Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Grupp ta' Livell Għoli tal-UE: ħarrġu lill-professuri biex jgħallmu

European Commission - IP/13/554   18/06/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-Istampa

Brussell, it-18 ta' Ġunju 2013

Il-Grupp ta' Livell Għoli tal-UE: ħarrġu lill-professuri biex jgħallmu

Illum il-grupp ta' livell għoli tal-EU għall-immodernizzar tal-edukazzjoni ogħla ppubblika l-ewwel rapport tiegħu dwar it-titjib tal-kwalità fil-proċess tat-tagħlim fl-universitajiet. Il-Grupp, li tippresedih Mary McAleese li kienet il-President tal-Irlanda, għamel 16-il rakkomandazzjoni (ara l-Anness 1) li jinkludu sejħa għal taħriġ obbligatorju b'ċertifikat lill-professuri u għalliema oħra tal-edukazzjoni ogħla, aktar attenzjoni biex l-istudenti jingħataw l-għajnuna jiżviluppaw ħiliet intraprenditorjali u innovattivi, u l-ħolqien ta’ Akkademja Ewropea li tgħallem u titgħallem.

Androulla Vassiliou, il-Kummissarju għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ, qalet: "Waqqaft dan il-grupp bil-għan li nħeġġeġ modi ġodda ta’ ħsieb u ideat friski. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu huma f’waqthom, prattiċi u mhux bilfors jeħtieġu ammonti kbar ta' nfiq aktar. It-tagħlim ta' kwalità fis-sistemi tagħna tat-taħriġ u l-edukazzjoni ogħla hu kruċjali biex ikun żgurat li l-istudenti jingħataw taħlita tajba ta' ħiliet għall-iżvilupp personali u professjonali tagħhom fil-futur. Il-Kummissjoni se tagħmel kulma tista' biex tappoġġa l-implimentazzjoni ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet."

Mary McAleese, il-President tal-grupp, żiedet tgħid: "It-tagħlim ta' kwalità jiddependi fuq individwi u istituzzjonijiet dedikati, bl-appoġġ ta' politiki li lit-tagħlim jagħtuh importanza ċentrali. L-għalliema tal-edukazzjoni ogħla għandhom jingħataw it-taħriġ u l-appoġġ li jeħtieġu biex jagħmlu xogħol eċċellenti. Ir-rapport tagħna juri kif dan jista' jsir."

Il-grupp li waqqfet il-Kummissarju Vassiliou f’Settembru li għadda, ikkonsulta fil-wisa' mal-partijiet interessati bħala parti minn ħidmitu. Dan sab li bosta istituti tal-edukazzjoni ogħla ma jisħqux biżżejjed fuq it-tagħlim meta mqabbel mar-riċerka, anke jekk it-tnejn huma missjonijiet ewlenin tal-edukazzjoni ogħla. "Jeħtieġ jerġa' jinstab bilanċ bejniethom. Ir-rwol tat-tagħlim biex jinstab x'inhu mertu akkademiku jeħtieġ enfasi u rikonoxximent aktar b’saħħithom, l-aktar fejn jidħlu l-karrieri," qalet il-Kummissarju. "Jien naqbel ferm mal-proposta li l-għalliem kollha tal-edukazzjoni ogħla għandhom jiġu mgħallma kif jgħallmu."

Il-passi li jmiss

Issa l-grupp ta' livell għoli se jibda jaħdem fuq it-tieni parti tal-missjoni tiegħu, iffukat fuq kif jista’ jżid kemm jista' jkun l-impatt tal-metodi l-ġodda li jwasslu edukazzjoni ogħla ta' kwalità, bħal korsijiet massivi miftuħin fuq l-internet ("MOOCs") li bihom in-nies ikunu jistgħu jaċċessaw l-edukazzjoni ogħla minn djarhom. Dan l-aħħar, xi sħab fi 11-il pajjiż nedew l-ewwel MOOCs pan-Ewropej li bl-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea (IP/13/349). Hu ppjanat li r-rapport li jmiss tal-grupp ta' livell għoli jiġi ppubblikat f'Ġunju 2014.

