Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tappella għal kunsens ġdid biex tiġi xprunata l-ekonomija ħalli terġa' tikber

Commission Européenne - IP/13/558   19/06/2013

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, id-19 ta’ Ġunju 2013

Il-Kummissjoni tappella għal kunsens ġdid biex tiġi xprunata l-ekonomija ħalli terġa' tikber

Impjiegi fost iż-Żgħażagħ u Finanzjar lill-SMEs fuq il-mejda tad-diskussjoni għall-Kunsill Ewropew li jmiss

Fit-tmiem il-laqgħa ta' kull ġimgħa tal-Kummissjoni li l-aktar iffukat fuq il-laqgħa tal-aħħar ta' Ġunju tal-Kunsill Ewropew, il-President Barroso qal, "L-Ewropa qed taħdem ħafna biex toħroġ mill-kriżi. Il-Kummissjoni ddokumentat dan f'analiżi dettaljata li takkumpanja r-rakkomandazzjonijiet tagħna speċifiċi għall-pajjiż. Imma xorta waħda r-rendiment tat-tkabbir tagħna mhuwiex sodisfaċenti biżżejjed u għandna emerġenza soċjali f'partijiet tal-Ewropa. Nistgħu nużaw il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew fl-aħħar tal-ġimgħa d-dieħla biex inġibu kunsens ġdid u momentum imġedded, u nagħqdu lill-UE madwar ftehim fuq x'hiex se nagħmlu biex nixprunaw l-ekonomija ħalli terġa' tikber. Qed inressqu miżuri konkreti biex niġġieldu l-qgħad fost iż-żgħażagħ u biex nappoġġaw, flimkien mal-Bank Ewropew tal-Investiment, il-BEI, l-iffinanzjar tal-ekonomija reali, speċjalment l-SMEs. L-ingredjenti ta' dan il-kunsens qegħdin fuq il-mejda tad-diskussjoni, issa rridu nwettquhom."

Il-Kummissjoni Ewropea qablet għal tliet kontribuzzjonijiet għall-Kunsill Ewropew li jmiss, skedat għas-27 u t-28 ta' Ġunju 2013. Il-kontribuzzjonijiet dwar l-ittrattar tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, ir-regolamentazzjoni aħjar u l-analiżi tal-pakkett għat-tkabbir u għall-impjiegi ġew adottati dalgħodu. Kontribuzzjoni oħra, flimkien mal-BEI dwar iż-żieda tas-self lill-ekonomija se ssir disponibbli hekk kif tiġi adottata formalment. Dan il-pakkett ta' inizjattivi se jgħin lill-Ewropa biex tagħmel differenza biex treġġa' n-nies lura għax-xogħol u jippermettu lill-kumpaniji jimpjegaw persunal u jinvestu u lill-banek biex jipprovdu self lill-ekonomija reali.

Il-punti ewlenin tal-erba' kontribuzzjonijiet:

Naħdmu flimkien għaż-żgħażagħ tal-Ewropa – Appell għal azzjoni dwar il-qgħad fost iż-żgħażagħ

Il-ġlieda tal-qgħad fost iż-żgħażagħ hija l-akbar prijorità. Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-mezzi huma f’idejn l-Istati Membri, l-UE tista’ tgħin biex tagħmel differenza. Il-Kummissjoni pproponiet għadd ta' miżuri prattiċi u li jistgħu jinkisbu li għandhom il-potenzjal għal impatt immedjat, imma ċertu miżuri għadu ma sarx qbil dwarhom fil-livell tal-UE, b'mod partikolari dawk marbuta mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP).

Il-prijorità hija li tiġi aċċelerata l-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ. Il-Kummissjoni qed tipproponi li EUR 6 biljun tal-Inizjattiva tal-Impjieg fost iż-Żgħażagħ jingħataw minn qabel biex dawn il-flus jiġu kommessi fl-2014 u fl-2015 minflok matul il-perjodu ta' seba' snin tal-QFP. L-Istati Membri jeħtieġ li fil-ħarifa jippreżentaw il-programmi tagħhom għall-impjieg fost iż-żgħażagħ. B'mod parallel il-Kummissjoni se tiżviluppa għadd ta' għodod fil-livell tal-UE biex jgħinu lill-Istati Membri, bħall-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati, il-koalizzjoni għall-impjieg diġitali, il-EURES u l-inizjattiva "l-ewwel impjieg EURES tiegħek", u jgħinu lill-impriżi biex jirreklutaw iż-żgħażagħ. Dawn il-miżuri kollha jeħtieġu li jitressqu bi sħubija mill-qrib mal-imsieħba soċjali u l-entitajiet interessati rilevanti.

Rapport konġunt bejn il-Kummissjoni u l-BEI lill-Kunsill Ewropew – Iż-żieda tas-self lill-ekonomija: l-implimentazzjoni taż-żieda tal-kapital tal-BEI u inizjattivi konġunti bejn il-Kummissjoni u l-BEI

Wieħed mill-akbar ostakli għall-irkupru bħalissa huwa n-nuqqas ta' tislif normali lill-ekonomija reali, speċjalment lill-SMEs, punt enfasizzat mill-Kummissjoni fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir.

