
Il-Kummissjoni Ewropea
Stqarrija għall-istampa
Brussell, it-28 ta' Jannar 2013
Nifirħu lit-tradutturi żgħażagħ tal-UE
L-ismijiet tas-27 rebbieħ ta' Tradutturi Żgħażagħ tal-UE, il-konkors annwali tal-Kummissjoni Ewropea għall-istudenti tal-iskejjel sekondarji, ġew ippubblikati llum (it-28 ta' Jannar, il-lista tal-istudenti/skejjel rebbieħa tinsab hawn taħt). F’Novembru 2012, ħadu sehem fil-konkors aktar minn 3,000 student minn 750 skola. Ir-rebbieħa – wieħed minn kull pajjiż tal-UE - se jkunu mistiedna għal ċerimonja ta’ premjazzjoni fi Brussell fil-11 ta’ April biex jirċievu l-premjijiet tagħhom mingħand il-Kummissarju Androulla Vassiliou u se jingħataw ukoll l-opportunità li jaraw lit-tradutturi tal-Kummissjoni fuq xogħolhom.
“Il-konkors huwa metodu eċċellenti ta’ kif wieħed jippromwovi t-tagħlim u t-traduzzjoni tal-lingwi bħala karriera possibbli. Il-ħiliet lingwistiċi huma kwalità mill-aqwa: jiftħulek moħħok u jistgħu jżidulek iċ-ċans li ssib impjieg, fatturi partikolarment importanti fl-ambjent ekonomiku attwali,” qalet Androulla Vassiliou, il-Kummissarju għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ.
Il-parteċipanti kellhom jittraduċu test ta' paġna skont l-għażla tagħhom, minn kwalunkwe waħda mill-506 pari possibbli fost it-23 lingwa uffiċjali tal-UE. Fil-fatt it-23 lingwa uffiċjali kollha ntużaw bħala lingwi sors. Ir-rebbieħa wrew livell xieraq ta’ diversità lingwistika – 11 minnhom ittraduċew mill-Ingliż, 5 mill-Franċiż, 5 mill-Ispanjol, 4 mill-Ġermaniż, 1 mill-Estonjan u 1 mill-Irlandiż. It-testi ġew ikkoreġġuti mit-tradutturi tal-Kummissjoni.
Il-konkors, li ġie organizzat l-ewwel darba fl-2007, qed ikompli jikber fil-popolarità. Kważi mal-1,750 skola rreġistraw biex jieħdu sehem fil-konkors tal-2012-2013 – numru li kellu jitnaqqas għal 750 minħabba raġunijiet ta' loġistika wara selezzjoni aleatorja bil-kompjuter. Il-konkors ħoloq in-netwerk tiegħu stess, li jippermetti lill-istudenti, lill-għalliema u lill-professjonisti jikkomunikaw permezz ta' Facebook, Twitter u blogg.
Il-konkors joffri wkoll l-opportunità lill-iskejjel li jitgħallmu minn xulxin u li jippruvaw metodi differenti ta' tagħlim tal-lingwi. L-iskola Salzmannschule Schnepfenthal f’Thuringia, il-Ġermanja, hija waħda li għandha tiġbed l-attenzjoni: l-istudenti tagħha rebħu l-premju tliet darbiet. Forsi l-isem tal-għalliema ewlenija tal-lingwi – Susanne Bravo – huwa indikazzjoni tas-suċċess li kisbet din l-iskola.
It-testi għat-traduzzjoni saħqu fuq is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet, li hija t-tema tas-Sena Ewropea 2012, u varjaw minn stejjer dwar żgħażagħ li jgħallmu lill-anzjani jużaw il-kompjuter sa lezzjonijiet tal-istorja mogħtija mill-anzjani lit-tfal. It-testi tħejjew minn tradutturi tal-Kummissjoni biex jiżguraw l-istess livell ta’ diffikultà lingwistika fil-lingwi kollha.
L-istudenti Kroati se jkunu jistgħu jieħdu sehem fil-konkors tal-2013-2014 għall-ewwel darba wara li pajjiżhom jissieħeb fl-UE u l-Kroat isir l-24 lingwa uffiċjali.
Sfond
Il-konkors Juvenes Translatores (li bil-Latin tfisser "tradutturi żgħażagħ") jiġi organizzat kull sena mid-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni tal-Kummissjoni Ewropea. L-għan huwa l-promozzjoni tat-tagħlim tal-lingwi fl-iskejjel, u li ż-żgħażagħ jingħataw idea dwar xi jfisser li tkun traduttur. Huwa miftuħ għal studenti ta' 17-il-sena fl-iskejjel sekondarji (fil-każ tal-konkors tal-2012-2013 għal dawk li twieldu fl-1995) u jsir fl-istess żmien fl-iskejjel kollha magħżula minn madwar l-Ewropa kollha. Il-kompetizzjoni ħeġġet lil xi wħud mill-parteċipanti jagħżlu li jistudjaw il-lingwi u jsiru tradutturi.