Il-kuntest

Il-Ħidma tal-grupp ta' livell għoli hija parti mill-istrateġija tal-Kummissjoni biex tappoġġa l-immodernizzar tal-edukazzjoni ogħla fl-Istati Membri. F'dan il-qasam diġà sar ħafna progress. Bil-proċess ta' Bologna, pereżempju, l-istudenti jsibuha eħfef jistudjaw barra minn pajjiżhom u l-kwalifiki tagħhom ikunu rikonoxxuti mal-Ewropa kollha. Il-Kummissjoni bdiet sistema ta' klassifikazzjoni tal-università, u s-sejbiet tagħha beħsiebha tippubblikahom fil-bidu tas-sena d-dieħla. B'din is-sistema se jkun eħfef li jitqabblu l-universitajiet ħalli l-istudenti jkunu jistgħu jagħżlu b'mod aktar infurmat fejn se jmorru jistudjaw.

L-Aġenda Ewropea għall-immodernizzar tal-edukazzjoni ogħla, li approvaw il-Ministri tal-Edukazzjoni fit-28-29 ta' Novembru 2011, tidentifika oqsma li l-pajjiżi tal-UE jeħtieġ jagħtuhom prijorità biex jinkisbu l-għanijiet komuni tagħhom u jsibu modi kif l-Unjoni Ewropea tkun tista' tappoġġa l-politiki tal-immodernizzar tagħhom. Fost il-prijoritajiet hemm li jitjiebu l-kwalità u r-rilevanza tal-edukazzjoni ogħla ħalli l-kurrikuli jissodisfaw il-bżonnijiet tal-istudenti, l-impjegaturi u l-karrieri tal-futur, u li jiggradwaw aktar studenti. Din tippromwovi koperazzjoni aktar b’saħħitha bejn l-universitajiet, in-negozji u r-riċerka. L-Aġenda hi parti mill-istrateġija usa' Ewropa 2020 tal-Kummissjoni li tippromwovi t-tkabbir u l-impjiegi, u li fiha l-edukazzjoni taqdi rwol ewlieni.

Erasmus għal kulħadd, il-programm il-ġdid għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport, li hu ppjanat li jitnieda f'Jannar, se jappoġġa riforma tal-politika fl-Istati Membri, filwaqt li jisħaq li tissaħħaħ il-bażi tal-evidenza li tgħin fit-tfassil tal-politika u l-iskambju tal-prattiki tajba. Il-programm hu mistenni jkollu baġit ta' madwar EUR 14.5 biljun għal 2014-2020, jiġifieri 40% aktar mill-programmi attwali, u se jipprovdi għotjiet għal 4 miljun persuna biex jiksbu esperjenza internazzjonali u ħiliet billi jistudjaw, jitħarrġu jew jagħmlu volontarjat barra minn pajjiżhom.

Għal aktar tagħrif

L-Aġenda għall-immodernizzar tal-edukazzjoni ogħla

Ir-rapport jista' jinstab hawn:

http://ec.europa.eu/education/higher-education/doc/modernisation_en.pdf

MEMO/13/581

Il-Kummissjoni Ewropea: Edukazzjoni u taħriġ

Il-websajt ta' Androulla Vassiliou

Segwi lil Androulla Vassiliou fuq Twitter @VassiliouEU

Kuntatti:

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58); Twitter: @DennisAbbott

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)

Il-Grupp ta’ Livell Għoli għall-Immodernizzar tal-Edukazzjoni Ogħla

Rakkomandazzjonijiet biex tittejjeb il-kwalità fil-proċess tat-tagħlim

Fir-rapport tiegħu, il-Grupp ta' Livell Għoli fassal mogħdijiet biex tittejjeb il-kwalità fil-proċess tat-tagħlim. Filwaqt li żammejna f'moħħna l-punti tat-tluq differenti tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla u l-pajjiżi, pruvajna noffru firxa wiesgħa ta' strumenti, għodod, u eżempji prattiċi biex nuru kif approċċi differenti – li ħafna drabi jkunu sempliċi – jistgħu jaħdmu. U biex nerġa' lura mnejn tlaqna: l-importanza tat-tagħlim. It-tagħlim hu importanti daqs kemm ir-riċerka hi importanti. Il-kwalità fil-proċess tat-tagħlim irridu nagħtuha importanza ewlenija.