F'rapport konġunt, il-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ewropew tal-Investiment stabbilixxew kif se tiġi allokata ż-żieda tal-kapital tal-BEI, li ġiet miftehma reċentement. Barra minn hekk, ir-rapport jiddeskrivi tliet għażliet biex l-SMEs jiġu megħjuna jiksbu aċċess għall-fondi u jimpjegaw iż-żgħażagħ fil-ġejjieni qrib. Il-Kummissjoni se tħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew biex jieħu approċċ ambizzjuż dwar din il-kwistjoni.

Il-Patt għal Tkabbir u Impjiegi: sena wara – Rapport lill-Kunsill Ewropew

Il-Kummissjoni Ewropea adottat rapport ta' progress dwar Pakkett għal Tkabbir u Impjiegi. Sena wara, hemm ħafna li l-Istati Membri għadhom jistgħu jagħmlu biex jgħinu lilhom infushom, pereżempju billi jużaw il-potenzjal tas-suq uniku f'ċerti oqsma bħal dawk diġitali, tal-enerġija u r-riċerka.

Ir-rapport jenfasizza l-ħtieġa biex jitlesta l-Att 1 dwar is-Suq Uniku fejn seba' proposti biss mit-12 li tressqu mill-Kummissjoni sar qbil dwarhom mill-koleġiżlaturi. Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat ħafna mill-proposti għall-Att II dwar is-Suq Uniku. Hija se tippreżenta l-proposti li fadal fil-ġimgħat li ġejjin, inkluża l-leġiżlazzjoni biex ikunu promossi fondi ta' investiment għal perjodu twil li jistgħu jkunu sors alternattiv ieħor ta' self lill-ekonomija reali. Il-Kummissjoni qed tappella għal adozzjoni bla xkiel ta' dawn il-proposti qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

Ir-rapport juri kif il-Kummissjoni għamlet disponibbli l-baġit sħiħ għall-politika ta' koeżjoni biex tappoġġa proġetti għat-tkabbir u għall-ħolqien tax-xogħol bħala parti mill-pakkett ta' investiment ta' EUR 120 biljun deskritt fil-Pakkett.

Segwitu mill-Kummissjoni għall-"Aħjar Għaxar" Konsultazzjonijiet tal-SMEs dwar ir-regolamentazzjoni tal-UE

Parti oħra importanti mit-taħlita hija li jkollna ambjent li jiffaċilita n-negozju. Ir-regolamentazzjoni fil-livell tal-UE minflok 27 modi differenti fil-livell nazzjonali wriet li hija mezz effettiv biex jinħolqu opportunitajiet ġodda.

Il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni biex tindirizza l-10 biċċiet l-aktar diffiċli tal-leġiżlazzjoni tal-UE, kif identifikati mill-SMEs. Qiegħed nehmeż komunikazzjoni li tagħti dettalji tal-azzjoni meħuda jew li għandha tittieħed biex tiġi indirizzata kull waħda minnhom. Għal kull biċċa mil-leġiżlazzjoni identifikata mill-SMEs, il-Kummissjoni diġà analizzat it-tħassib espress, ħadet azzjoni fejn dan jista' jsir mill-Kummissjoni jew għamlet proposti lill-koleġiżlaturi biex inaqqsu l-piż fuq l-SMEs. Pereżempju, f'Diċembru 2011, il-Kummissjoni pproponiet reviżjoni tar-reġim għall-akkwist pubbliku li se jkollu impatt dirett fuq l-aċċess tal-SMEs għall-akkwist pubbliku. Fi Frar 2013, il-Kummissjoni pproponiet li tissostitwixxi d-direttiva ġenerali għas-sikurezza tal-Prodott b'regolament dwar is-sikurezza tal-prodott tal-konsumatur li jinkludi sett eħfef ta' rekwiżiti komuni għall-kumpaniji.

Din hija parti mill-ħidma tagħna li għaddejja biex nanalizzaw u niżguraw li l-acquis communautaire kollu jkun iservi l-għan tiegħu (il-programm REFIT).

Il-Kunsill Ewropew se japprova r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-Kummissjoni biex jiggwidaw il-politiki baġittarji u ekonomiċi tal-Istati Membri matul is-sena d-dieħla. Se jistabbilixxi wkoll il-passi li jmiss biex tissaħħaħ l-arkitettura tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. L-erba' kontribuzzjonijiet tal-Kummissjoni jipprovdu l-menu għal azzjoni immedjata biex l-ekonomija tiġi xprunata biex terġa' tikber. Dawn se jgħinu biex jerġa' jkun hemm fiduċja biex il-kumpaniji jinvestu u jimpjegaw u l-banek u investituri oħrajn jerġgħu jibdew isellfu normali. Dawn juru li l-azzjoni kollettiva fil-livell tal-UE se jkollha impatt akbar minn miżuri individwali iżolati b'mod nazzjonali. Issa l-President Barroso se jibgħat dawn il-kontribuzzjonijiet lill-membri kollha tal-Kunsill Ewropew u lill-Parlament Ewropew.

Kuntatti :

Pia Ahrenkilde Hansen (+32 2 295 30 70)

Olivier Bailly (+32 2 296 87 17)

Mark Gray (+32 2 298 86 44)

Sarah Collins (+32 2 296 80 76)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site