 ta’ Jannar 2013, il-Kummissjoni Ewropea laqgħet l-appoġġ għal regoli b’saħħithom tal-protezzjoni tad-dejta tal-UE espressi fl-abbozz tar-rapporti mill-Parlament Ewropew dwar il-proposti tar-riforma (MEMO/13/4). Kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-ministri li jiltaqgħu fil-Kunsill tal-UE se jkomplu d-diskussjonijiet tagħhom matul ix-xhur li ġejjin taħt il-Presidenza Irlandiża tal-UE.

L-Isfond

Fl-era diġitali, il-ġbir u l-ħżin ta’ tagħrif personali huma essenzjali. Id-dejta hija użata min-negozji kollha – minn kumpaniji tal-assigurazzjoni u banek għal siti tal-midja soċjali u għodod ta’ tiftix (search engines). F’dinja globalizzata, it-trasferiment tad-dejta lejn pajjiżi terzi sar fattur importanti fil-ħajja ta’ kuljum. M’hemm l-ebda fruntieri onlajn u l-cloud computing tfisser li tista’ tintbagħat dejta minn Berlin biex tkun ipproċessata f’Boston u maħżuna f’Bangalore.

74 % tal-Ewropej jaħsbu li l-iżvelar ta’ dejta personali huwa dejjem iktar parti mill-ħajja moderna, iżda fl-istess ħin, 72 % tal-utenti tal-internet huma inkwetati li dawn jagħtu wisq dejta personali. Iħossu li ma għandhomx kontroll sħiħ tad-dejta tagħhom. Fiduċja li qed tonqos fis-servizzi u għodod onlajn iżomm lura t-tkabbir tal-ekonomija diġitali u tas-suq uniku diġitali tal-Ewropa.

Fil-25 ta’ Jannar 2012 il-Kummissjoni Ewropea pproponiet riforma komprensiva tar-regoli tal-protezzjoni tad-dejta tal-UE tal-1995 biex issaħħaħ id-drittijiet tal-privatezza onlajn u tagħti spinta lill-ekonomija diġitali tal-Ewropa. Il-proposti tal-Kummissjoni jaġġornaw u jimmodernizzaw il-prinċipji miġbura fid-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta tal-1995 biex iġibuhom fl-era diġitali. Dawn jinkludu proposta għal Regolament li jistipula qafas ġenerali tal-UE għall-protezzjoni tad-dejta u proposta għal Direttiva dwar il-ħarsien tad-dejta personali pproċessata għall-iskopijiet tal-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali u attivitajiet ġudizzjarji relatati (IP/12/46).

Il-proposti tal-Kummissjoni jsegwu r-Rapport tal-Parlament Ewropew minn Axel Voss (MEMO/11/489) li sejjaħ lill-Kummissjoni biex tirriforma r-regoli tal-protezzjoni tad-dejta Ewropea.

Vot fil-Parlament Ewropew huwa mistenni madwar l-aħħar ta’ April. Il-Presidenza Irlandiża tal-UE li għas-sitt xhur li ġejjin għandha tippresjedi u tmexxi l-laqgħat tal-Kunsill għamlet il-protezzjoni tad-dejta prijorità u qed taħdem ħafna sabiex tilħaq ftehim politiku dwar ir-riforma tal-protezzjoni tad-dejta sat-tmiem il-Presidenza Irlandiża (Ġunju 2013).

Għal aktar tagħrif

Pakkett tal-istampa: riforma tal-protezzjoni tad-dejta:

http://ec.europa.eu/justice/newsroom/data-protection/news/120125_en.htm

Il-Kummissjoni Ewropea – protezzjoni tad-dejta:

http://ec.europa.eu/justice/data-protection

Rapport tal-Parlament Ewropew dwar Ir-Regolament tal-Protezzjoni tad-Dejta:

http://www.europarl.europa.eu/meetdocs/2009_2014/documents/libe/pr/922/922387/922387mt.pdf

Rapport tal-Parlament Ewropew dwar id-Direttiva tal-Protezzjoni tad-Dejta:

http://www.europarl.europa.eu/meetdocs/2009_2014/documents/libe/pr/923/923072/923072mt.pdf

Il-paġna ewlenija fuq l-internet tal-Viċi President Viviane Reding, Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja: http://ec.europa.eu/reding

Il-Kamra tal-Aħbarijiet tad-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/justice/newsroom/index_en.htm

Segwi lill-Viċi President fuq Twitter: @VivianeRedingEU

Kuntatti:

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)

Natasha Bertaud (+32 2 296 74 56)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website