U għalhekk nirrakkomandaw li:

Ir-Rakkomandazzjoni 1

L-awtoritajiet pubbliċi li huma responsabbli mill-edukazzjoni ogħla għandhom jiżguraw li jkun hemm qafas sostenibbli u ffinanzjat sew li jappoġġa l-isforzi tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla biex itejbu l-kwalità fil-proċess tat-tagħlim.

Ir-Rakkomandazzjoni 2

Kull istituzzjoni għandha tiżviluppa u timplimenta strateġija biex tappoġġa u ttejjeb kontinwament il-kwalità fil-proċess tat-tagħlim, filwaqt li talloka l-ammont meħtieġ ta' riżorsi umani u finanzjarji għal dan il-għan u tintegra din il-prijorità fil-missjoni ġenerali tagħha, u lit-tagħlim tagħtih l-istess importanza li jkollha r-riċerka.

Ir-Rakkomandazzjoni 3

L-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla għandhom iħeġġu, jilqgħu u jqisu r-rispons li jagħtu l-istudenti li jaf joħroġ fid-dieher problemi fl-ambjent tat-tagħlim minn kmieni u jwassal għal titjib aktar malajr u aktar effettiv.

Ir-Rakkomandazzjoni 4

Fl-2020 kull għalliem f'istituzzjoni tal-edukazzjoni ogħla għandu jkun ħa taħriġ pedagoġiku ċċertifikat. L-edukazzjoni professjonali kontinwa lill-għalliema għandha ssir rekwiżit għall-għalliema fis-settur tal-edukazzjoni ogħla.

Ir-Rakkomandazzjoni 5

Id-deċiżjonijiet dwar l-ingaġġ, il-progress u l-promozzjoni tal-persunal akkademiku għandhom iqisu valutazzjoni tal-kompetenzi fit-tagħlim flimkien ma' fatturi oħrajn.

Ir-Rakkomandazzjoni 6

Il-kapijiet tal-istituzzjonijiet u d-diretturi istituzzjonali għandhom jagħrfu u jippremjaw (eż. b'boroż ta' studju jew premjijiet) lill-għalliema tal-edukazzjoni ogħla li jagħtu kontribut sinifikanti biex tittejjeb il-kwalità fil-proċess tat-tagħlim, kemm bil-prattika tagħhom kif ukoll bir-riċerka li jagħmlu dwar il-proċess tat-tagħlim.

Ir-Rakkomandazzjoni 7

Il-kurrikuli għandhom jinħolqu u jiġu monitorjati bi djalogu u sħubijiet mal-għalliema, l-istudenti, il-gradwati u l-atturi tas-suq tax-xogħol, sabiex jitfasslu skont metodi ġodda tat-tagħlim ħalli l-istudenti jiksbu l-ħiliet rilevanti li jtejbu l-impjegabbiltà tagħhom.

Ir-Rakkomandazzjoni 8

Kif l-istudent imur fl-attivitajiet tat-tagħlim għandu jitkejjel skont riżultati tat-tagħlim ċari u maqbula, imfassla flimkien mal-membri kollha tal-fakultà li huma involuti biex iwassluhom.

Ir-Rakkomandazzjoni 9

L-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla u dawk li jfasslu l-politika nazzjonali id f'id mal-istudenti għandhom jistabbilixxu sistemi li lill-istudenti jagħtuhom il-pariri u gwida, jieħdu ħsiebhom u jsegwuhom waqt li dawn ikunu qed jieħdu edukazzjoni ogħla sa ma jiggradwaw u anke wara.

Ir-Rakkomandazzjoni 10

L-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla għandhom jibdew jużaw u jippromwovu approċċi għat-tagħlim u li jkunu kontrodixxiplinarji, transdixxiplinarji u interdixxiplinarji ħalli lill-istudent jgħinuh jiżviluppa firxa tal-għarfien u mentalitajiet intraprenditorjali u innovattivi.

Ir-Rakkomandazzjoni 11

L-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla – bl-għajnuna tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-UE – għandhom jappoġġaw lill-għalliema tagħhom biex dawn jiżviluppaw il-ħiliet biex jgħallmu bl-internet u b'forom oħra li toffri l-era diġitali, u għandhom jaħtfu l-opportunitajiet li tagħti t-teknoloġija biex itejbu l-kwalità fil-proċess tat-tagħlim.

