Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, id-19 ta’ Ġunju 2013

Il-portijiet Ewropej: Djalogu soċjali madwar l-Ewropa bejn il-ħaddiema tal-port u l-impjegaturi

Il-Kummissjoni Ewropea tilqa’ b’sodisfazzjon il-kumitat ġdid tad-djalogu soċjali fis-settur tal-portijiet, mniedi llum mal-awtoritajiet tal-port, l-operaturi tat-terminali, il-ħaddiema tat-tarzna u l-ħaddiema oħrajn tal-port madwar l-UE. Miljun u nofs ħaddiem huma impjegati fil-portijiet Ewropej, bl-istess ammont għal darb’ oħra impjegati indirettament madwar it-22 Stati Membru marittimu tal-UE. Dan il-kumitat ġdid se jeżamina l-isfidi ffaċċjati mis-settur u jgħin sabiex jikkontribwixxi għas-suċċess tiegħu għaż-żmien fit-tul. Il-portijiet mhumiex biss magni ta’ żvilupp ekonomiku u sorsi ta’ ġid. Aktar vapuri tal-merkanzija, vapuri tal-kruċiera u laneċ fil-portijiet tagħna jġibu aktar impjiegi u opportunitajiet ġodda.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Siim Kallas, responsabbli għat-trasport, qal: "Il-portijiet Ewropej għandhom potenzjal enormi biex joħolqu impjiegi ta’ kwalità, jiġbdu l-investiment u jikkontribwixxu għat-tkabbir. Flimkien mal-linji ta' gwida tan-Netwerk tat-Trasport Trans-Ewropew u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa li qed jiġu miftehma mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, il-qafas legali li pproponejt fit-23 ta’ Mejju se jissemplifika l-proċeduri, jiffaċilita l-aċċess għas-servizzi tal-port u jattira l-investimenti. Madankollu, il-ħaddiema tal-port għandhom ukoll ikunu mħarrġa tajjeb u l-ambjent tax-xogħol tagħhom għandu jiġi adattat. Id-djalogu soċjali se jikkontribwixxi għal dawn.”

László Andor, Il-Kummissarju Ewropew għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, qal: "Jekk rridu noħorġu minn din il-kriżi u nippreservaw il-benefiċċji tal-mudell soċjali tal-UE u nżommu l-koeżjoni soċjali, jeħtieġ li nsaħħu r-rwol tas-sħab soċjali fil-livelli kollha. Id-diskussjonijiet fil-kumitat tad-djalogu soċjali tal-portijiet se jikkontribwixxu għat-titjib tal-ħajja tax-xogħol tal-ħaddiema tat-tarzna, fosthom it-titjib tas-saħħa u s-sikurezza ta' fuq il-post u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Fil-kuntest tal-modernizzazzjoni tal-infrastruttura tal-portijiet u tat-tnaqqis fl-infiq tal-gvern, l-involviment tas-sħab soċjali fir-riformi tal-gvern huwa partikolarment vitali”.

Illum, il-kumitat il-ġdid se jkollu l-laqgħa tal-inawgurazzjoni tiegħu fi Brussell. Din tlaqqa’ flimkien l-Organizzazzjoni Ewropea tal-Portijiet tal-Baħar, il-Federazzjoni Ewropea tal-Operaturi Privati tal-Terminali tal-Portijiet, il-Federazzjoni Ewropea tat-Trasport u l-Koordinazzjoni Internazzjonali tal-Ħaddiema tat-Tarzna Ewropea, li jirrappreżentaw il-ħaddiema tat-tarzna u l-ħaddiema tal-port fil-portijiet Ewropej.

Sfond

Il-programm ta’ ħidma tal-kumitat għas-snin li ġejjin jirrifletti l-impenn tas-sħab soċjali sabiex jindirizzaw dawn l-isfidi b’mod konġunt, u jkopru suġġetti bħal: it-taħriġ u l-kwalifiki; l-attrattività għall-ħaddiema żgħażagħ; is-saħħa u s-sikurezza; u l-promozzjoni tal-impjieg tan-nisa.

