Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-17 ta’ Ġunju 2013

Rapport tal-Kummissjoni jappella għal linji ta' politika b'perspettiva dwar il-migrazzjoni

Kif qegħdin jindirizzaw l-isfidi u l-opportunitajiet li ġġib magħha l-migrazzjoni l-UE u l-Istati Membri tagħha? Rapport tal-Kummissjoni, li janalizza l-iżviluppi tal-2012 u tal-bidu tal-2013, li ġie ppubblikat illum, jappella għal reazzjoni aktar koerenti min-naħa tal-UE.

Din tinkludi t-tisħiħ ta’ immigrazzjoni legali u ta' linji ta' politika ta’ integrazzjoni ġestiti sewwa, u l-ħidma fuq ġestjoni aktar moderna u effiċjenti tal-flussi tal-vjaġġaturi fuq il-fruntieri esterni tagħha. Teħtieġ ukoll it-tisħiħ tal-ġlieda konta t-traffikar tal-bnedmin u indirizzar aħjar tal-migrazzjoni irregolari filwaqt li jiġi żgurat li d-drittijiet fundamentali tal-immigranti u ta' dawk li jfittxu l-asil ikunu garantiti.

"Wasalna biex nistabbilixxu sistema komuni Ewropea ta' asil li tiżgura l-protezzjoni ta' dawk l-aktar vulnerabbli u li turi solidarjetà magħhom. Ħafna minn dawn in-nies huma nies b'ħafna ħiliet u jridu jingħataw il-possibilità li jaslu għall-milja tal-potenzjal kollu tagħhom fil-pajjiżi l-ġodda tagħhom. L-istess jista’ jingħad għal gruppi oħra ta’ migranti"qalet Cecilia Malmström, il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni. “L-approċċ tagħna lejn il-migrazzjoni għandu jirrifletti prijoritajiet u ħtiġijiet futuri komuni. Jeħtieġ li jkun hemm linji ta' politika kif ukoll tmexxija politika li jagħmlu mill-migrazzjoni forza dinamika għat-tkabbir u l-progress ", żiedet tgħid.

Il-migrazzjoni bħala għodda għat-tkabbir

Mhux se jgħaddi ħafna żmien qabel ma l-Ewropa tibda tħoss l-impatt tat-tixjiħ tal-popolazzjoni , u forza tax-xogħol li qed jonqos. Anki llum, minkejja l-livelli għolja ta' qgħad, hemm madwar żewġ miljun post tax-xogħol battal madwar l-UE, bħal fl-oqsma tas-saħħa, tat-teknoloġiji tal-komunikazzjoni tal-informatika, l-inġineerija, il-bejgħ u l-finanzi. Filwaqt li l-immigrazzjoni mhix l-unika soluzzjoni biex jimtela l-vojt fil-ħiliet fejn dan jeżisti, hija tifforma bla dubju parti minn soluzzjoni komuni li ssostni l-istrateġija għat-tkabbir ekonomiku tal-UE.

Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-migrazzjoni tikkontribwixxi biex jiġu attirati ċerti kategoriji ta’ migranti, bħad-Direttiva tal-Blue Card li tiffaċilita d-dħul u r-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jidħlu f'impjiegi li jirrekjedi kwalifiki għoljin (il-Kummissjoni se tippubblika rapport dwar l-implimentazzjoni tagħha sa nofs l-2014). In-negozjati dwar It-trasferimenti fi ħdan il-korporazzjonijiet kif ukoll id-Direttivi dwar il-Ħaddiema Staġjonali imxew 'l quddiem fl-2012, iżda hemm bżonn ta' aktar sforzi mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill biex jilħqu qbil.

Il-Kummissjoni qed tittama wkoll li jsir progress malajr dwar il-proposta tagħhabiex ikun hemmregoli aktar ċari u aktar konsistenti għal ċittadini li mhumiex tal-UE li jiġu fl-UE biex jistudjaw, jagħmlu riċerka xjentifika u skambji oħra (IP/13/275 u MEMO/13/281).

Fuq kollox l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm miżuri effettivi biex jippromwovu l-integrazzjoni. Il-migranti għandhom ikunu jistgħu jiżviluppaw il-potenzjal sħiħ tagħhom f’ambjent fejn id-drittijiet fundamentali tagħhom ikunu rispettati bis-sħiħ u fejn ikunu jistgħu jipparteċipaw fil-prosperità tas-soċjetajiet tagħna. L-implimentazzjoni korretta mill-Istati Membri tad-Direttiva dwar il-permess uniku li tagħti ċerti drittijiet ugwali lil ħaddiema ta’ pajjiżi terzi se tkun importanti.