Ir-Rakkomandazzjoni 12

L-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla għandhom jiżviluppaw u jimplimentaw l-istrateġiji ħolistiċi tal-internazzjonalizzazzjoni bħala parti integrali mill-missjoni u l-funzjonijiet ġenerali tagħhom. Żieda fil-mobbiltà tal-istudenti u l-persunal, kurrikuli b'dimensjoni internazzjonali, fakultà b'esperjenza internazzjonali, b'ħakma biżżejjed tal-Ingliż u lingwa oħra barranija u kompetenzi interkulturali, korsijiet u lawrei li jitwasslu b'mod transnazzjonali, u alleanzi internazzjonali għandhom jibdew jitqiesu komponenti indispensabbli tal-edukazzjoni ogħla fl-Ewropa u lil hinn.

Ir-Rakkomandazzjoni 13

L-Unjoni Ewropea għandha tappoġġa l-implimentazzjoni ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet, b'mod partikolari billi: tippromwovi:

metodoloġiji u approċċi pedagoġiċi innovattivi għall-proċess tat-tagħlim;

metodi għal gwida, pariri u direzzjoni;

tfassil aħjar tal-programmi sabiex jitqiesu l-aħħar riċerki dwar it-tagħlim tal-bniedem;

il-professjonalizzazzjoni u l-iżvilupp tal-għalliema, il-ħarrieġa u l-persunal;

il-mobbiltà u l-iskambji tal-akkademiċi għal esperjenzi twal biex jgħallmu; u

il-ġbir sistematiku u regolari tad-dejta dwar kwistjonijiet li jolqtu l-kwalità fil-proċess tat-tagħlim.

Ir-Rakkomandazzjoni 14

L-Unjoni Ewropea għandha tappoġġa t-twaqqif ta' Akkademja Ewropea li tgħallem u titgħallem, li jmexxuha l-partijiet interessati, u li tkun ispirata mill-prattiċi tajba msemmija f'dan ir-rapport.

Ir-Rakkomandazzjoni 15

Ir-riċerkaturi li jappoġġawhom l-azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie u li jkun beħsiebhom jieħdu karriera fil-qasam akkademiku għandhom jingħataw l-opportunità biex jiksbu kwalifiki fit-tagħlim professjonali u appoġġ fl-attivitajiet tat-tagħlim waqt li jkunu għaddejjin bir-riċerka tagħhom.

Ir-Rakkomandazzjoni 16

Fil-Ftehimiet ta' Sħubija tagħhom minn Fondi Strutturali, l-Istati Membri id f'id mar-reġjuni huma mħeġġa jipprijoritizzaw inizjattivi biex jappoġġaw l-iżvilupp tal-ħiliet pedagoġiċi, id-disinn u l-implimentazzjoni ta' programmi rilevanti għall-ħtiġijiet soċjali u tas-suq tax-xogħol, u t-tisħiħ ta' sħubiji bejn l-edukazzjoni ogħla, in-negozji u s-settur tar-riċerka.

Membri tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar l-Immodernizzar tal-Edukazzjoni Ogħla

Mary McAleese (President)

Mary McAlesse kienet il-President tal-Irlanda mill-1997 sal-2011. Fl-1973 hi gradwat fil-liġi minn Queen's University f'Belfast, u fl-1974 daħlet fin-Northern Ireland Bar. Fl-1975 ingħatat il-Professorat Reid fil-liġi kriminali, il-kriminoloġija u l-penoloġija fi Trinity College Dublin u fl-1987, irritornat lura Queen’s sabiex issir Direttur tal-istitut ta’ studji legali professjonali. Fl-1994, hi saret l-ewwel Pro-Viċi Kanċillier mara fi Queen's University.