Fit-23 ta’ Mejju 2013, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill proposta leġiżlattiva għall-immodernizzar tas-servizzi tal-port u l-attirar tal-investimenti tal-portijiet fl-UE. F’dan il-perjodu ekonomiku diffiċli, il-portijiet u l-loġistika marittima qed ikomplu l-irkupru tagħhom, jiffaċilitaw il-kummerċ għall-esportazzjoni tal-UE u jikkontribwixxu għall-kompetittività tal-industriji Ewropej.

Fil-15-20 sena li jmiss, il-portijiet Ewropej se jiffaċċaw sfida bit-tkabbir fit-traffiku, u jeħtieġ li jadattaw għall-ġenerazzjonijiet ġodda ta’ vapuri li se jidħlu fis-servizz, in-negozji ġodda tal-enerġija fil-gass u l-bijomassa u l-kumplessitajiet loġistiċi ġodda rigward l-operazzjonijiet tat-terminal u l-konnessjonijiet tal-portijiet mal-hinterland.

Dan it-tkabbir previst se joħloq ħafna impjiegi ġodda, b’mod partikolari għall-ħaddiema żgħażagħ. Madankollu, l-iżviluppi teknoloġiċi qed ibiddlu r-rekwiżiti tat-taħriġ. Id-domanda akbar għat-taħriġ tekniku tmur f'id f'id mal-konċentrazzjoni aktar qawwija fuq it-teknoloġiji tal-IT applikabbli għall-immaniġġjar tal-merkanzija u l-loġistika fiż-żona tal-port. Fl-istess ħin, dawn ir-rekwiżiti ġodda jistgħu jaffetwaw il-kondizzjonijiet tax-xogħol u joħolqu riskji u perikli ġodda għal ħaddiema.

Il-Kummissjoni qablet li tipprovdi appoġġ tekniku u amministrattiv rigward id-djalogu soċjali sabiex jiġu indirizzati dawn l-isfidi komuni, bħala parti minn pjan ta’ azzjoni li jakkumpanja l-proposta leġiżlattiva tagħha.

Id-djalogu soċjali Ewropew jirreferi għad-diskussjonijiet, il-konsultazzjonijiet, in-negozjati u l-azzjonijiet konġunti li jinvolvu l-organizzazzjonijiet li jirrapreżentaw iż-żewġ naħat tal-industrija (l-impjegaturi u l-ħaddiema). Huwa parti mill-mudell soċjali Ewropew u huwa rikonoxxut bħala għodda tajba ta’ governanza u ta’ sussidjarjetà soċjali. Dan wera wkoll ir-rwol tiegħu bħala strument ta’ reżiljenza soċjali, li jgħin sabiex jitnaqqas l-impatt soċjali negattiv tar-riċessjoni u l-kriżi.

Għal aktar informazzjoni:

Il-Kummissjoni tipproponi aġġornament għal 300 port tal-baħar prinċipali IP/13/451

Il-Portijiet tal-Baħar Ewropej 2030 MEMO/13/448

Djalogu soċjali Ewropew: http://ec.europa.eu/socialdialogue

Il-portijiet Ewropej — magna għat-tkabbir:

http://ec.europa.eu/transport/modes/maritime/infographics_en.htm

Is-sit ta' László Andor: http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/andor/index_en.htm

Segwi lil László Andor fuq Twitter: http://twitter.com/LaszloAndorEU

Abbona b'xejn għall-bulettin bl-email tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-inklużjoni: http://ec.europa.eu/social/e-newsletter

Kuntatti :

Jonathan Todd (+32 2 299 41 07)

Cécile Dubois (+32 2 295 18 83)

Helen Kearns (+32 2 298 76 38)

Dale Kidd (+32 2 295 74 61)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site