Nilqgħu l-isfidi fil-protezzjoni internazzjonali

Bl-adozzjoni ta’ regoli u standards ġodda dwar kif għandhom jintlaqgħu persuni li jkunu qed jitolbu għal protezzjoni, l-UE resqet eqreb lejn żona komuni ta’ protezzjoni u solidarjetà għal dawk li huma l-aktar vulnerabbli. Issa hemm bżonn ta’ sforzi kbar biex tiġi implimentata l-leġiżlazzjoni u jiġi żgurat li din is-sistema komuni tiffunzjona tajjeb u b’mod uniformi.

Fl-2013 il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tkompli tippromwovi l-kooperazzjoni prattika, inkluż permezz tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Asil, u s-solidarjetà fi ħdan l-UE (mal-Greċja, ma' dawk li qed jaħarbu mis-Sirja u dwar it-trasferiment ta’ dawk li jgawdu minn protezzjoni internazzjonali fl-UE).

Is-solidarjetà m’għandhiex tieqaf mal-fruntieri tal-UE. Fl-2012 kien hemm il-ħolqien tal-Programm Konġunt tal-UE dwar ir-Risistemazzjoni taħt il-Fond Ewropew għar-Refuġjati. Għall-ewwel darba, l-Istati Membri qablu fuq lista ta’ prijoritajiet speċifiċi komuni tal-UE dwar ir-risistemazzjoni għall-2013. Taħt din l-iskema, l-Istati Membri parteċipanti wegħdu li jirrisistemaw 3 962 refuġjat fl-2013 (meta mqabbel ma’ 3 083 post ta' risistemazzjoni għall-2012). Il-linji ġenerali tal-Programm ta’ Risistemazzjoni tal-Unjoni mill-2014 ’il quddiem qed jiġu nnegozjati bħala parti mill-Fond għall-Asil u l-Migrazzjoni ġdid. Il-Kummissjoni għandha l-għan li tara li jiġu stabbiliti skemi nazzjonali ta’ risistemazzjoni u biex jiżdiedu dawk li diġà jeżistu.

Fl-2012 sar progress konsiderevoli fejn jidħol it-traffikar tal-bnedmin(IP/12/619 and MEMO/12/455), u dwar kif jista' tiġi żgurata l-protezzjoni ta' minuri mhux akkumpanjati, li jaslu fl-UE kull sena.

Ir-reazzjoni politika tal-UE għal pressjonijiet migratorji

Approċċ koerenti biex tiġi indirizzata l-migrazzjoni irregolari hija prekundizzjoni għal politika kredibbli dwar il-migrazzjoni legali u l-mobilità.

Sa tmiem l-2012, l-Istati kollha marbuta bid-Direttiva dwar ir-Ritorn1, ħlief l-Islanda, innotifikaw lill-Kummissjoni li kienu għamlu trażpozizzjoni sħiħa. L-UE issa hija qrib ħafna li jkollha standards komuni fejn jidħol ir-ritorn, b’rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali. Il-Kummissjoni se toħroġ Komunikazzjoni dwar ir-ritorn (ippjanata għal Diċembru 2013). Hija se tara wkoll li l-Istati Membri kollha jimplimentaw kif suppost id-Direttiva dwar is-Sanzjonijiet għal Min Iħaddem.

Il-Kummissjoni se tkompli taħdem lejn l-integrazzjoni tad-drittijiet fundamentali f'attivitajiet ta’ ġestjoni tal-fruntieri tal-UE. F'dan il-kuntest, is-Sistema Ewropea ta' Sorveljanza tal-Fruntieri (EUROSUR) għandha l-potenzjal li tkun strument li jsalva l-ħajjiet billi jiffaċilita d-detezzjoni u l-intraċċar ta' opri żgħar tal-baħar. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jaqblu formalment dwar din il-proposta bil-ħsieb li EUROSUR ikun qed jopera sa tmiem l-2013 (IP/11/1528 and MEMO/11/896).

Kontrolli aktar intelliġenti tal-viżi u fuq il-fruntieri li jikkontribwixxu għat-tkabbir

It-titjib tal-faċilitajiet tal-ivvjaġġar għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jżuru l-UE huwa mod ieħor biex l-UE ssir destinazzjoni aktar attraenti.