Agneta Bladh

Dott. Bladh tippresiedi l-Bord ta’ Tmexxija tal-Iskola tax-Xjenzi tas-Saħħa ta' Jönköping u l-bord tal-librerija tal-Università ta' Stokkolma. Hija wkoll membru tal-bord tat-tmexxija tal-Università ta' Uppsala, il-bord ta’ Oslo u l-Kulleġġ tax-Xjenzi Applikati ta' Akershus (in-Norveġja) u l-bord li qed jipprepara t-tħejjija tal-amalgamazzjoni bejn iż-żewġ universitajiet fin-Norveġja. Dott Bladh hija Membru tal-Kunsill Daniż tal-Akkreditament u l-Bord Konsultattiv tal-Awtorità Svediża tal-Edukazzjoni Ogħla. Dott Bladh kienet rettur tal-Università ta' Kalmar, l-Isvezja, minn Frar 2004 sa Diċembru 2009. Mill-1998 sal-2004, kienet is-segretarja tal-Ministeru Svediż tal-Edukazzjoni u x-Xjenza, responsabbli għall-edukazzjoni ogħla u r-riċerka, u mill-1995 sal-1998, kienet id-Direttur Ġenerali fl-Aġenzija Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla. Agneta Bladh għandha Dottorat fix-xjenza politika mill-Università ta' Stokkolma (1988).

Vincent Berger

Vincent Berger huwa l-president tal-Università Paris Diderot. Mill-1990 sal-2001, huwa ħadem fil-Laboratoire Central de Recherches għas-settur ajruspazjali multinazzjonali Thales (ex Thomson CSF). Fl-2001, ingħaqad mal-Università Paris Diderot — Paris 7 bħala professur, u sal-2006 kien Kap tal-fenomini quantum u l-laboratorju tal-materjali. Fl-2002, irċieva l-premji Fabry-de Gramont u MIT Young Innovator. Huwa ppubblika madwar 150 paġna fil-ġurnali internazzjonali, u għandu 16-il privattivi. Fl-2012, huwa kien nominat relatur ġenerali tal-assiżi nazzjonali dwar l-edukazzjoni ogħla u r-riċerka fi Franza mill-Ministru tal-Edukazzjoni Genevieve Fioraso. 

Christian Bode

Għal 20 sena (mill-1990 sal-2010) Christian Bode kien is-segretarju ġenerali tas-Servizz tal-Iskambju tal-Akkademja Ġermaniża. Christian Bode studja l-liġi u fl-1971 irċieva d-dottorat tiegħu mill-Università ta’ Bonn. Bejn l-1972 u l-1982, hu okkupa diversi pożizzjonijiet għolja fil-Ministeru Federali tal-Edukazzjoni u x-Xjenza. Mill-1982 sal-1990 huwa kien segretarju ġenerali tal-Konferenza Ġermaniża għar-Retturi. Kien wieħed mill-fundaturi tal-Assoċjazzjoni għall-Kooperazzjoni Akkademika fi Brussell u serva diversi drabi bħala l-viċi president tagħha.

Christian Bode hu awtur ta' diversi pubblikazzjonijiet relatati mal-aspetti kollha tal-politika dwar l-edukazzjoni ogħla, b’enfasi fuq kooperazzjoni internazzjonali bejn l-universitajiet. Hu membru ta’ diversi bordijiet amministrattivi tal-universitajiet fil-Ġermanja u lil hinn minnha (Munich, Berlin, Muscat, Shanghai) u tas-soċjetajiet professjonali.

Jan Muehlfeit

Jan Muehlfeit huwa l-President tal-Microsoft Corporation fl-Ewropa. Matulil-ħidma tiegħu mal-Microsoft għal kważi 20 sena huwa okkupa diversi pożizzjonijiet, fis-sussidjarjaSlovakka/Ċeka tagħha mill-1993 sal-2000 u kien responsabbli għall-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant mill-2000 sal-2005. Fl-2005, huwa kellu r-rwol ta' Viċi President tat-tim tas-settur pubbliku tal-Microsoft u fl-2006 kien il-Viċi President tal-Istrateġija Korporattiva u Governattiva għall-Ewropa, il-Lvant Nofsani u l-Afrika. Is-Sur Muehlfeit huwa l-Viċi President tal-Akkademja tal-Azjendi fis-Soċjetà, membru tal-Bord tal-Junior Achievement, kopresident tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-ħiliet fl-informatika u membru tal-bord tal-organizzazzjoni tal-istudenti tal-AISEC (Association Internationale des Etudiants en Sciences Economiques et Commerciales) u l-korp konsultattiv tal-Ovum, kumpanija li tispeċjalizza fl-analiżi u fil-konsultazzjoni dwar it-teknoloġija. Serva f'diversi bordijiet konsultattivi għal bosta gvernijiet Ewropej fir-rigward tat-teknoloġija tal-informatika, tal-kompetittività nazzjonali u tal-edukazzjoni. Huwa jirrappreżenta wkoll lil Microsoft fid-Djalogu Trans-Atlantiku dwar in-Negozju u huwa konsulent dwar proġetti differenti għall-Forum Ekonomiku Dinji, l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) u ċ-Ċentru tal-Politika Ewropea.  Huwa wkoll membru tal-bord tal-Mużew Nazzjonali Ċek u membru tal-Leaders' Council tal-International Business Leaders Forum. Huwa ggradwa mill-Università Teknika Ċeka u wara temm b'suċċess programmi tal-iżvilupp maniġerjali f’Wharton, fil-London School of Economics u Harvard.