Kuntatti : Dennis Abbott (+32 2 295 92 58); Twitter: @DennisAbbott Dina Avraam (+32 2 295 96 67) |
Ir-rebbieħa (u l-pari tal-lingwi li għażlu għat-test) u l-iskejjel tagħhom huma dawn li ġejjin
PAJJIŻ | REBBIEĦ | SKOLA |
L-Awstrija | Sophie Maurer (ES-DE) | Sir-Karl-Popper-Schule/Wiedner Gymnasium, Wien |
Il-Belġju | Juliette Louvegny (DE-FR) | Collège du Christ-Roi, Ottignies |
Il-Bulgarija | Пламена Малева (DE-BG) | Езикова гимназия „Проф. д-р Асен Златаров“, Велико Търново, |
Ċipru | Μαρία Μυριανθοπούλο (EN-EL) | Ενιαίο Λύκειο Κύκκου Α, Λευκωσία |
Ir-Repubblika Ċeka | Daniela Ottová (EN-CS) | Gymnázium a Střední odborná škola, Jilemnice |
Id-Danimarka | Maria Priego Christiansen (ES-DA) | Rybners stx, Esbjerg |
L-Estonja | Eeva Aleksejev (FR-ET) | Gustav Adolfi Gümnaasium, Tallinn |
Il-Finlandja | Annika Metso (FR-FI) | Puolalanmäen lukio, Turku |
Franza | Lou Barra-Thibaudeau (ES-FR) | Lycée Victor Hugo, Poitiers |
Il-Ġermanja | Valentin Donath (ET-DE) | Salzmannschule Schnepfenthal, Waltershausen |
Il-Greċja | Μαρία Φανή Δεδεμπίλη (ES-EL) | Γενικό Λύκειο Βέλου, Βέλο Κορινθίας |
L-Ungerija | Rebeka Tóth (EN-HU) | Erkel Ferenc Gimnázium és Informatikai Szakképző Iskola, Gyula |
L-Irlanda | Maeve Walsh (GA-EN) | Loreto High School Beaufort, Dublin |
L-Italja | Francesca Magri (DE-IT) | Liceo Linguistico Europeo paritario S.B Capitanio, Bergamo |
Il-Latvja | Elvis Ruža (EN-LV) | Mērsraga vidusskola, Mērsrags |
Il-Litwanja | Giedrė Pupšytė (EN-LT) | Žemaičių Naumiesčio gimnazija, Šilutės rajonas |
Il-Lussemburgu | Sophie Maurer (FR-DE) | Athénée de Luxembourg |
Malta | Janice Valentina Bonnici (EN-MT) | G.F. Abela Junior College |
Il-Pajjiżi l-Baxxi | Anne-Mieke Thieme (EN-NL) | Marnix College, Ede |
Il-Polonja | Urszula Iskrzycka (EN-PL) | I Liceum Ogólnokształcące im. K.Miarki, Mikołów, śląskie |
Il-Portugall | Catarina Pinho (ES-PT) | Escola Secundária de Rio Tinto, Rio Tinto |
Ir-Rumanija | Diana Alexandra Amariei (FR-RO) | Liceul Teoretic Sfantu-Nicolae, Gheorgheni, jud.Harghita |
Is-Slovakkja | Lenka Mišíková (FR-SK) | Gymnázium bilingválne, Žilina |
Is-Slovenja | Gita Mihelčič (EN-SL) | Gimnazija in srednja šola Kočevje, Kočevje |
Spanja | Jaime Bas Domínguez (EN-ES) | IES El Burgo de Las Rozas, Las Rozas, Madrid |
L-Isvezja | Agnes Forsberg (EN-SV) | Johannes Hedberggymnasiet, Helsingborg |
Ir-Renju Unit | Angus Russell (DE-EN) | City of London School, London |
L-istudenti rebbieħa huma disponibbli għall-intervisti (id-dettalji jistgħu jinkisbu mingħand il-kelliem).
Mappa li turi minn fejn ġejjin ir-rebbieħa:

Aktar tagħrif:
Is-sit tal-konkors: ec.europa.eu/translatores
Facebook: facebook.com/translatores
Twitter: @translatores
Blogg tal-JT għall-għalliema: http://blogs.ec.europa.eu/translatores/
Id-DĠ tat-Traduzzjoni: ec.europa.eu/dgs/translation
Is-sit ta' Androulla Vassiliou: ec.europa.eu/commission_2010-2014/vassiliou