Il-Kummissjoni ppreżentat proposti li jiffaċilitaw u jsaħħu l-proċeduri ta' kontrolli fuq il-fruntieri għal barranin li jkunu qed jivvjaġġaw lejn l-UE (il-pakkett Fruntieri Intelliġenti – IP/13/162 u MEMO/13/141). Sejra wkoll tipproponi li l-politika dwar il-viża tkompli tkun ta' sostenn għat-tkabbir ekonomiku u l-iskambji kulturali billi tiffaċilita l-ivjaġġar ta' vjaġġaturi leġittimi bħal ma huma negozjanti, turisti, studenti u żgħażagħ (IP/12/1177 and MEMO/12/838).

It-tisħiħ tad-djalogu internazzjonali dwar il-migrazzjoni

Wara l-pubblikazzjoni fl-2011 tal-Approċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilita (GAMM), fl-2012 saru djalogi intensivi f'livell internazzjonali u fl-iżvilupp ta' ftehimiet bilaterali (ġiet iffirmata Sħubija dwar il-Mobilità mal-Marokk IP/13/513).

Aktar tard din is-sena, il-Kummissjoni se tadotta rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità li jiffoka fuq id-dimensjoni esterna tal-politika dwar il-migrazzjoni tal-UE. Dan l-aħħar ippreżentat ukoll il-veduti tagħha dwar kif il-migrazzjoni u l-mobilità jistgħu jkunu ta' kontribut għall-iżvilupp u kif tista' tissaħħaħ il-kooperazzjoni globali f'dan il-qasam (IP/13/450).

Sfond

Ir-Rapporti Annwali dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil jsegwu t-talba magħmula mill-Kunsill Ewropew meta adotta l-Patt dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil tal-2008.

Ir-raba’ rapport jixħet dawl fuq l-iżviluppi ewlenin tal-2012 biex jiġu indirizzati l-isfidi f’dawn l-oqsma, kif ukoll ċifri ewlenin dwar is-sitwazzjoni migratorja tal-UE. Mar-rapport hemm ukoll dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jipprovdi stampa ġenerali fattwali komprensiva tal-passi meħuda kemm fuq il-livell tal-UE kif ukoll fuq livell nazzjonali.

Xi ċifri ewlenin (ara wkoll l-infografika f'asil u immigrazzjoni)

  • Skont id-dejta tal-Eurostat, fl-1 ta’ Jannar 2012, il-popolazzjoni totali tal-UE kienet ta' 503.7 miljun, żieda ta’ 1.3 miljun mill-2011.

  • Il-popolazzjoni tal-UE fl-età tax-xogħol (bejn 15 u 64 sena) kienet ta' 335.4 miljun fl-2012 u huwa pproġettat li din tonqos matul il-50 sena li ġejjin biex tinżel għal 290.6 miljun fl-2060.

  • Il-proporzjon ta’ dipendenza fix-xjuħija laħaq 26.8 % fl-2012 u huwa mbassar li jiżdied b’mod drastiku sa 52.6 % sal-2060.

  • L-20.7 miljun ċittadin minn pajjiżi terzi li jgħixu fl-UE kienu madwar 4.1 % tal-popolazzjoni totali tal-UE.

  • L-għadd ta' permess ta' residenza primarja maħruġa lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi, kien ta' kważi 2.5 miljun fl-2011.

  • L-għadd totali ta' applikazzjonijiet għall-asil fl-2012 żdied b’ 9,7 % meta mqabbel mal-2011, u laħaq ftit aktar minn 330 000 (li huwa sew taħt il-quċċata ta’ 425 000 milħqua fl-2001).

Links Utli

Ir-Raba' Rapport Annwali dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil

Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja r-rapport

Il-websajt ta' Cecilia Malmström

Segwi lill-Kummissarju Malmström fuq Twitter

Il-websajt tad-DĠ Affarijiet Interni

Segwi d-DĠ Affarijiet Interni fuq Twitter

In-Netwerk Ewropew tal-Migrazzjoni: http://www.emn.europa.eu

Infografika fuq ix-xejriet tal-asil fl-UE

Infografika fuq il-migrazzjoni

Kuntatti:

Michele Cercone (+32 2 298 09 63)

Tove Ernst (+32 2 298 67 64)

1 :

L-Istati Membri kollha tal-UE (ħlief l-Irlanda u r-Renju Unit) u l-istati ta' Schengen assoċjati.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website