Tea Petrin

Tea Petrin hija Professur fil-fakultà tal-Ekonomija fl-Università ta’ Ljubljana, is-Slovenja, fejn hija wkoll il-Kap tal-Unità tal-intraprenditorija akkademika. Hija membru tas-senat universitarju. Is-Sinjura Petrin kienet Professur mistiedna fl-Università ta' Massachusetts f'Amherst u fil-Haas School of Business, UC Berkeley. Kienet ukoll professur Fulbright fl-Istitut tal-Istudji Internazzjonali f'UC Berkeley u fiċ-Ċentru għall-Kompetittività Industrijali fl-Università ta' Massachusetts Lowell. Hija esperta rinomata fl-intraprenditorija u fil-politiki ta’ innovazzjoni, u fil-programmi tal-iżvilupp reġjonali. Mill-1999 sal-2004, kienet il-Ministru tal-Ekonomija tas-Slovenja. Mill-2004 sal-2008, kienet l-Ambaxxatur tas-Slovenja għall-Pajjiżi l-Baxxi, u rappreżentat lill-pajjiżha fil-Kunsill Ewropew għan-Negozji ż-Żgħar u kienet membru tal-Kunsill Internazzjonali għan-Negozji ż-Żgħar. Hija l-Viċi-President tal-Bord ta’ Konsulenti tal-Istitut għall-Kompetittività, Membru tal-Bord Konsultattiv tal-Forum Ewropew tar-Riċerka dwar l-Intraprenditorija u Membru tal-Bord tan-Netwerk tar-Riċerka Akkademika. Hija ppresediet il-grupp tal-politika dwar il-cluster fid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għall-Intrapriża u l-Industrija (2009-2010), kienet membru tad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2010-2011) u l-kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti għall-politika tal-iżvilupp għall-perjodu ta’ Jannar 2013 sa' Diċembru 2015.

Alessandro Schiesaro

Alessandro Schiesaro huwa Professur fl-Università ta' Ruma-Sapienza u Direttur tas-Sapienza School of Advanced Studies. Wara li studja f’Pisa, f'Berkeley u f'Oxford, Alessandro Schiesaro għallem fl-Istati Uniti, inkluż bħala professur tal-klassiċi f’Princeton, u fir-Renju Unit bħala professur tal-Latin f'King’s College ta' Londra. Mill-2008 huwa ppresieda is-segretarjat tekniku tal-Ministeru Taljan għall-Universitajiet u r-Riċerka.

Loukas Tsoukalis

Loukas Tsoukalis huwa Professur Jean Monnet dwar l-integrazzjoni Ewropea fl-Università ta’ Ateni u professur mistieden fil-Kulleġġ tal-Ewropa fi Bruges. Huwa President tal-Fondazzjoni Ellenika għall-Politika Ewropea u dik Barranija, u kien il-konsulent speċjali tal-President tal-Kummissjoni Ewropea. Huwa għallem fl-Università ta’ Oxford, fil-London School of Economics, f'Sciences PO f’Pariġi, u fl-Istitut Universitarju Ewropew ta' Firenze. Huwa kiteb bosta kotba u artikli dwar l-integrazzjoni Ewropea u l-ekonomija politika internazzjonali, li ġew tradotti f’diversi lingwi.

Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website